George Vella

Il-President George Vella jħeġġeġ lill-istudenti jkomplu l-istudji akkademiċi tagħhom f’setturi relatati mal-ħarsien tal-ambjent

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Intom għandkom sfida quddiemkom li minn qalbi nawgura li tirbħu ħalli jkollkom ħajja aħjar għada pitgħada,” qal il-President George Vella waqt li kien qed jindirizza lill-istudenti tas-sekondarja waqt attività relatata mal-proġett CORALLO dwar l-apprezzament tal-wirt naturali permezz tat-teknoloġija fil-Mużew tal-Istorja Naturali fl-Imdina.

Fid-diskors tiegħu, il-President semma kriżijiet ambjentali bħalma huma t-tibdil fil-klima u t-telfien ta’ bijodiversità. “Il-ġenerazzjoni tagħna, ta’ qabilkom, ser inħallulkom wirt li ma tantx hu sabiħ,” stqarr il-President waqt li semma l-invażjoni tal-plastik fl-ibħra kollha. Il-President irrimarka kif fl-aħħar 300 sena, permezz ta’ industrija u politika mhux sostenibbli, ħloqna emerġenzi ambjentali u sfruttajna l-baħar mingħajr tant ħsieb. Il-problema tal-plastik u l-microplastics hija li qegħdin dejjem aktar jagħmlu ħsara lill-ekosistema. Din hija realtà li jekk mhux ser tiġi indirizzata bis-serjetà, ser tkun tfisser il-kaġun ta’ ħafna mard u inġustizzji għal dawk li diġà qed isofru l-effetti ħżiena tat-tibdil fil-klima, wissa l-President.

Lill-istudenti, il-President qalilhom li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proġett CORALLO hija l-ewwel ħolqa fil-katina tas-sostenibbiltà li esprima t-tama li jkomplu jħaddnu għas-snin li ġejjin. “Fost il-problemi l-kbar, bħalma tafu, hija t-tibdil fil-klima”, żied jgħid il-President, waqt li ħeġġeġ biex aktar żgħażagħ ikomplu l-istudji akkademiċi tagħhom f’setturi relatati mal-ħarsien tal-ambjent.

“Is-soluzzjonijiet għall-problemi li għandna qegħdin fl-istudju tax-xjenzi”, stqarr il-President waqt li rrimarka li r-rata li biha ħa tkompli tiżviluppa x-xjenza hija enormi. Żied jgħid li dan huwa qasam edukattiv li għandu rwol siewi fis-soċjetà daqs kemm huma dawk tas-saħħa, tal-liġi, tas-servizzi finanzjarji u oħrajn li forsi l-aktar li jiġbdu attenzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xogħol.

Il-President faħħar l-użu tat-teknoloġija diġitali fil-Mużew tal-Istorja Naturali u radd ħajr lill-Università ta’ Malta, permezz tal-Professur Alan Deidun, li fasslet u mexxiet il-proġett CORALLO, sa mill-2020, u lill-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (l-ERA) u Heritage Malta, li huma s-sħab l-oħra Maltin fil-proġett.

Skip to content