Is-Sa Agatha Barbara twieldet Ħaż-Żabbar fil-11 ta’ Marzu 1923. Studjat fl-Iskola tal-Grammatika tal-Gvern, il-Belt Valletta. Is-Sa Barbara bdiet il-karriera tagħha bħala għalliema. Fl-1946 bdiet tinvolvi ruħha b’mod attiv fil-politika u kienet l-ewwel mara li ġiet eletta fil-Kamra tad-Deputati wara li kkontestat għall-ewwel darba l-elezzjonijiet ġenerali tal-1947 f’isem il-Partit Laburista. Kienet ukoll l-unika kandidat mara li minn dakinhar ’il quddiem ikkontestat kull elezzjoni b’suċċess.
Is-Sa Barbara rrappreżentat lill-Partit Laburista f’diversi laqgħat u konferenzi internazzjonali u mexxiet delegazzjonijiet uffiċjali tal-Gvern f’diversi pajjiżi.
Matul l-Amministrazzjoni Laburista tal-1955-58 u l-1971-74, serviet bħala l-Ministru tal-Edukazzjoni. Bejn l-1974 u l-1981, kellha l-portafoll tax-Xogħol, il-Kultura, u s-Servizzi Soċjali. Inħatret Aġent Prim Ministru f’diversi okkażjonijiet. Is-Sa Agatha Barbara ġiet eletta President tar-Repubblika ta’ Malta nhar it-Tlieta 16 ta’ Frar 1982 matul it-Tieni Seduta tal-Ewwel Sessjoni tal-Ħames Leġiżlatura tal-Kamra tad-Deputati.
Hija kienet it-tielet President ta’ Malta wara Sir Anthony Mamo u Dr Anton Buttigieg.
KARIGI U ĦATRIET OĦRA
Membru, Air Raid Precautions u, iktar tard, Superviżur tal-Victory Kitchens matul l-aħħar Gwerra Dinjija;
Maniġer fid-Dipartiment tar-Reklamar tal-Freedom Press;
Membru, Business and Professional Women, ir-Renju Unit;
Membru, St John Alliance, ir-Renju Unit;
Membru, Nisa Demokratiċi Soċjali Internazzjonali;
President, Partit Laburista, Taqsima Nisa, Ħaż-Żabbar;
Chairperson, Kumitat Eżekuttiv tal-Moviment tan-Nisa tal-Partit Laburista;
President Onorarju tal-Każin tal-Banda San Mikiel, u
President Onorarju, Maltese Settlers Club, Sydney, l-Awstralja.
Il-passatempi tagħha kienu l-filatelija u l-mużika klassika u moderna.
Is-Sa Barbara mietet fl-4 ta’ Frar 2002.
INFORMAZZJONI DETTALJATA
Agatha Barbara twieldet Ħaż-Żabbar fil-11 ta’ Marzu 1923; it-tifla l-kbira ta’ Joseph u Antonia u t-tieni minn disat aħwa. Studjat fl-Iskejjel tal-Primarja u tal-Grammatika tal-Istat. Is-Sa Barbara bdiet il-karriera tagħha bħala għalliema matul it-Tieni Gwerra Dinjija u fl-1946 bdiet tieħu interess attiv fil-politika u ngħaqdet mal-Partit Laburista.
Is-Sa Barbara kkontestat l-ewwel elezzjonijiet ġenerali li saru mal-għoti tal-Kostituzzjoni l-ġdida fl-1947, u saret l-ewwel mara li qatt ġiet eletta fil-Parlament Malti. Hija kkontestat l-elezzjonijiet Parlamentari sussegwenti kollha u żammet is-siġġu fil-Kamra tad-Deputati sakemm ġiet eletta President tar-Repubblika fl-1982.
Fit-Tieni Gvern Laburista tal-1955, is-Sa Barbara nħatret Ministru tal-Edukazzjoni u l-Kultura u b’hekk saret l-ewwel mara Maltija b’portafoll ministerjali.
