George Vella

Żewġ imħallfin ġodda jieħdu l-ġurament tal-ħatra

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Fil-Palazz Presidenzjali l-Belt, ħadu l-ġurament tal-ħatra l-imħallfin ġodda Doreen Clarke u Josette Demicoli.

“Dawn l-aħħar xhur smajna u tkellimna ħafna fuq il-ħtieġa ta’ aktar riżorsi fil-Qrati tagħna, u fuq kemm fadal x’isir biex jiġu evitati d-dewmien u l-proċeduri twal fl-implimentazzjoni tal-ġustizzja. Nemmen li dan li qed nagħmlu llum huwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba biex intaffu ftit minn din il-problema,” qal il-President ta’ Malta George Vella waqt li ppreseda ċ-ċerimonja tal-ġurament tal-ħatra.

Il-President qal li l-poplu Malti ser ikun qed iserraħ fuq l-għaqal u d-dehen tal-imħallfin ġodda biex tkompli titħares il-Kostituzzjoni, il-liġijiet, kif ukoll l-interessi ta’ kull persuna.

Filwaqt li fisser din l-okkażjoni bħala importanti ħafna għall-ġustizzja u għat-tisħiħ tal-istat tad-dritt f’Malta, il-President Vella qal li ż-żewġ imħallfin għandhom esperjenza twila u pożittiva bħala maġistrati.

“Bħala ġudikanti nisa, intom tafu tkunu ta’ eżempju, role model, għal bosta tfajliet u studenti nisa u ta’ ispirazzjoni għalihom biex jieħdu l-istess passi għal karriera ta’ suċċess u siewja għas-soċjetà, bħalkom,” stqarr il-President filwaqt li fakkarhom biex ikunu mmexxija dejjem minn sens ta’ responsabbiltà, professjonalità, imparzjalità u integrità.

Il-President ħeġġeġ lill-Imħallfin Doreen Clarke u Josette Demicoli biex iżommu quddiem għajnejhom li għall-poplu, huma eżempju ta’ korrettezza, etika u onestà fl-imġiba tagħhom, kullimkien mhux fuq il-bank tal-Qorti biss.

Preżenti għaċ-ċerimonja tal-ħatra kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, l-Avukat tal-Istat Chris Soler, u l-Prim Imħallef Mark Chetcuti.

Skip to content