George Vella

Messaġġ rekordjat mill-E.T. George Vella għal-Maratona ġbir ta’ fondi ‘Jien Suċċess’, Fondazzjoni Inspire.

Nirringrazzjakom ta’ din l-istedina biex inwassal il-messaġġ tiegħi għal din il-maratona ġbir ta’ fondi ‘Jien Suċċess’.

Nilqa’ bis-sħiħ, it-titlu li ingħata lil din il-maratona, li jisħaq fuq l-idea ta ‘suċċess’. Dan għaliex m’ hawn l-ebda diżabilità’ li għandha tkun ta’ xkiel għall-kisba ta’ ħajja mimlija, dinjituża, u ta’ sodisfazzjon.

Minkejja l-limitazzjonijiet, l-kundizzjonijiet, jew diżabilitajiet, kull individwu għandu d-dritt li jirnexxi.

Persuni b’diżabilità għandhom jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom f’kull aspett ta’ ħajjithom u jkollhom l-istess opportunitajiet bħal kulħadd fil-ħajja.

Tul dawn l-aħħar erbatax–il sena, l-Fondazzjoni Inspire tat kontribut kbir fis-settur tad-diżabilità ġewwa pajjiżna.

Infaħħar id-dedikazzjoni u l-imħabba li juru ta’ kuljum il-ħaddiema tal-post. L-impenn tagħhom biex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar huwa nobbli u ħaqqu is-sostenn tagħna.

Bħalissa L-Fondazzjoni Inspire qed titlob l-għajnuna tagħna.

L-Inspire nediet proġett biex tagħmel xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni estensiva fiċ-Ċentru ta’ Riabilitazzjoni u Benessri tal-Fondazzjoni ġewwa Wied il-Għajn.

B’dan il-proġett, l-Inspire ser tkun tista’ toffri faċilitajiet iktar aċċessibbli, mgħammra b’apparat modern biex jakkomodaw l-bżonnijiet speċjali ta’ nies b’problemi newroloġiċi jew limitazzjonijiet fiżiċi oħra.

Iktar min hekk, huwa pjanat biex iċ-Ċentru jintroduċi lista ta’ servizzi ġodda maħsuba biex isaħħu s-setgħa u jtejbu l-għixien ta’ mijiet ta’ nies li qegħdin fil-bżonn.

L-ispiża stmata għal dawn ix-xogħlijiet hi waħda sostanzjali u  għalhekk illum qegħdin nappellaw għall-ġenerożità’ tagħkom.

Il-poplu tagħna dejjem kien magħruf bħala poplu li huwa lest li jgħin bi ħġaru lill dawk kollha li huma vulnerabbli u qegħdin fil-bżonn.

Dawn il-valuri huma s-sisien ta’ soċjetà inklussiva li taf tagħder u tħenn.

Għalhekk nixtieq nappella lil-poplu Malti u Għawdxi kollu biex nagħtu l-appoġġ tagħna f’din il-maratona permezz ta’ donazzjoni.

Kull kontribuzzjoni hi importanti. Kull donazzjoni tgħodd.

Grazzi.

-tmiem-

Skip to content