George Vella

Il-President George Vella u s-Sinjura Miriam Vella jattendu għall-Inkurunazzjoni tar-Re Karlu III

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Il-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Miriam Vella attendew għaċ-ċerimonja tal-Inkurunazzjoni tar-Re Karlu III u r-Reġina Camilla f’Westminster Abbey, f’Londra.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-President Vella stqarr li kien ta’ pjaċir li kien qed jirrappreżenta lil Malta f’avveniment bħal dan, u li kellu l-opportunità li jaqsam xi ħsibijiet ma’ kapijiet ta’ stat minn pajjiżi differenti. Irrimarka wkoll dwar is-solennità taċ-ċerimonja tal-Inkurunazzjoni u l-organizzazzjoni fil-belt ta’ Londra.

Għaċ-ċerimonja tal-Inkurunazzjoni, li kienet immexxija mill-Arċisqof ta’ Canterbury Justin Welby, attendiet kongregazzjoni ta’ aktar minn 2,200 persuna. Kienu mistiedna fost oħrajn rappreżentanti minn 203 pajjiżi, inkluż mal-100 kap ta’ stat.

Lejlet iċ-ċerimonja tal-Inkurunazzjoni, il-President Vella attenda għal avveniment mal-kapijiet tal-Pajjiżi tal-Commonwealth ad unur tar-Re Karlu III organizzat mis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, Patricia Scotland, f’Marlborough House. Din kienet opportunità għall-mexxejja biex jirriflettu fuq il-futur tal-Commonwealth, b’enfasi fuq il-potenzjal taż-żgħażagħ li jmexxu ’l quddiem il-prinċipji tal-paċi u l-iżvilupp sostenibbli. Fl-intervent tiegħu, il-President poġġa mistoqsijiet dwar il-finanzjament, fost oħrajn, u kif se ssir l-organizzazzjoni . Issuġġerixxa wkoll li jkun hemm programmi ta’ skambju bħalma hemm fl-Ewropa għaż-żgħażagħ. Il-President qajjem ukoll il-punt li ħafna mill-pajjiżi żgħar huma mhedda mit-tibdil fil-klima speċjalment minħabba li jekk jogħla l-livell tal-baħar ikunu f’riskju li jinqerdu. “Kienet diskussjoni tajba ħafna u jidher li hemm imbuttatura ġdida għall-ġejjieni tal-Commonwealth taħt it-tmexxija tar-Re Karlu III flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, il-Baronessa Scotland”, temm jgħid il-President.

Sadanittant, is-Sinjura Vella ħadet sehem fi u indirizzat avveniment għas-sħab tal-Mexxejja tal-Pajjiżi tal-Commonwealth immexxi mis-Sinjura Jeannette Kagame, il-First Lady tar-Rwanda, li ffoka fuq l-azzjoni meħtieġa biex jinqered il-kanċer ċervikali madwar il-Commonwealth.

Il-Ġimgħa filgħaxija, il-President u s-Sinjura Vella kienu mistiedna flimkien mal-mistednin l-oħra taċ-ċerimonja tal-Inkurunazzjoni għal avveniment fil-Palazz Buckingham. Mal-membri tal-Familja Rjali, il-President Vella tkellem fost oħrajn dwar ir-rabtiet bejn Malta u l-Familja Rjali.

F’Londra, il-President kellu laqgħa ta’ korteżija ma’ għaxar membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li flimkien mat-truppi mill-pajjiżi tal-Commonwealth kellhom sehem fil-parata li akkumpanjat lir-Re Karlu III u lir-Reġina Camilla.

Skip to content