Skont l-enċiklopedija l-popli Slavoniċi huma l-grupp tal-popli li jitkellmu bil-lingwi Slavoniċi u li jkunu maqsuma fi Slavi tal-Lvant (Belarussi, Russi, Ukreni, Russini), tal-Punent (Pollakki, Ċeki, Slovakki, Serbi tal-Lusazja) u tan-Nofsinhar (Bulgari, Serbi, Montenegrini, Sloveni, Kroati, Bosnijaċi, Maċedonjani). Is-Slavi huma l-akbar grupp etno-lingwistiku fl-Ewropa li l-popli tagħhom għandhom wirt letterarju kbir fil-varjetà kollha ta’ ġeneri u xejriet, inkluż ir-rikkezza fil-qasam tal-kultura poetika. Nixtieq nippreżenta lill-qarrej Malti xi xogħlijiet tal-poeti nazzjonali ta’ tliet pajjiżi Slavoniċi.
Irrid nirrimarka li waqt li kont qed naħdem fuq it-traduzzjoni mill-Malti għar-Russu tal-ġabra tal-poeżiji ta’ Dun Karm Psaila u t-tħejjija tagħha fil-format tal-pubblikazzjoni akkademika, użajt bħala sors metodoloġiku bażiku x-xogħlijiet tal-Professur Oliver Friggieri dwar il-Poeta Nazzjonali ta’ Malta. Jistħoqq attenzjoni partikolari lill-klassifikazzjoni tiegħu tax-xogħlijiet poetiċi ta’ Dun Karm f’ħames xejriet tematiċi. B’hekk il-Prof. Friggieri wera biċ-ċar li d-direzzjonijiet tal-ħidma tal-Poeta Nazzjonali jkopru l-aspetti ewlenin kollha tal-eżistenza tal-bniedem u tas-soċjetà Maltija, u jirriflettu b’mod wiesa’ diversi aspetti tal-ħajja tal-pajjiż.
Bħala riċerkatriċi xtaqt insir naf, kemm tkun preżenti din ir-riflessjoni tal-ħajja mill-angoli differenti fix-xogħlijiet tal-poeti ta’ pajjiżi oħra li jkunu rikonoxxuti bħala poeti kbar mill-komunità tagħhom. It-tweġiba pożittiva għal din il-mistoqsija tagħti, pereżempju, il-poeżija Russa fil-persuna ta’ Alexander Pushkin, Sergey Yesenin u l-poeti l-oħrajn li l-qarrej Malti jista’ jiffamiljarizza ruħu magħhom fil-ktieb tiegħi Antoloġija tal-Poeżija Russa li ħarġet f’Malta fl-2019. Imma eżempju wieħed huwa biżżejjed? Għalhekk iddeċidejt li ndur għall-analiżi tax-xogħlijiet tal-poeti kbar ta’ pajjiżi oħra. Naturalment din il-ħidma kienet se tinvolvi t-traduzzjonijiet għall-Malti mil-lingwi oriġinali tal-poeżiji tal-pajjiżi magħżula. Għażilt il-poeti tal-Ukrajna, il-Polonja u l-Belarus. Din l-għażla kienet determinata mill-fatt li l-għeruq etniċi tiegħi stess jinkludu komponenti Ukreni u Pollakki; it-traduzzjonijiet tat-testi poetiċi oriġinali mill-Belarussu għall-Malti kont għamilthom qabel.
Abbażi tal-approċċ tal-Professur Friggieri wieħed jista’ jikklassifika skont it-temi x-xogħlijiet ta’ kull poeta, għalkemm il-kontenut tal-klassifikaturi mhux se jikkoinċidi għalkollox. Ta’ min jinnota wkoll li kull poeta għandu għal qalbu xi tema partikolari li tokkupa post ċentrali f’xogħlijietu. Iżda fl-istess ħin joħroġ b’mod evidenti li dawn id-differenzi fil-klassifikazzjoni tat-temi mhux se jnaqqsu mill-konklużjoni ovvja li r-riflessjoni komplessa tal-ħajja tas-soċjetà tkun preżenti fix-xogħlijiet tal-poeti kbar kollha ta’ kull pajjiż. Għalhekk ikun hemm rikonoxximent xieraq tagħhom, u l-poeti nfushom ikunu magħrufin u maħbubin ħafna mill-popli.