Eżatt wara li ħadet il-kariga ta’ Ministru għall-Edukazzjoni, is-Sa Barbara bdiet proġett vast biex iddaħħal l-edukazzjoni obbligatorja u full-time sal-età ta’ 14-il sena. Sabiex timplimenta din id-deċiżjoni kbira, ordnat u ssorveljat il-bini u/jew l-espansjoni maġġuri ta’ mhux inqas minn 44 skola madwar il-gżejjer Maltin. Dan il-proġett involva wkoll ir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ mijiet ta’ għalliema ġodda. Inbena Kulleġġ ġdid ta’ Taħriġ għall-għalliema rġiel, li iktar tard sar koedukattiv, użat minn għalliema studenti kemm irġiel kif ukoll nisa. L-edukazzjoni obbligatorja u mingħajr ħlas għal kulħadd, minn 5 sa 14-il sena, saret effettiva f’Settembru 1955, ħames xhur biss wara li s-Sa Barbara ħadet il-kariga ta’ Ministru għall-Edukazzjoni fl-1955.
L-importanza ta’ din ir-riforma edukattiva tinsab fil-fatt li, permezz tal-edukazzjoni full-time obbligatorja u mingħajr ħlas, għall-ewwel darba kulħadd kellu aċċess għat-tagħlim, fi żmien meta ħafna familji ftit li xejn kellhom faċilitajiet jew mezzi biex jedukaw lil uliedhom. Bħala parti mir-riforma sħiħa, ingħataw ukoll kotba u pitazzi mingħajr ħlas lit-tfal, u l-istudenti rċevew ukoll attenzjoni medika mingħajr ħlas u trasport b’xejn lejn l-iskola u lura. Il-miżati tal-kulleġġ imħallsa mill-għalliema studenti tneħħew u, biex jitnaqqas il-piż finanzjarju tal-ġenituri, it-tfal irċevew għotja annwali bħala pocket money.
L-ewwel skejjel speċjali għall-persuni neqsin mid-dawl, neqsin mis-smigħ, u b’diżabilità mentali, infetħu fl-1956. Sal-1955, il-persuni b’diżabilità kienu jinżammu d-dar u qatt ma kienu joħorġu barra. Għalhekk, sar ċensiment tal-persuni b’diżabilità u nfetħu ċentri għal dawn il-persuni, biex illum il-persuni b’diżabilità jgħixu ħajja indipendenti u integrata sew fis-soċjetà.
Parti integrali tar-riformi edukattivi mdaħħla mis-Sa Barbara kienet tikkonċerna l-kurrikuli tal-iskejjel. Sa dak iż-żmien, ċerti suġġetti, inklużi x-xjenzi, ma kinux jiġu mgħallma lill-bniet li jattendu l-iskejjel tal-grammatika. Is-Sa Barbara stess batiet minn din id-diskriminazzjoni, li rrimedjat għaliha immedjatament billi daħħlet fl-iskejjel tal-bniet is-suġġetti kollha mgħallma fl-iskejjel tas-subien.
Sa mill-bidu nett tal-karriera politika tagħha fl-1946, is-Sa Barbara kienet attiva ħafna kemm fl-affarijiet tal-Partit kif ukoll bħala rappreżentant tal-poplu fil-Parlament.
Bejn l-1958 u l-1964, is-Sa Barbara kienet minn ta’ quddiem fil-ġlieda għall-Indipendenza ta’ Malta. Hija daret l-Ewropa u postijiet oħra, inkluż perjodu man-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, għal-lobbjar għall-Indipendenza ta’ Malta. Ingħatat sentenza ta’ ħabs mill-Qrati, influwenzati mill-Ingliżi, wara l-protesti tat-28 ta’ April 1958 kontra l-okkupazzjoni Ingliża, li s-Sa Barbara kellha parti attiva ħafna fihom.
Bejn l-1958 u l-1971, is-Sa Barbara kienet responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-pubblikazzjonijiet tal-Partit Laburista u tal-Freedom Press, l-istamperija tal-Partit. Sa mill-bidu nett tal-karriera politika tagħha, hija kienet membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Laburista, u waqqfet il-Moviment Politiku tan-Nisa f’Malta. Għall-parti l-kbira tal-35 sena karriera Parlamentari tagħha, hija kienet l-unika mara f’Parlament tradizzjonalment kollu rġiel.
Meta l-Partit Laburista rebaħ il-maġġoranza tal-vot popolari u tas-siġġijiet fl-elezzjonijiet ġenerali tal-1971, is-Sa Barbara reġgħet inħatret Ministru tal-Edukazzjoni u l-Kultura. Għal darb’oħra bdiet riforma oħra fis-sistema edukattiva, bl-iktar waħda importanti tkun id-dibattitu u l-approvazzjoni mill-Parlament ta’ Att dwar l-Edukazzjoni progressiv ġdid, li żied l-età tat-tluq mill-iskola għal 16-il sena. Minbarra din ir-riforma, hija daħħlet f’Malta tip ġdid ta’ edukazzjoni teknika fil-livell tas-snajja’, u b’hekk infetħu ħafna skejjel tas-snajja’ għas-subien u l-bniet f’Malta u Għawdex, fejn kienu jiġu mgħallma diversi ħiliet u snajja’. L-Iskejjel tal-Mużika u d-Drama u l-Felinberg Institute of Electronic Technology twaqqfu fl-1973. Ħafna miżuri daħlu fis-seħħ fl-Università, inkluża t-tneħħija tal-miżati u tar-Reliġjon bħala suġġett kwalifikanti obbligatorju għad-dħul fl-Università. L-amministrazzjoni u l-faċilitajiet ġew issimplifikati wkoll.
Bħala Kanċillier tal-Università ta’ Malta, ex officio, l-interess tal-President Barbara fl-edukazzjoni tal-massa u fit-tixrid tat-tagħlim tax-xjenza u t-teknoloġija ma waqafx. Fl-1974, il-Ministru Barbara ngħatat portafoll ġdid, dak tax-Xogħol, is-Servizzi Soċjali, u l-Kultura.
Is-Sa Barbara bdiet kompiti ġodda bl-istess entużjażmu u enerġija bħal matul il-mandat tagħha bħala Ministru għall-Edukazzjoni. Daħħlet il-pagi ndaqs għan-nisa bħall-irġiel kontroparti fi rwoli simili, il-liv għat-tqala bi ħlas, ġimgħa ta’ 40 siegħa fuq ħamest ijiem, il-benefiċċju għall-qgħad, il-bonus fis-sena, iċ-children’s allowance, il-pensjoni taż-żewġ terzi, u leġiżlazzjoni soċjali oħra li tejbet b’mod determinat il-ħajja soċjali tal-poplu Malti.
Din kienet riforma importanti ħafna li kienet ippjanata b’mod kompetenti sabiex tassisti lis-settur privat, fi żmien meta l-potenzjal industrijali ta’ Malta kien qed jiġi żviluppat.
Bejn l-1974 u l-1981, is-Sa Barbara stinkat u rnexxielha tistabbilixxi relazzjonijiet armonjużi f’Malta bejn min iħaddem u l-ħaddiema, waqt li fl-istess ħin tkompli bit-titjib tal-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. Twaqqaf tribunal industrijali u r-relazzjonijiet industrijali tant kienu tajbin li kien hemm paċi industrijali kbira u l-azzjonijiet industrijali kienu prattikament ineżistenti. Il-qgħad niżel għall-iktar livell baxx possibbli, għal 2 fil-mija tal-forza tax-xogħol. F’diversi okkażjonijiet, hija indirizzat il-Konferenza Internazzjonali tal-Organizzazzjoni tax-Xogħol f’Ġinevra dwar kwistjonijiet relatati max-Xogħol u l-Impjiegi f’Malta.
