George Vella

MILL PALAZZ

It-tielet staġun tal-programm popolari Mill-Palazz għandu jintroduċilna l-Palazz tal-Belt jew, kif inhu magħruf ukoll, il-Palazz tal-President. Permezz tal-istorja u r-rakkont li jtarrfilna l-Palazz stess, għat-tielet sena konsekuttiva l-programm Mill-Palazz ser jerġa’ jeħodna lura fiż-żmien, jaqsam memorji ta’ viżitaturi u vjaġġaturi miż-żminijiet mgħoddija u jiffoka fuq stejjer u aneddoti li jispjegaw l-istorja tal-post miż-żminijiet tal-Ordni ta’ San Ġwann għal żmien l-Ingliżi saż-żminijiet tal-lum. Dan ir-rakkont ser iħares ukoll lejn il-ġrajjiet li seħħew fil-pjazez u t-toroq tal-madwar.

Bil-format innovattiv ta’ din il-produzzjoni, huwa l-Palazz innifsu li jwassal għand in-nies l-istorja tiegħu. Il-Palazz jirrakkonta ġrajjietu, ifakkar lil dawk li żaruh, u jperreċ il-wirt kulturali tiegħu.

Dan il-proġett medjatiku hu maħsub biex jilħaq firxa wiesgħa ta’ nies, b’użu ta’ lingwaġġ informali u rakkonti qosra għalkemm informattivi u riċerkati fil-fond. Mill-Palazz huwa wieħed mill-ħafna proġetti kulturali u programmi biex jintlaħqu n-nies li qed jiġu organizzati minn żmien għal żmien mill-Uffiċċju tal-President, li jirriflettu wkoll l-impenn tal-President George Vella li jrawwem iktar għarfien, fehim u apprezzament tal-kultura u l-istorja Maltija. L-attur Malti Ray Calleja hu l-vuċi tal-Palazz tal-Belt.

It-tielet staġun ta’ Mill-Palazz huwa mmexxi mill-Uffiċċju tal-President f’kollaborazzjoni mal-istazzjon tat-televiżjoni nazzjonali. Qiegħed ukoll jittella’ bl-għajnuna ta’ Heritage Malta, il-Bibljoteka Nazzjonali u entitajiet oħra. Il-kunċett u l-iskript tal-programm kienu f’idejn Dr Sandro Debono, filwaqt li d-direzzjoni tal-produzzjoni u dik artistika huma xogħol Chantal Fenech mill-istazzjon nazzjonali PBS.

Skip to content