George Vella

Il-President jirrifletti dwar l-istat attwali tal-affarijiet internazzjonali waqt l-indirizz tiegħu lill-Oxford Union

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

 “Jeħtieġ li nsemmgħu aktar leħinna u nkunu ferm aktar determinati biex neqirdu l-fluss u l-bejgħ ta’ armamenti u munizzjon hekk kif dawn ikomplu jkebbsu u jsostnu konflitti reġjonali u gwerer akbar,” wissa l-President ta’ Malta George Vella fl-indirizz tiegħu lill-Oxford Union, li din is-sena qed tfakkar il-Biċentinarju tagħha.

Il-President Vella esprima tħassib kbir dwar in-“nefqa eżorbitanti” fuq strumenti ta’ gwerra u qerda, b’mod speċjali meta mqabbla mas-somom investiti fis-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija, il-preservazzjoni tal-ambjent globali u l-azzjonijiet għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Fid-diskors tiegħu, il-President qajjem għadd ta’ aspetti li jqanqlu l-ħsieb dwar l-istat attwali tal-affarijiet internazzjonali. Qal li, kostituzzjonalment, Malta hija stat newtrali li jfittex b’mod attiv il-paċi, is-sigurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha. “Din hi l-vokazzjoni tagħna,” qal il-President Vella, waqt li faħħar dak li qiegħda tipprova tikseb Malta bħala membru mhux elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda f’dan it-terminu 2023-2024.

“Fid-dawl tal-istaġnar, Malta ħadet l-inizjattiva li tipproponi test li jiżblokka xenarju umanitarju devastanti. Il- Kunsill tas-Sigurtà ħa ħames ġimgħat sħaħ biex jieħu azzjoni billi jadotta r-Riżoluzzjoni 2712 biex jindirizza l-orruri li ilhom jiżvolġu ta’ kuljum mis-7 ta’ Ottubru,” irrimarka l-President Vella, li esprima t-tħassib tiegħu li l-komunità internazzjonali, irrappreżentata fl-ogħla livell, ħadet aktar minn xahar biex tirreaġixxi. Illum il-ġurnata, qal il-President Vella, ħadd ma jrid isemmi l-paċi. Anzi, min isemmiha jiġi ttimbrat bħala li qed joħlom, dgħajjef u, agħar minn hekk, inġenwu.

Il-President innota li minkejja l-intenzjonijiet tajba kollha, il-komunità internazzjonali ftit li xejn tgħallmet mill-gwerer u l-konflitti tal-passat, b’mod speċjali fl-arti tal-istabbiliment u ż-żamma tal-paċi. “Reġa’ għandna gwerra fit-territorju Ewropew, konflitt devastanti fil-Lvant Nofsani u sistema multilaterali li qiegħda kontinwament titpoġġa taħt prova. Għandna sitwazzjoni diżastruża ta’ kolpi ta’ stat u gwerer ċivili fir-reġjun tas-Saħel, mingħajr ma ninsew il-gwerra riċenti fil-Jemen u s-Sirja.” Il-President saħaq li s-soluzzjonijiet jinsabu fid-diplomazija u n-negozjati, li huma l-prinċipji bażiċi ta’ kwalunkwe sistema multilaterali li taħdem.

B’referenza għar-reġjun tal-Mediterran, il-President qal li l-komunità internazzjonali naqset kemm-il darba milli tagħraf l-urġenza tat-tensjonijiet fil-Mediterran.

Qabel taħdita informali mal-President tal-Oxford Union u sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet mal-membri tagħha, il-President ħeġġeġ lill-istudenti jiddefendu dak li jemmnu li hu ġust, anki jekk dan ifisser li jmorru kontra l-kurrent. “Tikkompromettux il-konvinzjonijiet tagħkom ta’ x’inhu tajjeb jew ħażin u investu ż-żgħożija tagħkom, l-entużjażmu tagħkom, il-moħħ tagħkom u l-libertà tagħkom biex ittejbu l-ħajjiet u tindirizzaw l-isfidi preżenti u futuri,” temm jgħid il-President.

Skip to content