George Vella

Il-President iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu jżidu l-kuxjenza dwar id-dimensja

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President George Vella ħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex ikomplu jżidu l-kuxjenza dwar id-dimensja, bil-għan li s-soċjetà titgħallem tagħraf u tifhem aktar din il-kundizzjoni diġenerattiva li ma nistgħux ninjorawha.

Waqt il-Premju Nazzjonali fil-Qasam tad-Dimensja organizzat mid-Direttorat għall-Kura tad-Dimensja u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, il-President sejjaħ biex flimkien intejbu l-inklussività u l-aċċessibilità fil-komunità għall-persuni li jbatu mid-dimensja.

Filwaqt li feraħ lill-erba’ rebbieħa u lin-nominati kollha, il-President wera apprezzament kbir lejn id-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji mwettqa minn persuni li jaħdmu f’kull settur tal-kura tad-dimensja.

“Il-marda tad-dimensja hija ġabra ta’ sintomi li huma kkawżati minn ħsarat li jaffettwaw il-moћћ. Din tista’ tiġi fuq kulħadd, iżda r-riskju jiżdied mal-età u għalhekk l-akbar ammont ta’ każi huma b’mod predominanti fost l-anzjani,” qal il-President ta’ Malta waqt li semma kif fl-aħħar għaxar snin, l-għadd ta’ persuni bid-dimensja f’Malta żdied b’aktar mid-doppju minħabba li aktar anzjani qed jgħixu ħajja itwal.

Il-President spjega kif id-dimensja tħalli effetti negattivi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-individwi affettwati direttament minn din il-kundizzjoni u fuq il-membri tal-familja u dawk li jagħtu l-kura.

“Li tieħu ħsieb persuna bid-dimensja hija ta’ sfida mhux żgħira. Qraba li jieħdu ħsieb lil xi ħadd li jgħix bid-dimensja jesperjenzaw huma stess, stress fiżiku u emozzjonali, ansjetà u piżijiet tqal oħra. Għalhekk huwa importanti li nkomplu ninvestu fir-riżorsi biex inkunu kapaċi noffru kura dinjituża lil dawk li qegħdin isofru mid-dimensja,” stqarr il-President ta’ Malta.

“Soċjetà li taf tagħder u tgħin lil min hu fil-bżonn għandha taħdem sabiex kemm jista’ jkun, dawk li jiġu milqutin minn kwalunkwe marda, ikunu jistgħu jgħixu ħajja ta’ kwalità tajba, u fuq kollox b’dinjità,” qal Dr Vella waqt li rrefera għall-prevenzjoni. F’dan il-kuntest, il-President semma ż-żieda fl-attività fiżika, it-tnaqqis tal-obeżità, il-promozzjoni ta’ dieta bilanċjata u tajba għas-saħħa u l-waqfien mit-tipjip u l-konsum tal-alkoħol. Spjega li dawn huma miżuri fattibbli li jippermettulna nnaqqsu r-riskju li niżviluppaw id-dimensja.

Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, wera t-tħassib tiegħu dwar l-inċidenza tad-dimensja, li kulma jmur qed iżżid f’pajjiżna u bosta pajjiżi oħra. Qal li din il-kundizzjoni, għad li ftit li xejn tħalli effetti fl-istadju bikri tagħha, għandha effetti traġiċi meta tidħol fil-fażi severa u avvanzata.

“Illejla, filwaqt li qegħdin qrib ħafna l-festa għażiża tal-Milied, huwa xieraq li nirrikonoxxu l-impenn, id-dedikazzjoni, il-professjonalità u l-kompassjoni li ta’ kuljum joffru l-qraba u l-impjegati li jaħdmu f’dan is-settur. L-isbaħ rigal li jistgħu jirċievu persuni bid-dimensja huwa l-impenn determinat tal-gvernijiet magħqudin mal-universitajiet u l-korporazzjonijiet kbar sabiex ninvestu bis-sħiħ fir-riċerka ħalli nsibu kura ta’ fejda għal din il-kundizzjoni,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Ir-rebbieħa huma:

Premju għal carer informali – Is-Sinjura Roslynn Vella

Premju għal professjonist jew tim fil-qasam tad-dimensja – Is-Sur Carmel Damato

Premju għal kontribut eċċezzjonali fil-qasam tad-dimensja – Dr Anthony Scerri

Rikonoxximent speċjali – Is-Sinjura Rita Vella

Skip to content