Bħala riżultat tal-ħidma tiegħi saru t-traduzzjonijiet għall-Malti tal-poeżiji tal-poeti kbar bħal Taras Shevchenko tal-Ukrajna, Adam Mickiewicz tal-Polonja u Yakub Kolas tal-Belarus mill-oriġinali għal-lingwa Maltija. Fihom jispikkaw dawn it-tliet temi: ir-riflessjonijiet fuq il-patrija, id-deskrizzjoni tas-sbuħija tan-natura tal-pajjiż nattiv, u t-tema dejjiema tal-imħabba.
Hawn taħt tingħata bijonota qasira ta’ kull poeta u l-poeżiji tiegħu bl-ilsien nazzjonali u bil-Malti li jidhru fiż-żewġ kolonni. Fuq ix-xellug hemm it-testi bl-Ukren, il-Pollakk u l-Belarussu, rispettivament.
Taras Shevchenko (1814 – 1861) – poeta Ukren, kittieb tal-proża, ħassieb, pittur, artist grafiku, etnografu, figura pubblika. Fil-wirt letterarju tiegħu l-poeżija għandha rwol ċentrali. Ix-xogħlijiet ta’ Taras Shevchenko huma meqjusa bħala s-sisien tal-letteratura Ukrena moderna u l-lingwa letterarja.
Сонце заходить, гори чорніють
Сонце заходить, гори чорніють,
Пташечка тихне, поле німіє,
Радіють люде, що одпочинуть,
А я дивлюся… і серцем лину
В темний садочок на Україну.
Лину я, лину, думу гадаю,
І ніби серце одпочиває.
Чорніє поле, і гай, і гори,
На синє небо виходить зоря.
Ой зоре! зоре! — і сльози кануть.
Чи ти зійшла вже і на Украйні?
Чи очі карі тебе шукають
На небі синім? Чи забувають?
Коли забули, бодай заснули,
Про мою доленьку щоб і не чули.
Тарас Шевченко, 1847
Nieżla x-Xemx, il-Muntanji Jiswiedu
Nieżla x-xemx, il-muntanji jiswiedu,
Jiskot l-għasfur u taqa’ ħemda fuq dak il-bur.
In-nies ferħana li se tistrieħ fid-djar kennija,
Inħares ’il bogħod… u nibda ntir fi ħsibijieti
Lejn l-Ukrajna, lejn ġnejna dalmija.
Noħlom dal-ħolm, kollni ħerqan,
Qalbi dlonk ’ssib fl-aħħar serħan.
Bur sewdieni, muntanji, foresta fis-skiet,
Kewkba tielgħa fin-nir tas-smewwiet.
Stilla! Ja stilla! – u waqgħet id-demgħa.
Tidher dal-ħin f’tal-Ukrajna s-sema?
L-għajnejn skuri diġà sabuk? Jew insew, lanqas fittxuk?
Jalla li raqdu jekk ma fittxux,
Tant ikun aħjar li b’xortija
Jibqgħu ma jintebħux.
Yana Psaila. Traduzzjoni, 2022
Adam Mickiewicz (1798 – 1855) – kittieb Pollakk, poeta, traduttur, drammaturgu, għalliem, figura pubblika. Ħalla impatt qawwi fuq il-formazzjoni tal-letteratura Pollakka, Litwana u Belarussa tas-seklu XIX. Fil-Polonja huwa rikonoxxut bħala wieħed mill-aktar poeti prominenti Pollakki tal-era Romantika.
Do Laury
Ledwiem ciebie zobaczył, jużem się zapłonił,
W nieznaném oku dawnéj znajomości pytał,
I s twych jagód wzajemny rumieniec wykwitał
Jak z róży któréj piersi zaranek odsłonił.
Ledwieś piosnkę zaczęła, jużem łzy uronił,
Twój głos wnikał do serca i za duszę chwytał,
Zdało się że ją anioł po imieniu witał,
I w zegar niebios chwilę zbawienia zadzwonił.
