Dr Claudine Borg
It-traduzzjoni mhix l-ewwel ħaġa li normalment tiġina f’moħħna meta naħsbu fl-identità Maltija u f’dak li jsawwarha. Madankollu – kif isostni Michael Cronin fi Translation and Identity –meta niddiskutu kwistjonijiet relatati mal-identità f’soċjetà umana, it-traduzzjoni għandha tkun fiċ-ċentru ta’ ħsibijietna. It-traduzzjoni, infatti, kellha u għad għandha sehem sinifikanti fit-tiswir tal-identità nazzjonali tagħna, speċjalment fejn jidħol il-Malti u l-letteratura Maltija. Kif?
It-traduzzjoni xprunat il-kitba bil-Malti. Skont Storja tal-Ilsien u l-Letteratura Maltija – kronoloġija ta’ Mario Cassar, wara l-Kantilena, waħda mill-ewwel kitbiet letterarji bil-Malti li nafu bihom sa issa hija traduzzjoni: il-poeżija ‘Lill-Granmastru Cottoner’ ta’ Giovanni Francesco Bonamico, miktuba bil-Franċiż u maqluba minnu stess għall-Malti. Warajha nsibu l-poeżija ta’ awtur anonimu Għawdxi ‘Jaħasra Mingħajr Ħtija’, u mbagħad hemm it-traduzzjoni bil-Malti tal-Pater Noster. Meta nanalizzaw din il-lista nindunaw kemm tassew it-traduzzjoni tat spinta lill-Malti. Milli jidher, l-ewwel ktieb stampat bil-Malti kien ukoll traduzzjoni, din id-darba mit-Taljan, ta’ test reliġjuż: Tagħlim Nisrani, tal-Kardinal Bellarmino u maqlub għall-Malti minn Dun Franġisk Wizzino.
It-traduzzjoni għadha (u tibqa’) tinfluwenza lsienna u l-letteratura tagħna. Meta Malta saret membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-Malti wieħed mil-lingwi uffiċjali tal-UE, ilsienna stagħna permezz tat-traduzzjoni. Peress li r-Regolament Nru 1 jistabbilixxi li l-liġi tal-UE trid tiġi abbozzata u ppubblikata fil-lingwi uffiċjali kollha, it-tradutturi u t-terminologi kellhom joħolqu termini bil-Malti għal bosta oqsma speċifiċi: minn legali u xjentifiċi sa finanzjarji u tekniċi. Qabel l-2004 it-termini ta’ dawn l-oqsma ma konniex neħtiġuhom bil-Malti għax il-liġi Ewropea ma kinitx tapplika direttament għalina, inkella konna ninqdew bit-termini bl-Ingliż. Ċertament, dan ma kienx proċess faċli u bla intoppi, madankollu bis-saħħa tat-traduzzjoni llum eluf ta’ termini nsibuhom ukoll bil-Malti.
Itamar Even-Zohar jisħaq fuq l-importanza li nistudjaw il-pożizzjoni u l-funzjoni tat-traduzzjonijiet f’sistema letterarja. F’letteraturi kbar u stabbiliti, it-tendenza hi li t-traduzzjoni jkollha rwol pjuttost periferali u funzjoni konservattiva filwaqt li f’letteraturi żgħar, din tkun iktar ċentrali u taġixxi ta’ forza innovattiva. B’hekk, f’letteraturi bħal tagħna, it-traduzzjoni tkabbar, tkattar u tiffertilizza l-letteratura nazzjonali bl-importazzjoni ta’ xogħlijiet kanoniċi kif ukoll innovattivi u esperimentali. It-traduzzjoni turi wkoll il-potenzjal tal-ilsien Malti: meta kotba bħal En attendant Godot jinqelbu għall-Malti nagħrfu l-possibiltajiet li joffri lsienna, kif ukoll kemm hu flessibbli u mimli riżorsi. U ladarba biċċa xogħol letterarja tkun tradotta, din issir parti integrali mis-sistema letterarja li qed tirċiviha. It-traduzzjoni, allura, taffettwa l-letteratura mira u tikkontribwixxi fit-tiswir tal-identità(jiet) marbuta magħha.
Permezz tat-traduzzjoni, ma nimportawx biss iżda wkoll nesportaw. It-traduzzjoni tal-letteratura Maltija għal lingwi oħra sservi biex letteratura li, fil-parti kbira tagħha, hija aċċessibbli biss għan-nofs miljun ruħ li jafu l-Malti, titwassal għand udjenzi ħafna akbar. Hija mezz ieħor kif nittrażmettu u nesponu l-letteratura lokali. U dan iseħħ bl-appoġġ ta’ entitajiet nazzjonali, prinċipalment il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, li jsostnu u jiffinanzjaw traduzzjonijiet mill-Malti u għall-Malti. Meta nesportaw il-letteratura nkunu qed nesportaw parti mill-identità.
Dan l-artiklu hu parti mill-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’ mtellgħa mill-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti.