Il-President iħabbar il-ħolqien tal-Fundazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali
Il-President ta’ Malta, George Vella ħabbar li l-Presidenza se toħloq il-‘Fundazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali’ bil-għan li tindirizza b’mod tanġibbli—anki billi tisma’ mingħand il-poplu nnifsu—dak li għad fadal xi jsir biex jitnaqqsu l-firdiet ta’ bejnietna. L-oqsma li ġew identifikati f’dan ir-rigward ivarjaw mill-ambjent għall-ġurnaliżmu, l-edukazzjoni, il-partiġġjaniżmu politiku, u oħrajn.
Il-Kap tal-Istat kien qed jitkellem fi tmiem laqgħa nazzjonali ta’ ġurnata li saret fil-Palazz Verdala u online, u li matulha tħabbru u ġew diskussi r-riżultati tal-ewwel stħarriġ xjentifiku tax-xorta tiegħu f’Malta dwar kif qed tevolvi l-identità nazzjonali Maltija, bit-tema ‘L-Istat tan-Nazzjon’. L-istħarriġ sar b’inizjattiva tal-istatistiku u lettur universitarju Vincent Marmarà u tal-konsulent dwar il- komunikazzjoni strateġika Lou Bondì taħt il-patronċinju tal-President u bil-kollaborazzjoni tal- Uffiċċju tal-President. Fil-laqgħa ħadu sehem 24 kelliem minn oqsma differenti tal-ħajja maqsumin fuq sitt diskussjonijiet tematiċi, kif ukoll il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Il-President qal li, minkejja li jirriżulta mill-istħarriġ li aħna kburin li aħna Maltin u li nafu bil-fatturi li jnisslu fina sens ta’ identità, xorta waħda għadna naraw firdiet kbar fostna. Huwa saħaq li kulħadd fostna jista’ jagħmel xi ħaġa f’dan ir-rigward: “L-ewwel wieħed jiena li, bħala l-President tal-poplu Malti kollu kemm hu, irrid nagħti kontribut għal-pajjiż inqas mifrud. Diġà bdejt naħdem fuq dan il- għan permezz tal-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali ta’ Frar li għadda, u se nkompli bil-ħidma tiegħi għall-kisba ta’ aktar għaqda bejnietna. Inħoss li l-materjal u d-diskussjonijiet dettaljati li ħarġu llum jagħtu bażi iktar soda biex nersqu aktar qrib ta’ xulxin u nitgħallmu nisimgħu aktar u nirrispettaw id-diversità ta’ bejnietna l-Maltin u anki ma’ dawk il-barranin li, għal raġuni jew oħra, jinsabu fostna. Kif sostnejt meta nedejt dan il-proġett favur l-għaqda nazzjonali, konferenza ta’ darba mhix biżżejjed u nħoss il-ħtieġa ta’ struttura ddedikata għal dan l-għan. L-okkażjoni tal-lum kienet waħda ta’ inkoraġġiment kbir u se nieħu din l-opportunità biex, f’dan il-kuntest, inħabbar li l-Presidenza se tkun qegħda tagħti ħajja lill-Fundazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali fix-xhur li ġejjin.” Huwa qal li, fi sfond ta’ fundazzjoni bħal din, se nkunu nistgħu bil-mod il-mod nitkellmu b’rispett dwar il-pjaga ta’ partiġġjaniżmu esaġerat li hawn fostna.
Dwar il-laqgħa nazzjonali fuq ‘L-Istat tan-Nazzjon’, il-President irrimarka li l-figuri li ħarġu jagħtu togħma b’saħħitha ta’ kif il-poplu Malti jħares lejh innifsu fuq il-livell taċ-ċittadin, il-mod ta’ kif qed jgħix ħajtu, l-isfidi li qed jaffaċċja, u dawk il-valuri—bħalma hija r-rabta mal-familja—li jiggwidaw l-imġieba u d-deċiżjonijiet li jittieħdu. Fost diversi osservazzjonijiet li għamel dwar dak li rriżulta mill-istħarriġ, innota li ħarġu ċari d-diżappunt li hawn dwar kif qegħdin inkerrħu l-ambjent ta’ pajjiżna b’kostruzzjoni żejda u l-bżonn li nsalvaw l-ambjent tagħna. Staqsa jekk wasalx iż-żmien li lill-ambjent nagħtuh identità ġuridika.
“Illum poġġejna lilna nfusna taħt il-lenti. Konferenzi edukattivi bħalma kienet din żgur li qegħdin ikunu ta’ ġid għall-pajjiż, u se nkompli nibni fuq dan li diġà nkiseb. It-tama tiegħi hija li, anki permezz ta’ diskussjonijiet bħal din tal-lum, fil-kelma ‘nazzjon’ nibdew ukoll inwasslu sens ta’ komunità magħquda. Ninsab ċert li dan kollu li smajna llum iqanqal diskussjonijiet infurmati fid-diversi oqsma tas-soċjetà tagħna, u forsi wkoll inissel ideat jew iwassal għal deċiżjonijiet maħsuba biex ikattru l-ġid u l-għaqda bejnietna l-Maltin u l-Għawdxin kollha,” qal il-President.
Tista taċċessa id-diskors tal-għeluq tal-President George Vella waqt il-Konferenza ‘L-istat tan-nazzjon’ minn hawn
Jitħabbru r-riżultati tal-ewwel stħarriġ xjentifiku dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’
Waqt laqgħa nazzjonali ta’ ġurnata li qed issir illum fil-Palazz Verdala taħt il-patronċinju tal- President ta’ Malta u bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-President, qed jitħabbru u jiġu diskussi r- riżultati tal-ewwel stħarriġ xjentifiku tax-xorta tiegħu dwar kif qed tevolvi l-identità nazzjonali Maltija. Il-ħsieb hu li l-istħarriġ, li sar bejn April u Mejju li għaddew, jibda jsir b’mod regolari.
Din l-inizjattiva qed tittieħed mill-istatistiku u lettur universitarju Vincent Marmarà u mill-konsulent dwar il-komunikazzjoni strateġika Lou Bondì. F’kummenti qabel il-bidu tal-laqgħa Dr Marmarà u s- Sur Bondì kkummentaw: “L-idea tagħna kienet li noħolqu din il-laqgħa nazzjonali b’kollaborazzjoni mal-President ta’ Malta sabiex nifhmu aħjar lin-nazzjon Malti: fejn kien u fejn sejjer. L-ewwelnett, għamilna stħarriġ xjentifiku biex nifhmu aħjar il-qalb, il-moħħ, u ruħ tal-poplu Malti. Ma ridniex insiru nafu l-opinjonijiet fuq dik il-ħaġa jew dak l-avveniment, imma tkixxifna fuq dak li jista’ jwassal għal dawn l-opinjonijiet. Lil hinn mill-istħarriġ, ħloqna diskussjoni maqsuma fuq sitt temi generali li se jagħrblu dawn ir-riżultati u jimirħu lil hinn minnhom. Kuntenti ħafna li qed jieħdu sehem 28 fost l-aqwa mħuħ f’Malta li ġejjin minn oqsma differenti. Fl-aħħarnett, inħossuna onorati li l-President ta’ Malta, il-Prim Ministru, u l-Kap tal-Oppożizzjoni se jagħlqu dil-laqgħa nazzjonali llejla.”
Il-President ta’ Malta, George Vella, irrimarka: “Konvint li din se tkun laqgħa interessanti u importanti ħafna. L-għan tagħha huwa li nitfgħu lis-soċjetà Maltija taħt il-mikroskopju u nanalizzaw kif naħsbuha aħna l-Maltin u l-Għawdxin bħalissa fuq ħafna suġġetti differenti. Se jkollna kelliema kwalifikati ħafna li kull wieħed minnhom se jagħmel analiżi tal-biċċa li tikkonċerna t-taqsima tagħhom. M’għandix dubju li se joħorġu dejta u informazzjoni li, minbarra li se jitfgħu dawl ġdid fuq il-mod kif naħsbuha, se joffru wkoll ħafna materjal għal min irid janalizzah u jiddeċiedi jekk hux ta’ min isegwih biex, jekk hemm bżonn, anki nbiddlu ċerti ħsibijiet li għandna dwarna nfusna bħala poplu.”
L-udjenza fil-Palazz Verdala hija waħda limitata minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, iżda kulħadd jista’ jsegwi l-laqgħa nazzjonali diretta minn fuq il- paġna tal-President ta’ Malta fuq il-Facebook.
Il-programm tal-Konferenza jista jiġi aċċessat minn hawn
Il-preżentazzjoni tista tiġi aċċessata minn hawn
Imħabbrin stħarriġ u konferenza nazzjonali dwar ‘L-Istat tan-Nazzjon’ b’kollaborazzjoni mal- Uffiċċju tal-President
Il-President ta’ Malta, George Vella, ippresieda konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbru stħarriġ xjentifiku u konferenza nazzjonali li, bit-tema ‘L-Istat tan-Nazzjon’, se janalizzaw kif qed tevolvi l- identità nazzjonali Maltija. Din l-inizjattiva, li se tibda ssir regolarment, qed tittieħed mill-konsulent dwar il-komunikazzjoni strateġika Lou Bondì u l-istatistiku u lettur universitarju Vincent Marmarà, b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-President.
“Aktar milli ‘min aħna’ se niddiskutu ‘min sirna’, għax aħna soċjetà li tevolvi u tinbidel,” qal il- President filwaqt li nnota li t-temi u s-suġġetti li ser jitqajmu mal-pubbliku fl-istħarriġ u li mbagħad jiġu diskussi dakinhar tal-konferenza li se ssir fil-Palazz Verdala fl-4 ta’ Ġunju 2021, jirriflettu ħafna u jixbhu ħafna lil dawk li ħarġu mill-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali li organizza fis-27 ta’ Frar 2021. “Nara li dan l-istħarriġ mhux biss hu wieħed f’waqtu iżda jkompli jsaħħaħ b’mod xjentifiku u konkret id-diskussjoni relatata mal-għaqda nazzjonali, li s’issa kienet waħda li ġabret biss ħsibijiet u ideat… din il-konferenza ta’ Ġunju se tkun okkażjoni fejn inkompli nikkonsolida l-intenzjoni tiegħi li tkompli tikber u timmatura diskussjoni inklużiva u rispettuża dwar dak li għaddej minnu l-poplu Malti, x’qed inissel il-firda, u x’jista’ jkompli jgħaqqadna … L-appell tiegħi jibqa’ dejjem dak ta’ rispett tal-opinjonijiet, li mhux dejjem se jaqblu imma li huwa importanti li jinstemgħu kollha.”
Filwaqt li iżża ħajr bil-quddiem lil dawk kollha li diġà huma jew li se jkunu involuti f’din l-inizjattiva, il-President ħeġġeġ lill-pubbliku biex jikkopera fil-ġbir tal-informazzjoni waqt l-istħarriġ. Qal ukoll li m’hemm xejn ħażin jekk diskussjonijiet bħal dawn isiru wkoll fl-livell lokali f’partijiet differenti ta’ pajjiżna. “Dan huwa kollu parti mill-viżjoni tiegħi għal matul din is-sena, li nixtieq niddedika għal dan l-għan. Jiena qed nieħu dawn il-passi sabiex il-Presidenza tnissel għarfien dwar mumenti storiċi fit-tiswir ta’ pajjiżna, il-kisbiet tagħna u, fuq kollox, għarfien u apprezzament ta’ fejn ninsabu llum,” qal il-President. “Filwaqt li nkomplu nkunu kritici fuq dak kollu li huwa ħażin madwarna, ngħożżu dak kollu li huwa pożittiv li akkwistajna bil-għaqal u bil-galbu tagħna matul iż-żminijiet.”
Dr Marmarà spjega li l-istħarriġ se jsir bit-telefown ma’ mhux anqas minn elf ruħ minn fost il- popolazzjoni kollha taċ-ċittadini Maltin. L-għan hu li jinkiseb fehim aħjar dwar min aħna bħala poplu kif ukoll x’inhu dak li nemmnu fih, li jiddefinixxina, u li jifforma l-prinċipji tagħna. Il-kampjun se jintgħażel b’mod li jirrifletti d-demografija tal-pajjiż sabiex, qabel ma l-kelliema u l-esperti jiddiskutu ‘l-istat tan-nazzjon’, ikollhom stampa ta’ min hu l-poplu u dak li jiddefinixxih. B’hekk, il-poplu jkun semma’ leħnu qabel ma ssir id-diskussjoni.
Is-Sur Bondì ħabbar li l-konferenza nazzjonali tal-4 ta’ Ġunju, li se jippresjediha l-President ta’ Malta, se tkun magħmula minn 29 kelliem, maqsumin f’diskussjonijiet differenti, u sitt moderaturi minn kull qasam tal-ħajja. Fost dawk li diġà kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom hemm il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Arċisqof. “Din il-konferenza se ssir f’mument propizju,” qal is-Sur Bondì. “Apparti li se tkun, nisperaw fil-bidu tat-tmiem tal-pandemija, f’pajjizna u madwarna qed isiru bidliet fundamentali u rivoluzzjonarji fuq livelli differenti; bidliet li qed iwelldu realtajiet li għadna rridu nifhmu xi jfissru … dawn kollha qed iwasslu biex is-sens ta’ min aħna m’għadux dak li kien ilbieraħ.”
Il-programm tal-Konferenza jista jitnizzel minn hawn.