George Vella

Micallef Bridget, Inklużjoni

Fi tfuliti, minn meta bdejt nitgħallem naqra u nikteb l-iskola, inżergħet żerriegħa, żerriegħa li kibret u żviluppat fi mħabba għall-kotba. Qas kienet tgħaddili minn moħħi li din l-imħabba għall-kotba ser tkun l-isfog tiegħi fil-futur. Tul is-snin, il-preferenzi tiegħi għall-ġeneri ta’ kotba nbidlu, iżda l-ġeneru li jibqa’ dejjem il-favorit tiegħi huwa r-rumanzi storiċi. Kont nieħu gost l-aktar naqra ktieb tajjeb miktub minn awturi Maltin, ħaġa li llum ma nistax nagħmel.

Fl-età ta’ 17-il sena, wara ħafna snin nissielet ma’ virus li attakkali għajnejja, żviluppatli glawkoma u tlift il-vista. F’dak il-mument ħassejt id-dinja taqa’ fuqi għax ma stajtx naqra aktar kotba.

F’Novembru tal-1985, persuna qrib il-familja tagħna, li kienet tgħallem lil persuni għomja u li saret taf li kont tlift il-vista, ġiet id-dar tiegħi lejla waħda u introduċietli l-Braille. Il-Braille hija sistema ta’ qari bil-mess li tikkonsisti f’sitt tikek imqabbża li jintużaw minflok l-ittri tal-alfabett, u ssemmiet għall-inventur tagħha, Louis Braille, li kien tilef il-vista fl-età ta’ ħames snin wara inċident b’xi għodda ta’ missieru. Aktar tard, Louis Braille beda jgħallem fl-istess istitut għall-persuni għomja f’Pariġi fejn kien jattendi bħala student. Sar ukoll organista kkwalifikat. Is-sistema tal-Braille li ħoloq ġiet rikonoxxuta wara mewtu u llum tintuża minn miljuni ta’ persuni għomja jew b’insuffiċjenza fil-vista madwar id-dinja kollha.

Meta tlift il-vista, irrealizzajt li ma kinux jeżistu kotba bil-Braille Malti. L-uniku ktieb li għandna, s’issa, huwa l-Bibbja bis-saħħa tal-Għaqda Biblika Maltija li għamlet dan possibbli. L-uniċi kotba bil-Malti disponibbli għall-persuni għomja jew b’insuffiċjenza fil-vista huma kotba awdjo li, fl-opinjoni tiegħi, mhumiex is-soluzzjoni għal min, bħali, jippreferi jaqra ktieb u joħloq ix-xenarji fl-immaġinazzjoni tiegħu. Problema oħra li sibt meta kien għadni membru tal-librerija lokali tal-kotba awdjo kienet li l-kotba kienu f’forma mqassra meta jien nippreferi naqra x-xogħol oriġinali. Dejjem kienet il-ħolma tiegħi li xi darba Malta, bħal pajjiżi oħra, ikollha l-kotba traskritti fil-Braille Malti u aktar persuni għomja jiskopru kemm il-Braille jista’ jgħinhom fil-ħajja ta’ kuljum. Il-Braille sar parti mir-rutina tiegħi ta’ kuljum, u l-fatt li tgħallimt il-Braille Malti għenni nipparteċipa b’mod attiv f’żewġ parroċċi fejn inservi ta’ lettur. Jiena nittraskrivi l-qari għall-Braille u meta jkun imissni naqra l-knisja, inkun nista’ mmur fuq l-ambone u naqra bħal-letturi sħabi l-oħra, iżda b’differenza: minflok naqra b’għajnejja, naqra b’subgħi.

Huwa importanti li aktar tfal, żgħażagħ u adulti għomja jiġu mħeġġa jitgħallmu u jiskopru s-sbuħija tal-Braille u x’jista’ joffri. Fil-fehma tiegħi, il-persuni għomja, bħal dawk li jaraw sew, ukoll jistgħu jiġu kklassifikati bħala illitterati jekk ma jkunux jafu jaqraw jew jiktbu bil-Braille. Mod wieħed kif tista’ tiġi indirizzata din id-diffikultà huwa billi jkollna kotba ta’ awturi Maltin traskritti għall-Braille Malti. Jistgħu jintużaw fondi Ewropej biex dan isir possibbli. Nittama li din il-ħolma ma tibqax biss ħolma iżda ssir realtà. Ħerqana li xi darba nkun nista’ naqra ktieb bil-Braille Malti.

Dan l-artiklu hu parti mill-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’ mtellgħa mill-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti.

Skip to content