L-ewwel nett, nirringrazzjakom. Grazzi Chris, grazzi Ministru, talli organizzajtu din il-laqgħa llejla. U ma jien se nagħmel l-ebda diskorsi formali, ovvjament.
Fil-yachting nistqarr li ma nifhem xejn, assolutament, però nieħu pjaċir nisma’ l-proġetti li hemm preparati għal dan is-settur. Hu settur importanti għax, bħalma tafu, pajjiżna huwa gżira, u gżira ma tistax tgħix mingħajr ma jkollha sfruttament tal-baħar li qiegħed madwarha. Il-baħar huwa sors importanti ħafna tal-ekonomija tagħna. Il-yachting, ovvjament, huwa wieħed minnhom, però mbagħad għandu anki d-difetti u l-problemi tiegħu għaliex, bħalma tafu, kulma nkunu rridu nimpurtaw ġewwa pajjiżna jiġi jew bl-ajru jew inkella jrid jiġi bil-baħar.
Però mil-lat ta’ yachting, mas-snin tara l-iżvilupp ta’ dan is-settur. Settur illi huwa importanti ħafna u kif qal il-Ministru aħna diġà qegħdin fuq quddiem nett, jekk mhux l-iktar pajjiż, li għandu reġistrar tas-superyachts, u wieħed irid jara li dan inkomplu naġevolawh u nippreżentaw iċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet mill-aħjar ħalli nkomplu nattiraw dan it-tip ta’ investiment ġewwa pajjiżna.
Min-naħa l-oħra, illejla jiena nirringrazzjakom u nirringrazzja lil min ġietu l-idea li kkombina din il-lejla biex inkunu qegħdin niċċelebraw il-kwistjoni tal-yachting però anki wkoll nikkommemoraw u nieħdu ħsieb il-Community Chest Fund.
Tiddejjaq f’okkażjonijiet bħal dawn titkellem fuq in-negattiv, però jiddispjaċini li jkolli bilfors ngħid li l-Community Chest Fund qiegħda hemmhekk biex tgħin lil min ikun qiegħed f’pożizzjonijiet prekarji, jew ta’ saħħa jew inkella soċjali, u bħalma tafu ħafna nies ikollhom jirrikorru l-Community Chest Fund jew minħabba kundizzjonijiet soċjali, kif semmejt, jew inkella, agħar minn hekk, minħabba li jkun hemm ċertu mard. Ma rridx nidħol fid-dettall għaliex ma rridx indejjaq lil min qiegħed hawn jieħu gost illejla, però nafu li l-mard qiegħed madwarna, il-mard qiegħed hemmhekk u sfortunatament in-numru ta’ nies li javviċinaw il-Community Chest Fund biex ngħinuhom qiegħed dejjem jiżdied minħabba speċjalment il-kwistjoni tal-kanċer.
Kulma rrid infakkarkom biss huwa li żżommu f’moħħkom kemm jista’ jkun illi din it-tip ta’ karità, li hija karità anonima, nagħmluha ħalli meta xi ħadd, kien min kien, bla ma nafu min hu, ikollu bżonn, jekk imur ifittex, isib min jgħinu mill-Community Chest Fund. U għalhekk nappellalkom biex kemm jista’ jkun tkunu ġenerużi u fl-istess ħin ukoll iżżommu ġo moħħkom matul is-sena illi l-Community Chest Fund ma tistax tiddependi biss fuq l-Istrina, ġurnata waħda f’sena, is-26 ta’ Diċembru, imma hemm il-bżonn kontinwu ġimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar.
Għalhekk nirringrazzjakom. Inħallilkom dal-ħsieb biss u ħudu gost illejla.
Grazzi ħafna.