Il-President ta’ Malta George Vella qal li persuni kbar fl-età għandhom jingħataw kull spazju u fakultà li jkomplu jużaw l-għarfien u l-abbiltajiet tagħhom għall-ġid tagħhom u tal-komunità. “Dawn l-għerf u l-esperjenza ma jistgħux jintilfu. Mhumiex xi ħaġa antika jew żejda, iżda bżonn f’kull soċjetà moderna kemm hi moderna. Kulħadd għandu sehem x’jagħti f’dan il-proċess,” stqarr il-President waqt is-serata ‘Premju Anzjanità Attiva’, li din is-sena ntrebaħ minn Patri Marcellino Micallef.
Il-President qal li l-età m’għandhiex tkun ta’ xkiel biex persuna tkompli tinvolvi ruħha u jkollha rwol ċiviku fil-komunità. Innota li entitajiet bħall-Kunsilli Lokali, entitajiet governattivi u għaqdiet mhux governattivi jistgħu joffru opportunitajiet varji biex iħeġġu lill-anzjani jitgħallmu u jaqsmu l-għarfien, esperjenza fid-dinja tax-xogħol, tradizzjonijiet, valuri u ħafna iktar bejniethom u ma’ ġenerazzjonijiet oħra.
Din tal-lum, qal il-President, hija ċelebrazzjoni ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni fis-settur tal-anzjanità attiva. Fid-diskors tiegħu, il-President laqa’ bis-sħiħ il-ħsieb ta’ dan l-avveniment annwali ddedikat għall-anzjani li juri biċ-ċar l-apprezzament lejn min ta sehmu għas-soċjetà Maltija tul is-snin.
Il-President irrimarka li din is-sena f’din l-attività qed naraw elementi ġodda għax minbarra premjijiet għal persuni anzjani li baqgħu attivi, hemm ukoll kategoriji għal proġetti jew inizjattivi li setgħu twettqu minn individwi ta’ kull età, entitajiet jew organizzazzjonijiet li permezz tal-proġett jew l-inizjattiva tagħhom iffaċilitaw anzjanità attiva. Semma fost oħrajn oqsma bħalma huma l-innovazzjoni, it-teknoloġija u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela rringrazzja lill-anzjani kollha għall-kontribut kbir li taw matul ħajjithom. Qal li dak li qegħdin ingawdu aħna llum ġie bil-ħidma ta’ min ġie qabilna u l-isforzi tagħhom. Waqt li ddeskriva l-Premju Anzjanità Attiva bħala ċelebrazzjoni ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni f’dan is-settur, il-Ministru Abela stqarr li hu sabiħ li jibqa’ jkun hemm numru sabiħ ta’ parteċipanti għal dan il-premju.
Ir-rebbieħa huma:
Premju Anzjanità Attiva – Patri Marcellino Micallef
Premju Innovazzjoni u Teknoloġija – Proġett CLIVE
Premju Anzjanità Sportiva – Is-Sur Carmel Mizzi
Premju Volontarjat fl-Anzjanità – Is-Sur Joseph Vella
Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali – L-iskola primarja tax-Xewkija u l-Kunsill Lokali tax-Xewkija għall-Proġett Interġenerazzjonali dwar snajja’
Premju Anzjanità Kulturali – Is-Sur Charles Bellia