George Vella

Il-President ta’ Malta u l-President tal-Ghana jaffermaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom bejn iż-żewġ pajjiżi

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Fl-ewwel jum ta’ żjara statali fil-Ghana, il-President George Vella u s-Sinjura Miriam Vella ġew milqugħa mill-President tal-Ghana, Nana Addo Dankwa Akufo-Addo, u l-mara tiegħu, Rebecca Akufo-Addo, f’Jubilee House f’Akkra. Wara ċ-ċerimonja uffiċjali ta’ merħba, il-President Vella u l-President Akufo-Addo kellhom taħditiet uffiċjali li matulhom affermaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom bejn Malta u l-Ghana.

“Din iż-Żjara Statali qiegħda ssir f’mument sinifikanti ħafna, peress li din is-sena jaħbat il-ħamsin anniversarju minn meta ż-żewġ pajjiżi tagħna waqqfu relazzjonijiet diplomatiċi fl-1974,” qal il-President Vella f’Dikjarazzjoni għall-Istampa wara t-taħditiet uffiċjali. Il-President qal li l-bidu ta’ missjonijiet diplomatiċi fil-bliet kapitali ta’ xulxin jixhed in-natura dejjiema tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.

Il-President Vella qal, “Dan jikkumplimenta wkoll ix-xewqa ta’ Malta li ttejjeb ir-relazzjonijiet u s-sħubija ma’ pajjiżi Afrikani individwali permezz tal-Istrateġija nazzjonali tagħna għall-Afrika”. Enfasizza wkoll it-twaqqif ta’ Kummissjoni Konġunta biex timplimenta progress f’oqsma ta’ interess bħall-edukazzjoni għolja, is-sajd, l-agrikoltura, is-servizzi finanzjarji, is-servizzi tal-ajru u s-settur tal-ospitalità.

Fir-rigward tal-kooperazzjoni reġjonali, il-President Vella qal li Malta tibqa’ tappoġġja b’mod qawwi u attiv ir-relazzjoni pożittiva u kostruttiva bejn il-Ghana u l-Unjoni Ewropea. Il-President irrimarka wkoll li l-Ghana hija eżempju ta’ stat tad-dritt, ta’ stabbiltà u demokrazija fl-Afrika tal-Punent.

Waqt it-taħditiet uffiċjali, il-President Vella u l-President Dankwa Akufo-Addo ddiskutew il-migrazzjoni, kwistjoni ta’ interess reċiproku kemm għal Malta kif ukoll għall-Ghana.

Id-diskussjonijiet iffukaw ukoll fuq kwistjonijiet multilaterali, fejn il-President Vella enfasizza l-impenn ta’ Malta li tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal fi ħdan il-familja tan-Nazzjonijiet tal-Commonwealth, li fiha kemm Malta kif ukoll il-Ghana huma membri rispettati. “Il-Commonwealth m’għandhiex biss tfakkarna fil-passat tagħna, u fl-elementi tal-wirt komuni tagħna, iżda l-Commonwealth għandha l-potenzjal kollu li tkun pjattaforma b’saħħitha għal qsim, konnessjoni, u djalogu kontinwu fil-ġejjieni, anki permezz tad-diversità tagħha,” saħaq il-President Vella.

Il-President Vella feraħ lill-Ghana għall-elezzjoni b’suċċess tagħha għall-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (HRC) għall-perjodu 2024-2026. Faħħar ukoll lill-Ghana għat-tmexxija tagħha fi kwistjonijiet ta’ sigurtà reġjonali u għall-ospitar b’suċċess tal-Konferenza Ministerjali tan-NU dwar iż-Żamma tal-Paċi li saret f’Diċembru li għadda.

Il-Presidenza u s-Sinjura Vella żaru l-musulew ta’ Kwame Nkrumah f’Akkra, u sellmu l-memorja tal-ewwel President tal-Ghana, figura ewlenija fil-moviment tal-indipendenza tal-pajjiż, u lil martu.

Akkumpanjati mid-delegazzjoni, li tinkludi lis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, il-President Vella u s-Sinjura Vella żaru l-iskola The Little Explorers Montessori u The National Lottery Authority.

Skip to content