‘Mill-Palazz’ huwa proġett tal-Uffiċċju tal-President li jikkonsisti f’sensiela ta’ 39 episodju qasir li xxandret fuq TVM bejn Ottubru tal-2020 u Ġunju tal-2021. Din is-sensiela kulturali kienet maħsuba biex, permezz tal-Palazz ta’ Sant’Anton, tqarreb lil-udjenza lejn l-istorja ta’ pajjiżna, tiċċelebra l-identità Maltija, u tixpruna apprezzament dwar din il-binja storika li hija wkoll ir-residenza uffiċjali tal-President ta’ Malta.
Bil-format innovattiv ta’ din il-produzzjoni, huwa l-Palazz ta’ Sant’Anton innifsu li jwassal għand in-nies diversi aspetti tal-kultura Maltija. Il-Palazz jirrakkonta ġrajjietu, ifakkar lil dawk li żaruh, u jperreċ il-wirt kulturali tiegħu. Barra minn hekk, joffri spazju lit-talent mużikali Malti u lil siltiet tal-letteratura Maltija.
Il-mużika hi ppreżentata minn żgħażagħ Maltin li għaddejjin bl-istudji tagħhom barra minn Malta jew li għadhom kemm temmhom. Is-siltiet tal-letteratura Maltija li jinqraw huma taħlita ta’ awturi klassici u oħrajn aktar moderni; l-għażla saret bil-ħsieb li jinqraw siltiet inqas magħrufa jew awturi li forsi ntesew xi ftit maż-żmien.
Dan il-proġett sar bil-għajnuna ta’ istituzzjonijiet bħal l-Akkademja tal-Malti u l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Il-kunċett u l-iskript tal-programm kien f’idejn Dr Sandro Debono, filwaqt li d-direzzjoni tal-produzzjoni u dik artistika kienu xogħol Gordon Bonello.