L-Ambaxxatur tar-Repubblika tat-Tuneżija, Zouheir Bouras, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Il-President Vella osserva li matul is-sebgħa u ħamsin sena ta’ relazzjonijiet bilaterali eċċellenti, Malta u t-Tuneżija dejjem laħqu qbil biex jaħdmu fuq skambji politiċi, kummerċ u kwistjonijiet ta’ politika reġjonali. Għal Malta, it-Tuneżija hija ġara u sieħba kruċjali fil-Mediterran. Bħala stat membru tal-Unjoni Ewropea, Malta ħerqana li tara kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn it-Tuneżija u l-Unjoni, b’mod speċjali fi kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni u l-kummerċ, u bbażata fuq l-osservanza sħiħa tal-prinċipji demokratiċi u l-libertajiet fundamentali.
Min-naħa tiegħu, l-Ambaxxatur enfasizza l-apprezzament għall-appoġġ għal żmien twil ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, b’politika konsistenti li t-Tuneżija tinżamm fuq quddiem tal-politika Mediterranja tal-UE. Ta wkoll ħarsa ġenerali lejn il-pjanijiet tiegħu biex jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali bejn iż-żewġ naħat.
Ġew diskussi l-aħħar żviluppi fl-Afrika ta’ Fuq u fil-Lvant Nofsani, b’enfasi partikolari fuq il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas u x-xenarju umanitarju diżastruż f’Gaża.



