L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Filippini Nathaniel Garcia Imperial ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Il-President Vella osserva li minkejja d-differenzi ġeografiċi u demografiċi, ir-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jissaħħu. Semma b’mod partikolari li Malta laqgħet komunità Filippina, li qiegħda dejjem tiżdied, li tgħix u taħdem f’Malta. Fil-livell kummerċjali, għad hemm lok biex jiġu promossi aktar ir-rabtiet tan-negozju kif ukoll iż-żieda fil-flussi kummerċjali bejn iż-żewġ naħat. Barra minn hekk, bħala żewġ nazzjonijiet gżejjer, il-pajjiżi tagħna għandhom interess qawwi komuni fil-promozzjoni tal-importanza ta’ ibħra u oċeani f’saħħithom. Il-President qal ukoll li Malta tilqa’ aktar kuntatti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Filippini. F’dan ir-rigward, Malta ser tkompli tilqa’ aktar djalogu bejn iż-żewġ naħat anki permezz tal-parteċipazzjoni attiva tagħha fil-qafas UE-ASEAN u l-Istrateġija tal-UE għall-Indo-Paċifiku.
L-Ambaxxatur Garcia Imperial wassal l-apprezzament lill-poplu Malti għall-mod kif laqa’ lill-komunità Filippina u għall-opportunitajiet li qegħdin jingħataw. Matul il-mandat tiegħu, ser ikun qed iħares lejn possibiltajiet biex jitjiebu l-iskambji kummerċjali kif ukoll il-kooperazzjoni fis-settur marittimu. Semma kif diversi professjonisti fil-qasam irċevew taħriġ intensiv fl-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali bbażat f’Malta b’benefiċċji kbar għall-bini tal-kapaċità tal-pajjiż. L-Ambaxxatur żied jgħid ukoll li l-Filippini huma interessati ħafna li jsaħħu l-kooperazzjoni ma’ Malta fid-diplomazija multilaterali.
Ritratti: OPR




