Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella żaru lill-pazjenti Maltin li jinsabu fir-Renju Unit għall-kura u lill-qraba li qed jakkumpanjawhom. Mal-wieħed u erbgħin pazjent bħalissa qed jingħataw il-kura fi sptarijiet fir-Renju Unit wara li ġew riferuti mill-Isptar Mater Dei.
Din is-sena, The Malta Community Chest Fund (MCCF) assistiet mal-mitejn pazjent li kienu jeħtieġu l-kura fir-Renju Unit u lil qrabathom. Parti kbira minnhom kellhom bżonn kura għall-kanċer, mard fl-għajnejn, kanċer fid-demm u mard tal-qalb, fost oħrajn.
L-MCCF tkun ta’ spalla għal dawn il-pazjenti billi tgħin fl-ispejjeż tal-vjaġġ, l-akkomodazzjoni, it-trasport, l-ikel u l-bżonnijiet bażiċi tal-persuna li tkun qed takkumpanja lill-pazjent. F’każi fejn il-pazjent ikun għadu taħt it-tmintax-il sena, l-MCCF tgħin sabiex il-ġenituri jew żewġ persuni jkunu mal-pazjent.
Akkumpanjati miċ-Chairman tal-Bord tal-Amministraturi ta’ The Malta Community Chest Fund, is-Sur John Huber, il-President u s-Sinjura Vella żaru tliet sptarijiet f’Londra fejn jitilgħu għall-kura pazjenti Maltin.
Huma żaru s-sala Rays of Sunshine fl-isptar King’s College, fejn jingħataw il-kura trabi u tfal li jkollhom kumplikazzjonijiet fil-fwied, li wħud minnhom ikollhom bżonn trapjant. Ftit tal-jiem ilu kienet qed tingħata l-kura hawnekk tarbija Maltija ta’ tliet ġimgħat.
It-tieni sptar li żaru kien Royal London, fejn iltaqgħu mal-konsulent Malti, Mr Joseph Aquilina, li jispeċjalizza fl-ostetriċija u l-ġinekoloġija. Mr Aquilina, flimkien ma’ Dr Caroline May, Direttur Diviżjonali għas-Saħħa tal-Mara, spjegaw il-ħidma li ssir f’The Lotus Birth Centre ġewwa l-isptar Royal London għal nisa li jkollhom riskju fit-tqala u s-servizzi li jingħataw qabel u wara l-ħlas.
F’Royal Marsden f’Londra, il-President u s-Sinjura Vella kellhom laqgħa ma’ Dr Mark Ethell li aġġornahom dwar it-trattament li jingħataw il-pazjenti Maltin li jitilgħu għall-kura minħabba mard fid-demm. Huma żaru l-faċilitajiet ta’ kura intensiva u s-sala Wiltshaw, fejn tingħata kura speċjalizzata fil-privat lill-pazjenti b’kanċer fid-demm.
Il-President Vella radd ħajr lill-konsulenti, it-tobba, l-infermiera u l-ħaddiema ta’ dawn l-isptarijiet għall-impenn tagħhom biex il-pazjenti Maltin ikollhom l-aqwa kura possibbli.
Matul iż-żjara tagħhom fir-Renju Unit, il-President u s-Sinjura Vella ltaqgħu mal-pazjenti u l-qraba tagħhom fl-appartamenti tal-Fondazzjoni Puttinu Cares f’Sutton, fejn bħalissa qed jgħixu dsatax-il pazjent, u mas-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù u s-Sorijiet Agostinjani f’Londra, li jospitaw lill-pazjenti li jitilgħu għall-kura.
Ritratti (OPR)




