L-Ambaxxatur tar-Repubblika tal-Ażerbajġan, Rashad Fakhraddin oglu Aslanov, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Hekk kif laqa’ lill-Ambaxxatur għal Malta, il-President Vella osserva li r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Ażerbajġan dejjem kienu tajbin minn meta twaqqfu fl-1995. Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-Ażerbajġan sar sieħeb aktar importanti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni Ewropea. Lil hinn mis-settur tal-enerġija, il-kooperazzjoni tista’ tiġi estiża għal oqsma oħra bħall-iskambji tal-istudenti u dawk kulturali. Il-flussi tat-turiżmu bejn il-pajjiżi tagħna jistgħu potenzjalment jixprunaw it-tisħiħ tal-kuntatti bejn il-popli.
Dwar is-sitwazzjoni fir-reġjun tal-Karabakh, Malta tibqa’ tappoġġa s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ażerbajġan u tisħaq fuq il-ħtieġa li jerġa’ jinbeda djalogu kostruttiv bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet.
L-Ambaxxatur Aslanov enfasizza l-intenzjoni tiegħu li jżur Malta b’mod frekwenti bil-għan li jiżdiedu l-kuntatti f’numru ta’ oqsma. Semma s-settur marittimu, il-konnettività tal-portijiet, u l-iskambji ekonomiċi u kummerċjali. L-Ambaxxatur għarraf ukoll lill-President Vella dwar l-aħħar żviluppi rigward il-kuntatti mal-Armenja.




