L-ewwel edizzjoni tal-‘Mixja mal-President’ b’risq The Malta Community Chest Fund (MCCF) kienet suċċess kbir b’folla sabiħa ta’ parteċipanti jingħaqdu flimkien f’mixja li bdiet mill-Palazz Verdala, fid-direzzjoni tal-Palazz ta’ Sant’Anton u ntemmet quddiem il-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Il-President ta’ Malta George Vella radd ħajr lil dawk kollha li ngħaqdu miegħu għal din il-mixja li nzertat l-aħħar attività tax-xorta tagħha f’din il-Presidenza. Il-President ħeġġeġ lil kulħadd biex l-istess spirtu ta’ solidarjetà li osserva fil-mixja, ikompli fil-ġimgħat li ġejjin fosthom fil-kampanja tal-BOV Piggy Bank Campaign u l-Istrina, l-għada tal-Milied, fost oħrajn.
F’kelmtejn fi tmiem l-avveniment, il-President Vella qal li l-mixja kienet xhieda oħra ta’ kif il-Maltin lesti jingħaqdu u jkunu ġenerużi ma’ min ikun għaddej minn żmien diffiċli. Fakkar li l-MCCF qed tirċievi aktar talbiet u l-ispejjeż qegħdin dejjem aktar jiżdiedu.
Fil-‘Mixja mal-President’ ħadu sehem l-Arċisqof Charles J. Scicluna, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, u għadd ta’ membri parlamentari.
Il-‘Mixja mal-President’ saret b’kollaborazzjoni ma’ SportMalta u bl-appoġġ tal-kumpanija Enemed, li hija l-isponsor ewlieni, u numru ta’ kumpaniji oħrajn.
Ritratti (OPR)




