Il-President ta’ Malta George Vella ppresjeda ċ-ċerimonja tal-investitura tal-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ 2023, li din is-sena ngħatat lis-Sur Charles Casha għall-ħidma tiegħu b’risq il-letteratura Maltija u l-ilsien Malti.
“Il-pinna tas-Sur Casha ddur mal-umanità, mas-sitwazzjonijiet u l-karattri ferm attwali għal żmienna. Imnebbħa mill-osservazzjonijiet dwar il-ħajja ta’ kuljum u għaldaqstant nistgħu nqisuha bħala riflessjoni dwar imġiebet il-bnedmin”, stqarr il-President Vella.
Il-President qal li bħalma s-Sur Casha sawwar il-karattri tal-kitbiet tiegħu mir-realtà li ltaqa’ magħha ta’ kuljum, “ma rridux ninsew kemm sawwar karattri ta’ studenti f’valuri li ma jinbidlux mal-moda jew maż-żmien għaliex għas-Sur Casha, hekk kif għandu jkun, li timxi maż-żminijiet ma jfissirx li tkisser il-valuri tajbin u fundamentali.”
Huwa żied jawgura li l-karattri li fforma bħala edukatur ikomplu jħaddnu l-valuri li tgħallmu mingħandu.
Tul is-snin, il-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ ngħatat, fost l-oħrajn, lill-Professur Oliver Friggieri, Trevor Zahra, Lina Brockdorff, lill-Professur Manwel Mifsud u lill-Professur Albert Borg.




