George Vella

mill-palazz

It-Tieni Staġun ta’ Mill-Palazz għandu jintroduċielna l-Palazz Verdala, mibni mill-Gran Mastru Kardinal Hugh Loubenx de Verdalle fis-snin 1580, madwar 440 sena ilu. Il-Palazz innifsu għandu jeħodna lura fiż-żmien, jaqsam memorji ta’ viżitaturi u vjaġġaturi miż-żminijiet mgħoddija u jiffoka fuq stejjer u aneddoti li jispjegaw l-istorja tal-post miż-żminijiet tal-Ordni ta’ San Ġwann għal żmien l-Ingliżi saż-żminijiet tal-lum. L-istejjer irrakkontati mill-Palazz għandhom jesploraw ukoll il-madwar, b’mod partikolari l-Buskett; ħabitat naturali storiku li xi darba kien post tal-kaċċa għal Gran Mastri suċċessivi.

Mill-Palazz għandu jiċċelebra l-identità kulturali ta’ Malta b’modi varjati. Is-siltiet mil-letteratura Maltija, ispirati l-iktar mill-ambjent naturali, għandhom jinqraw minn mistednin speċjali, inklużi l-awturi stess. Ser jingħata spazju wkoll lill-għana tradizzjonali Malti. Tradizzjonalment, l-għana kellu rwol prominenti fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Imnarja li kienu jsiru viċin, il-Buskett, fil-festa tal-Appostli San Pietru u San Pawl. F’dan il-programm ser ikun hemm għana ispirat mill-kontenut tal-Palazz Verdala.

Dan il-proġett medjatiku biex jilħaq lin-nies huwa mmexxi mill-Uffiċċju tal-President f’kollaborazzjoni mal-istazzjon tat-televiżjoni nazzjonali. Dan huwa wieħed mill-ħafna proġetti kulturali u programmi biex jintlaħqu n-nies li qed jiġu organizzati minn żmien għal żmien mill-Uffiċċju tal-President li jirriflettu wkoll l-impenn tal-President George Vella li jrawwem iktar għarfien, fehim u apprezzament tal-kultura u l-istorja Maltija.

L-attriċi Maltija Antonella Axisa hija l-vuċi tal-Palazz Verdala. Chantal Fenech fi ħdan il-PBS hija l-produttriċi.

Bil-format innovattiv ta’ din il-produzzjoni, huwa l-Palazz tal-Verdala innifsu li jwassal għand in-nies diversi aspetti tal-kultura Maltija. Il-Palazz jirrakkonta ġrajjietu, ifakkar lil dawk li żaruh, u jperreċ il-wirt kulturali tiegħu. Barra minn hekk, joffri spazju lit-talent mużikali Malti u lil siltiet tal-letteratura Maltija.

Il-mużika hi ppreżentata minn żgħażagħ Maltin li għaddejjin bl-istudji tagħhom barra minn Malta jew li għadhom kemm temmhom. Is-siltiet tal-letteratura Maltija li jinqraw huma taħlita ta’ awturi klassici u oħrajn aktar moderni; l-għażla saret bil-ħsieb li jinqraw siltiet inqas magħrufa jew awturi li forsi ntesew xi ftit maż-żmien.

Dan il-proġett sar bil-għajnuna ta’ istituzzjonijiet bħal l-Akkademja tal-Malti u l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali. Il-kunċett u l-iskript tal-programm kien f’idejn Dr Sandro Debono, filwaqt li d-direzzjoni tal-produzzjoni u dik artistika kienu xogħol Gordon Bonello.

Skip to content