George Vella

Il-President ta’ Malta George Vella jibda Żjara Statali fil-Ghana

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella ħallew Malta dalgħodu għal żjara statali fil-Ghana.
Matul iż-żjara, il-President Vella se jkollu laqgħa uffiċjali mal-President tal-Ghana Nana Addo Dankwa Akufo-Addo f’Akkra u udjenza mar-Re tar-Renju Ashanti tal-Ghana, Otumfuo Osei Tutu II fil-Palazz ta’ Manhyia f’Kumasi.

Fost impenji oħra fil-Ghana, il-President u s-Sinjura Vella se jżuru l-Isptar HopeXchange f’Kumasi.

Id-delegazzjoni tal-President ta’ Malta fil-Ghana tinkludi lis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti.

L-impenji tal-President u s-Sinjura Vella fil-Ghana jiġu fi tmiemhom nhar is-Sibt 9 ta’ Marzu. Minn hemmhekk se jmorru r-Renju Unit sabiex jattendu avveniment li jfakkar Jum il-Commonwealth fuq stedina tas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, il-Barunessa Patricia Scotland.

Il-President u s-Sinjura Vella jiġu lura Malta nhar it-Tlieta 12 ta’ Marzu 2024. Sakemm il-President George Vella jkun impenjat barra l-pajjiż, il-Professur Frank Bezzina se jservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta.

Skip to content