George Vella

L-esperjenza ta’ barrani li tgħallem il-Malti waħdu f’erba’ snin

Jien Adam Young. Twelidt l-Ungerija, għandi ċittadinanza Ingliża u ngħix l-Ingilterra, u għandi passjoni kbira għal-lingwi. Lingwa waħda li għandi passjoni immensa għaliha hija l-Malti.

L-avventura tiegħi mal-Malti bdiet fl-2019 meta ddeċidejt li niskopri aktar dwar dan l-ilsien illi diġà kont smajt bih imma qatt ma kont qrajt dwaru. Mill-ewwel affaxxinani għax fih taħlita ta’ żewġ familji ta’ ilsna ferm differenti minn xulxin – Rumanza u Semitika. Dan il-fatt u l-mod li bih jintegraw fil-grammatika tal-Malti insibhom vera interessanti. Li tkun tista’ tgħid frażi mimlija kliem mit-Taljan u l-Isqalli u warajha frażi bi kliem kollu mill-Għarbi, jew frażi b’vokabularju li huwa fużjoni tat-tnejn, naraha ħaġa unika.

Meta bdejt nitgħallem il-Malti waħdi skoprejt illi permezz tal-għarfien wiesa’ tal-lingwi Rumanzi u l-għarfien żgħir li kelli tal-ilsien Għarbi, ma domtx ma drajt l-aspetti speċifiċi tal-Malti. Kelli vantaġġ għax il-biċċa l-kbira tal-vokabularju u ħafna mill-kliem ta’ nisel Għarbi kienu diġà familjari għalija. Allura stajt naqbeż l-istadju fejn wieħed jitgħallem il-kliem u frażijiet bażiċi, u floku fittixt riżorsi bħal kotba tal-grammatika biex inwessa’ l-għarfien tiegħi. Biex nesponi ruħi għal-lingwa bdejt naqra l-aħbarijiet bil-Malti fuq TVM News u One News, b’mod partikolari dwar ġrajjiet internazzjonali kurrenti biex nitgħallem kliem u frażijiet ġodda, imma wkoll dwar ġrajjiet kurrenti f’Malta biex insir naf iktar dwar il-kultura Maltija. Minbarra l-qari, inħobb nara filmati bil-Malti, pereżempju dokumentarji dwar il-gżejjer Maltin u l-istorja tagħhom, jew sensiliet televiżivi biex nidra l-lingwa kif inhi mitkellma fil-ħajja ta’ kuljum.

Ma noqgħodx Malta imma s-sena l-oħra, fl-2022, kelli l-pjaċir inżur Malta għall-ewwel darba. Malli nżilt fil-pajjiż impenjajt ruħi biex nuża kemm jista’ jkun il-Malti billi nkellem lin-nies bi lsienhom flok nuża l-Ingliż, bħalma normalment jagħmlu t-turisti. Kienet esperjenza mill-aqwa li nipprattika l-lingwa man-nies u narahom kollha sorpriżi meta jisimgħu barrani jkellimhom bil-Malti. Din il-btala f’Malta saħħet il-passjoni tiegħi għal-lingwa Maltija, lingwa unika li tirrifletti l-istorja tal-gżejjer Maltin u l-qawwiet varji illi ħakmuhom tul is-sekli.

Naħdem bħala traduttur, u nixtieq ħafna naħdem bl-ilsien Malti. Nemmen illi għandu jkollu preżenza usa’ fit-teknoloġija, pereżempju f’siti elettroniċi u f’sistemi operattivi ħalli n-nies iħossuhom aktar komdi jużawh anke f’dawn il-mezzi flok l-Ingliż. Nixtieq inkun nista’ nikkontribwixxi għat-tkattir u t-tisħiħ tal-lingwa Maltija. Nemmen li, għalkemm il-bilingwiżmu f’Malta hu vantaġġ, l-użu tal-Ingliż m’għandux ikun ta’ ħsara  għall-ilsien nazzjonali – l-ilsien Malti għandna ngħożżuh.

Dan l-artiklu hu parti mill-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’ mtellgħa mill-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti. L-artiklu oriġinali l-awtur kitbu bil-Malti. Il-verżjoni Ingliża hi traduzzjoni.

Skip to content