Id-dedikazzjoni tas-Sa Barbara għad-dmirijiet tagħha f’dan il-qasam ma waqqfuhiex milli tirriforma l-aspetti kulturali tas-soċjetà Maltija. Fiż-żmien li s-Sa Barbara kienet responsabbli mill-Kultura, infetħu l-Mużewijiet Nazzjonali li ġejjin:
tal-Arkeoloġija,
tal-Istorja Nazzjonali,
tal-Arti,
tal-Folklor,
tal-Istorja Politika f’Malta
Hija nediet politika ġdida għat-tixrid tal-kultura fost il-poplu billi ħarġet l-attivitajiet kulturali mill-Belt Valletta – il-post tradizzjonali għall-avvenimenti kulturali – u ħadithom fl-ibliet u l-irħula tal-gżejjer Maltin, fejn in-nies setgħu jipparteċipaw b’mod attiv f’forom mogħtija dehra ġdida.
Bejn l-1971 u l-1981, is-Sa Barbara nħatret Aġent Prim Ministru f’diversi okkażjonijiet qosra.
Wara l-elezzjonijiet tal-1981, u mal-ftuħ tal-Parlament fis-16 ta’ Frar 1982, is-Sa Barbara kellha rwol attiv u importanti ħafna bħala Kap tal-Istat, biex iġġib l-Utilità Nazzjonali. Tul ħajjirtha kollha is-Sa Barbara mbuttat fix-xena internazzjonali l-politika ta’ ħbiberija internazzjonali billi żaret ħafna pajjiżi u b’hekk kompliet issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala Stat newtrali u mhux allinjat.
Mal-elezzjoni tagħha għall-kariga bħala President tar-Repubblika, is-Sa Barbara kienet attiva ħafna wkoll fil-livelli nazzjonali u internazzjonali fil-qasam tal-karità. Kienet iċ-Chairperson tal-Kumitat Nazzjonali Malti biex jiġbor fondi għal The Community Chest Fund, li permezz tiegħu d-djar tat-tfal, il-familji fil-bżonn, u l-persuni b’diżabilità rċevew eluf ta’ liri f’assistenza.
Twaqqaf ukoll kumitat taħt it-tmexxija tagħha biex jassisti lill-vittmi tal-ġuħ fl-Etjopja u s-Sudan. Eluf ta’ mediċini u provvisti mediċi, kif ukoll tined li tant kienu meħtieġa għall-kenn, kienu diġà ntbagħtu liż-żewġ pajjiżi.
Matul il-karriera politika tagħha, is-Sa Barbara kisbet l-ammirazzjoni tal-ħbieb u r-rispett tal-avversarji politiċi tagħha. L-esperjenza vasta tagħha f’diversi setturi tal-ħajja pubblika għamlet lis-Sa Barbara politiku ta’ statura u kienet rispettata ħafna f’diversi pajjiżi. L-isforzi tagħha fil-qasam tal-ħbiberija internazzjonali rebbħuha l-ogħla premjijiet mogħtija mir-Repubblika tal-Poplu tal-Bulgarija – l-iStara Planina l-1el Klassi b’Żigarella; l-Ordni tal-Bandiera Nazzjonali, l-1el Klassi, mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea, kif ukoll in-Nishan-e-Pakistan, mir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan. Is-Sa Barbara ngħatat ukoll Dottorat tal-Filosofija fil-Pedagoġija Honoris Causa mill-Università ta’ Beijing, iċ-Ċina, minbarra d-diversi unuri mogħtija lilha minn istituzzjonijiet kulturali, xjentifiċi u edukattivi barranin u pubbliċi.
Is-Sa Barbara mietet fl-4 ta’ Frar 2002.
1974 - 1976
1976 - 1981
1987 - 1989
1989 - 1994
1994 - 1999
1999 - 2004
2004 - 2009
2009 - 2014