“Kull individwu jista’ jagħmel differenza. Kull individwu għandu l-potenzjal li jagħti kontribut sabiex is-soċjetà u l-komunitajiet tagħna dejjem ikomplu jtejbu l-kundizzjonijiet materjali u ta’ għajxien tagħhom”, qal il-President George Vella waqt iċ-ċerimonja ta’ ġieħ lill-individwi fil-komunità Għawdxija li b’għemilhom u b’ħidmiethom rnexxielhom jagħmlu ġieħ lil Għawdex.
Fid-diskors tiegħu, il-President irrifletta fuq kif l-ebda individwu ma jgħix waħdu ġo bozza, iżda huwa prodott tal-ambjent ta’ madwaru. “Huwa għalhekk ferm importanti li nżommu f’moħħna l-impatt li jħalli l-ambjent ta’ madwarna fuq kull wieħed u waħda minna li ngħixu fih. Qed nirreferi hawnhekk għall-bilanċ meħtieġ bejn l-ambjent naturali u dak mibni jew żviluppat. Impatt mhux żgħir kemm fuq il-ħajja fiżika tagħna, u aktar u aktar fuq is-saħħa mentali tagħna”, qal il-President.
Waqt li għaraf li l-iżvilupp huwa bżonjuż, il-President tenna li dan m’għandu qatt isir għad-dannu tal-ambjent naturali. Stqarr li matul il-Presidenza kellu l-opportunità li jisma’ t-tħassib ta’ għaqdiet u individwi Għawdxin minħabba żvilupp f’Għawdex li jagħti l-impressjoni li huwa eċċessiv. “Għawdex sabiħ għalina għax għadu ambjent uniku. Għalhekk, tajjeb li niżguraw li dan inħarsuh għall-ġid u ħajja aħjar ta’ wliedna u tal-ġenerazzjonijiet futuri”, appella l-President.
Din is-sena l-Premju Ġieħ Għawdex ingħata lis-Sur Lorrie Saliba u lis-Sur Marlon Attard b’apprezzament għall-kontribut tagħhom fl-oqsma tal-volontarjat u l-isport.
Is-Sur Lorrie Saliba huwa attiv fil-komunità permezz tax-xogħol volontarju f’diversi għaqdiet lokali. Huwa l-aktar magħruf permezz tal-attiviżmu kontinwu tiegħu fil-Victoria Scouts Group fejn għen mhux ftit fit-tiswir u l-formazzjoni tal-karattru ta’ bosta żgħażagħ, li ħafna minnhom saru ċittadini adulti fis-soċjetà tagħna.
Is-Sur Marlon Attard huwa atleta nazzjonali tal-Malta Shooting Sport Federation fid-dixxiplina tal-iskeet. Id-dixxiplina u t-taħriġ kontinwu huma wħud mill-kwalitajiet li jagħmlu lil dan l-atleta ddedikat għall-isport tiegħu. Tul il-karriera tiegħu s’issa huwa għamel ġieħ u unur lil pajjiżna diversi drabi permezz tal-ħiliet tiegħu u bis-suċċessi mhux żgħar li rnexxielu jikseb matul is-snin.
Il-President feraħ lis-Sur Saliba u lis-Sur Attard għar-rikonoxximent mistħoqq li ngħataw, kif ukoll lill-President u lill-membri taċ-Circolo Gozitano tal-impenn nobbli tagħhom li jżommu l-kultura u l-istorja f’Għawdex ħajjin.
Jum Għawdex ifakkar il-ġrajja ta’ meta 225 sena ilu l-Arċipriet Saverio Cassar irnexxielu jgħaqqad lill-Għawdxin biex jiksbu l-ħelsien ta’ Għawdex mill-ħakma Franċiża. Il-President sellem lill-Arċipriet Saverio Cassar waqt ċerimonja ta’ tqegħid ta’ fjuri fuq il-monument tiegħu fit-Tokk fir-Rabat, Għawdex.
Qabel l-għoti ta’ Ġieħ Għawdex, il-President ta’ Malta u s-Sinjura Vella attendew għal quddiesa pontifikali solenni ċċelebrata mill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Anton Teuma fil-Katidral ta’ Għawdex.
Ritratti (OPR)