O luba! niech twe oczy przyznać się nie boją,
Jeśli cię mém spóyrzeniem, jeśli głosem wzruszę,
Nie dbam że los i ludzie przeciwko nam stoją, Że uciekać i kochać bez nadziei muszę.
Niech ślub ziemski innego darzy ręką twoją,
Tylko wyznaj że Bóg mi poślubił twą duszę.
Adam Mickiewicz,1826
Lil Laura
Xħin rajtek dlonk ħassejt il-fjamma taqbad ġewwa fija,
U bdejt infittex xi konoxxenza ferm antika fil-ħars li qatt ma rajtu qabel,
Waqt li l-wardiet ta’ wiċċek bdew jiħmaru bil-grazzja xulxinija
Bħal fjura li tinfetaħ fid-dija taż-żerniq.
U malli smajtek tkanta, dlonk ħabtet iġġelben demgħa,
Għax leħnek daħal f’qalbi u messli ruħi sewwa,
Donnu xi anġlu ssejjaħ b’isimha l-istess ruħ instema’
Waqt li tal-fidwa s-siegħa daqqet fuq l-arloġġ tas-sema.
O għażiża! Tibżax tistqarr b’għajnejk
Jekk leħni jqanqlek u tħoss il-ġibda meta nħares lejk.
Ma jimportani xejn illi d-destin u n-nies kontrina,
Li għandi naħrab u nibqa’ nħobbok jien bla jies.
Ħalli mal-ieħor fiż-żwieġ fuq din il-art tingħaqad,
Imma li Alla diġà żewweġ ruħek ma’ tiegħi, ammetti biss.
Yana Psaila. Traduzzjoni, 2022
Yakub Kolas (1882 – 1956) – kittieb Belarussu, drammaturgu, poeta, traduttur, figura pubblika. Wieħed mill-klassiċi u l-fundaturi tal-letteratura l-ġdida Belarussa. Poeta Nazzjonali tal-Belarus.
Родныя вобразы
Вобразы мілыя роднага краю,
Смутак і радасць мая!
Што маё сэрца да вас парывае?
Чым так прыкованы я
К вам, мае ўзгорачкі роднага поля,
Рэчкі, курганы, лясы,
Поўныя смутку і жальбы нядолі,
Поўныя сумнай красы?
Толькі я лягу і вочы закрыю,
Бачу я вас прад сабой.
Ціха праходзіце вы, як жывыя,
Ззяючы мілай красой.
Чуецца гоман мне спелае нівы,
Ціхая жальба палёў,
Лесу высокага шум-гуд шчаслівы,
Песня магутных дубоў…
Вобразы мілыя, вобразы смутныя,
Родныя вёскі і люд,
Песні цягучыя, песні пакутныя!..
Бачу і чую вас тут.
Якуб Колас, 1908
Dehriet Għeżież
Dawn id-dehriet għeżież t’art twelidi
Ferħa u niket fl-istess ħin tiegħi!
Għala ħerqana tkun qalbi għalikom?
Għaliex ninġibed inkun lejn l-għelieqi,
Lejkom, ja xmara, għeqiebi u bosk,
Mimlija bid-diqa,
Bi ġmiel imnikket
Ta’ destin kiefer ta’ dan il-post?
Malli nimtedd u nagħlaq għajnejja
Lilkom inkun qiegħed nara,
Tgħaddu quddiemi ħiemda, qiskom ta’ vera,
Tiddu bi sbuħija liema bħalha.
Nisma’ t-tnehid imbikki
Tar-rbugħa dehbija,
U t-tħaxwix ferrieħi fil-masġar
Tas-siġar godlija.
Dehriet hienja, dehriet imnikkta,
Rħula għeżież u nies,
L-għanjiet newwieħa, l-għanjiet tan-niket…
Nara u nisma’ fil-ħolm tiegħi biss.
Yana Psaila. Traduzzjoni, 2021
Yana Psaila (née Kirienko). Hija lingwista, traduttriċi, poetessa u membru tal-Akkademja tal-Malti. Dan l-artiklu huwa parti mill-kampanja nazzjonali “L-ilsien Malti għal qalbi” mtellgħa mill-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti.