Għeżież ħutna Maltin u Għawdxin li tgħixu ‘l bogħod minn xtutna,
Hekk kif qed ningħaqdu flimkien għal dan iż-żmien speċjali tas-sena, marti Miriam u jien nixtiequ nawguraw Milied hieni lil kull wieħed u waħda minnkom. Il-Milied huwa żmien ta’ ferħ, riflessjoni u inklużjoni, u hu għalhekk bi pjaċir kbir li nixtieq ningħaqad magħkom – id-dijaspora Maltija madwar id-dinja.
Iż-żmien tal-Milied huwa żmien fejn bosta familji u komunitajiet jingħaqdu flimkien fi spirtu ta’ mħabba u rieda tajba.
F’din l-okkażjoni ta’ ġabra, f’dan il-Milied nieħdu ftit ħin biex nirriflettu fuq il-valuri tagħna bħala Maltin – il-valuri tal-komunità, tar-reżiljenza u tal-kompassjoni. Kif kelli l-okkażjoni ngħidilkom kull darba li żortkom, ftakru li intom tagħmlu parti sħiħa mill-familja Maltija, qegħdin fejn qegħdin madwar id-dinja.
Anke jekk forsi pajjiżna huwa żgħir, nistgħu ngħidu bla tlaqliq li Malta tinsab kullimkien madwar id-dinja fil-qalb ta’ kull membru tad-dijaspora Maltija.
Li tara d-dijaspora Maltija jirnexxu f’pajjiżi oħra, ikompli jnissel fina sens ta’ kburija u ta’ sodisfazzjon. Bis-saħħa tal-ħidma tagħkom, intom tkunu qed iġġorru l-isem ta’ pajjiżna magħkom u tkomplu ssaħħu l-ġieħ tagħna bħala poplu ta’ suċċess kull fejn jinsab. Nieħu pjaċir nara ħafna Maltin u oħrajn ta’ dixxendenza Maltija jagħmlu isem għalihom infushom imma fl-istess ħin anke għal pajjiżhom. Il-kisbiet, ir-reżiljenza u l-impenn tagħkom biex tħarsu dak kollu li hu Malti huwa ta’ eżempju għalina lkoll. B’hekk nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi għal dan l-impatt li intom tkomplu tħallu fil-komunitajiet rispettivi tagħkom.
Hekk kif niċċelebraw il-festi tal-Milied, għandna wkoll nieħdu din l-opportunità biex niċċelebraw ukoll it-tradizzjonijiet Maltin, li anke jidwu fl-attivitajiet li għandna marbuta ma’ dawn iż-żminijiet sabiex ngħożżu l-patrimonju Malti u dak li jgħaqqadna bħala Maltin.
Ser nieħu din l-opportunità biex nerġa’ nappella lilkom il-Maltin ta’ barra biex tibqgħu kull fejn tistgħu tużaw l-ilsien Malti. Il-lingwa tagħna hija teżor uniku li jagħmilna dak li aħna – Maltin. Il-lingwa tagħna hija prezzjuża wisq biex tiġi mwarrba u abbandunata. Il-Malti m’għandu xejn anqas minn ilsna oħra.
Ejjew ngħożżu u nħarsu dan is-simbolu tal-identità nazzjonali tagħna li jgħaqqadna flimkien u li jgħinna nagħrfu l-għeruq tagħna.
F’dan l-isfond, nixtieq ukoll inwassal l-apprezzament tiegħi lilkom tal-ospitalità li tajtu lil Miriam u lili kull fejn żorniekom. L-entużjażmu, kif ukoll l-impenn tagħkom biex iżżommu rabta b’saħħitha bejn id-dijaspora u Malta ħallew impressjoni dejjiema fuqi. Grazzi talli dejjem tkunu ambaxxaturi ta’ pajjiżna u talli ġġorru l-valuri li jagħmluna kburin li aħna Maltin.
Nagħlaq dan il-messaġġ billi mill-ġdid nirringrazzjakom mill-qalb u nawguralkom Milied hieni u s-Sena t-Tajba. Intom fejn intom, aħna ninsabu kburin bikom. Intom prova ċara ta’ kif is-saħħa ta’ pajjiż ma titkejjilx biss bil-kobor tat-territorju, iżda minn niesu u l-għaqda ta’ bejniethom u l-għożża lejn dak kollu li hu Malti.
Grazzi u Awguri.