Il-President George Vella segwa l-proċess tal-istampar tal-pubblikazzjoni ‘Tisjir mill-Qalb 2023’ ftit jiem qabel ma toħroġ għall-bejgħ b’risq The Malta Community Chest Fund.
It-tema magħżula għall-aħħar edizzjoni ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’ f’din il-presidenza twaħħad id-diplomazija mal-gastronomija. Il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-ambaxxaturi u lill-kummissarji għolja residenti f’Malta tal-kontribut kbir tagħhom permezz ta’ riċetti tipiċi tal-pajjiżi tagħhom. “Id-dinja globalizzata li ngħixu fiha llum tagħtina aċċess ferm iktar wiesa’ għal riċetti barranin. Din l-aċċessibilità tgħin sabiex inkunu nistgħu nifhmu iktar lil xulxin u napprezzaw aħjar il-wirt kulturali u gastronomiku ta’ pajjiżi differenti madwar id-dinja”, stqarr il-President waqt li żar l-istamperija tal-kumpanija Best Print.
Il-koordinatur tal-ktieb, Dr Paulino Schembri, qal li ‘Tisjir mill-Qalb’ din is-sena jinseġ l-ikel u l-kultura flimkien b’ġabra ta’ riċetti tradizzjonali minn pajjiżi li forsi qatt mhu se jkollna l-opportunità li nżuru. Il-ktieb jiġbor riċetti minn 20 pajjiż differenti lkoll magħmula minn ingredjenti li nsibu fi ħwienet lokali.
‘Tisjir mill-Qalb 2023’, li din is-sena għandu dehra ġdida, qed jiġi stampat bil-Malti u bl-Ingliż u se jkun għall-bejgħ għall-prezz ta’ €15 mill-Uffiċċji tal-Malta Community Chest Fund, The President’s Kitchen Garden, Agenda Bookshop, mill-fergħat tal-Maltapost, mill-ħwienet tal-Maypole, u minn Pavi – Pama Supermarkets.
Il-President George Vella u s-Sinjura Vella se jkunu qed jiffirmaw kopji tal-ktieb ‘Tisjir mill-Qalb’ fil-kumpless Tignè Point f’Tas-Sliema nhar is-Sibt 9 ta’ Diċembru bejn il-11:00am u s-siegħa ta’ waranofsinhar.



