George Vella

Il-President Vella u l-President Rinkēvičs jikkonfermaw ir-relazzjonijiet eċċellenti bejn Malta u l-Latvja

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella laqgħu lill-President tal-Latvja Edgars Rinkēvičs, fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.

Il-President Vella u l-President Rinkēvičs ikkonfermaw ir-relazzjonijiet bilaterali eċċellenti bejn Malta u l-Latvja. Waqt it-taħditiet uffiċjali, iż-żewġ Presidenti ddiskutew opportunitajiet biex ikomplu jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet u qasmu fehmiet dwar kwistjonijiet bilaterali u internazzjonali. Fl-indirizz lill-media wara t-taħditiet, il-President Vella qal li minn meta bdew ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Latvja 34 sena ilu, sar progress tajjeb ħafna fejn jidħlu kuntatti politiċi, anki fid-dawl tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea fl-2004.

Il-President Vella qasam il-fehmiet tiegħu dwar kwistjonijiet internazzjonali urġenti, u r-rwol attiv li Malta qiegħda tieħu fil-ħidma biex dawn jissolvew, b’mod partikolari fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda bħala Membru elett għat-terminu 2023-2024 u fir-rwol tal-Presidenza tal-OSCE għall-2024. “Dan huwa mument storiku għal pajjiżna, u qed nassumu dan ir-rwol b’sens ta’ impenn u responsabbiltà, hekk kif qed nagħrfu li dan huwa mument kritiku fix-xena internazzjonali”, stqarr il-President Vella filwaqt li rringrazzja lill-President Rinkēvičs għall-appoġġ tal-Latvja għall-Presidenza ta’ Malta fl-OSCE.

Iż-żewġ Presidenti indirizzaw fid-dettall u kkundannaw il-gwerra illegali u mhux provokata tar-Russja fl-Ukrajna. “Ser inżommu bl-istess mod l-appoġġ assolut għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Ikkundannajna b’mod ċar dawn l-atti u nsostnu li l-awturi tar-reati jridu jinżammu responsabbli,” qal il-President Vella.

Fir-rigward tal-gwerra li għaddejja bħalissa bejn Iżrael u l-Ħamas, il-President Vella ddenunzja t-traġedja li qed tiżvolġi ta’ kuljum u s-sitwazzjoni umanitarja mwiegħra f’Gaża. “Id-djalogu huwa ċ-ċavetta. Huwa essenzjali li l-partijiet kollha, inkluża l-UE, jaħdmu flimkien mas-sħab reġjonali u globali biex jippromwovu orizzont politiku ġenwin li jħares Soluzzjoni ta’ Żewġ Stati bbażata fuq il-fruntieri ta’ qabel l-1967, li tindirizza t-tħassib u l-aspirazzjonijiet leġittimi taż-żewġ naħat, f’konformità mar-Riżoluzzjonijiet rilevanti tal-UNSC”, appella l-President Vella.

Fir-rigward tal-migrazzjoni irregolari, il-President Vella enfasizza li Malta għadha mħassba bil-pressjonijiet tal-migrazzjoni mir-rotta tal-Mediterran Ċentrali, biż-żieda sinifikanti fl-iżbarki mis-sena 2020. “Din hija sfida għall-UE u mhux biss kwistjoni għall-ftit Stati Membri l-aktar esposti. Hemm bżonn li jissaħħu l-fruntieri tan-Nofsinhar u niġġieldu t-traffikar ta’ bnedmin u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin tagħhom,” stqarr il-President.

It-taħditiet iffokaw ukoll fuq it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea fl-isfond tad-diskussjonijiet li għaddejjin bħalissa dwar il-Futur tal-UE.

Ian Borg, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, u d-delegazzjoni akkumpanjaw lill-President Vella waqt it-taħditiet uffiċjali, u informa lill-President dwar iż-żjara riċenti tiegħu fl-Ukrajna.

Iż-żewġ Presidenti ltaqgħu l-aħħar f’Riga waqt iż-żjara tal-President Vella f’Marzu tal-2023. F’dak iż-żmien, il-President Rinkēvičs kellu r-rwol ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin.

Waqt ċerimonja ta’ skambju ta’ dekorazzjonijiet fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President Vella ta s-Sħubija Onorarja tal-Ordni Nazzjonali tal-Meritu fil-Grad ta’ Kumpann tal-Unur b’Kullar lill-President Rinkēvičs.

Il-President tal-Latvja ta Kmandant tas-Salib tal-Ordni tat-Tliet Stilel bil-Katina tal-Ordni lill-President ta’ Malta.

Skip to content