L-Uffiċċju tal-President ifakkar il-mitt sena mill-għoti tal-Kostituzzjoni tal-1921 b’konferenza virtwali
L-Uffiċċju tal-President organizza konferenza virtwali li kkommemorat u ddiskutiet il-kisba tal-Kostituzzjoni tal-1921, mitt sena ilu. Mill-Palazz ta’ Sant’ Anton għadd ta’ kelliema ewlenin—il-Prof. Ray Mangion, il-Prof. Joe Pirotta, il-Prof. Frances Camilleri-Cassar, il-Prof. JosAnn Cutajar, u r-Rev. Dr Nicholas Doublet—xprunaw l-iskambju ta’ fehmiet dwar il-lat storiku-legali, l-irwol tan-nisa, ir-rabta bejn dik il-Kostituzzjoni u d-demokrazija f’Malta, u r-relazzjonijiet bejn l-istat u l-knisja. Il-pubbliku pparteċipa u segwa permezz ta’ pjattaforma tal-vidjokonferenzi u ta’ xandira diretta fuq il-midja soċjali.
Fid-diskors tal-ftuħ, il-President ta’ Malta George Vella ddeskriva l-għoti ta’ din il-Kostituzzjoni mill-ħakkiema Brittaniċi bħala żvolta importanti hafna fl-istorja kostituzzjonali ta’ pajjiżna. “Ma kienx avveniment li seħħ waħdu jew bla kuntest. Wassal għalih il-fatt li l-Maltin kienu xebgħu għaddejjin minn hekk imsejħin ‘kostituzzjonijiet’ li kienu jassiguraw biss id-dominanza kolonjali tal-gvern Ingliż u jevitaw b’kull mod li jgħaddu xi forma ta’ tmexxija responsabbli lill-Maltin”, qal il-President. “It-talba u x-xewqa li l-poplu Malti jkollu sehem dirett fit-tmexxija ta’ pajjiżu kienet taqa’ fuq widnejn torox. Mill-ewwel snin tal-ħakma Ingliża, il-Gvernatur kien imexxi prattikament kollox huwa, bla ebda rappreżentanza tal-Maltin. Fl-1921, għall-ewwel darba, bis-saħħa tal-insistenza u r-rieda qawwija tal-Maltin u l-mexxejja tagħhom, ingħatajna d-dritt li jkun hemm senat u assemblea leġiżlattiva li jiffurmaw gvern Malti għall-affarijiet lokali, flimkien ma’ gvern imperjali biex imexxi l- hekk imsejha ‘materji riżervati’. F’din is-sistema, magħrufa bħala ‘dijarkija’, il-gvern imperjali Ingliż xorta żamm id-dritt li, fl-aħħar mill-aħħar, il-Kuruna xxejjen deċiżjonijiet meħuda mill-membri eletti fl-Assemblea Leġiżlattiva. Imma għallinqas, dan l-iżvilupp, żgħir kemm kien żgħir, kien pass ’il quddiem lejn il-kisba tad-dritt tal-Maltin li jkollhom parti mit-tmexxija ta’ pajjiżhom fi jdejhom.”
Il-President spjega li l-ħsieb tiegħu wara l-organizzazzjoni ta’ din il-konferenza kien li sservi bħala mezz li jgħinna biex, bħala poplu – b’mod partikolari ż-żgħażagħ – inkomplu nagħrfu aktar min aħna. L-għarfien tal-istorja tagħna jwassalna biex inkunu aktar kburin b’min aħna u biex napprezzaw kif sirna nazzjon, kif id-demokrazija f’pajjiżna nbniet ftit ftit matul iż-żmien fin-nisġa tal-ħajja politika ma’ dik soċjali, kif ukoll kif nibtu u ssaħħew l-għaqdiet, il-partiti politiċi, u l-junjins tal-ħaddiema. Il-President xtaq ukoll li jitwassal il-messaġġ li, bħalma kellu jagħmel ħafna drabi, pajjiżna kien vittma taċ-ċirkustanzi tal-kolonjaliżmu u baqa’ jġorr il-konsegwenzi sa ma ħa l-Indipendenza fl-1964 u, aktar u aktar, meta sar Repubblika fl-1974. Skop ieħor tal-konferenza kien li nifhmu aħjar l-irwol li kellha r-reliġjon fl-istorja politika ta’ pajjiżna, filwaqt li jitwassal il-messaġġ li l-għaqda hija dejjem importanti biex naslu minkejja d-differenzi li jkun hemm bejnietna, kif wara kollox kien hemm ukoll fl-1921.
Il-President rabat il-konferenza tal-lum mal-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali li organizza fi Frar li għadda. “Inħoss li dan l-għarfien dwar is-sisien ta’ ġrajjiet pajjiżna huwa pass fundamentali biex napprezzaw iktar dak li jqarribna, u mhux dak li jifridna”, ikkonkluda l-President.
Il-pubblikazzjoni ta’ dak li ħareġ mill-Konferenza tista’ tiġi aċċessata minn hawn