Il-President George Vella inawgura wirja tal-arti viżiva b’risq The Malta Community Chest Fund fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta, li tippreżenta firxa ta’ xogħlijiet artistiċi minn 40 artist imnebbħa mir-raison d’être tal-Presidenza tiegħu.
Il-wirja qiegħda tittella’ minn art4mccf, kumitat iddedikat fi ħdan The Malta Community Chest Fund li għandu l-għan li jippromwovi s-settur tal-arti viżiva f’Malta u jorganizza attivitajiet kulturali ta’ ġbir ta’ fondi biex jappoġġja lill-MCCF.
Peress li din hija l-aħħar wirja tal-arti taħt il-Presidenza tal-President George Vella, art4mccf ħaseb li jkun xieraq li din tkun relatata mat-tema ewlenija rikorrenti tal-Presidenza u konxjament semmieha ‘Dokra’, nom antik Malti li jfisser ħarsien, viġilanza u protezzjoni.
“Meta ġejt mgħarraf dwar it-tema magħżula, influwenzata mir-rwol tal-Presidenza bħala l-gwardjan tal-kostituzzjoni ta’ Malta, ma stajtx ma nirriflettix dwar kemm dan jinsab f’armonija perfetta mal-impenn ta’ The Malta Community Chest Fund li tgħin lill-individwi fil-bżonn,” qal il-President Vella.
Filwaqt li rringrazzja lill-artisti kollha li qed jipparteċipaw, lill-kuratur tal-wirja, u lill-membri tal-kumitat art4mccf, il-President Vella qal li għalih kien ta’ pjaċir li matul il-Presidenza tiegħu seta’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ, il-preżentazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni tal-arti.
Lawrence Pavia, Chairperson ta’ art4mccf, qal li l-bidla fil-post tal-wirja ma toffrix biss festa viżiva ta’ eċċellenza artistika, iżda wkoll esperjenza immersiva ġewwa l-ambjent storiku tal-Palazz. “Fid-diskors inawgurali tiegħu, fost affarijiet oħra, il-President Vella kien qal li bħala President tar-Repubblika, ir-rwol tiegħu huwa li jħares il-kostituzzjoni ta’ Malta, li jiżgura li ssir ġustizzja soċjali b’mod partikolari ma’ dawk l-aktar vulnerabbli u li jipproteġi u jippromwovi l-ilsien Malti,” qal is-Sur Pavia.
John Huber, Chairperson tal-Bord tal-Amministraturi ta’ The Malta Community Chest Fund, irringrazzja lill-artisti kollha li b’ġenerożità taw ix-xogħlijiet artistiċi tagħhom biex jappoġġjaw dan l-avveniment u jgħinu fil-ġbir ta’ fondi għall-MCCF.
“Aħna grati ferm għall-ġenerożità tagħhom daqskemm napprezzaw it-talent, il-bżulija u l-kreattività tagħhom,” qal is-Sur Huber, filwaqt li ħeġġeġ lid-dilettanti tal-arti jżuru l-wirja u possibbilment jixtru x-xogħlijiet artistiċi esibiti.
Roderick Camilleri, kuratur tal-wirja, qal li x-xogħlijiet artistiċi kkurati bir-reqqa jirriflettu l-kuntest soċjoekoloġiku tagħna, u jipprovdu riflessjoni siekta iżda qawwija dwar l-isfidi nazzjonali u globali.
“It-tema ġenerali hija inkorporata f’viżjoni li tippromwovi l-konservazzjoni. Fid-dinja volatili kontemporanja tagħna ta’ inċertezzi bla tmiem, dan il-kunċett sempliċi ta’ ‘Dokra’ huwa sinifikanti ħafna u mhux sempliċi ‘tifkira’ ta’ kliem oriġinali Malti li qed jintesa minħabba l-bidliet mgħaġġla fis-soċjetà tagħna,” qal is-Sur Camilleri.
Il-pubbliku jista’ jżur il-wirja mingħajr ħlas bejn illum u nhar il-Ħadd 3 ta’ Marzu 2024 bejn il-17:00 u s-19:00. Dħul mill-faċċata tal-ġenb fi Triq it-Teatru l-Antik, il-Belt Valletta.
Il-wirja qiegħda tittella’ bl-għajnuna ta’ APS Bank, The Point, Heritage Malta u M. Demajo Group.
Ritratti: OPR




