Minn Gran Mastri għal Presidenti tar-Repubblika
Il-Palazz tal-Belt Valletta huwa s-sede uffiċjali tal-President tar-Repubblika ta’ Malta. Dan jinsab fiċ-ċentru tal-belt kapitali, il-Belt Valletta, u kien is-sede tal-awtorità f’Malta sa minn żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. Dak iż-żmien kien magħruf bħala l-Palazz Maġisterjali, u iktar tard ingħata l-isem Palais National fi żmien il-Franċiżi (1798-1800), u wara sar magħruf bħala l-Palazz tal-Gvernatur fi żmien l-Ingliżi (1800-1964).
Il-Palazz tal-Belt huwa eżempju ċar tal-arkitettura bi stil Taljan b’żewġt ibtieħi fin-nofs f’binja simetrika fil-forma ta’ żewġ kaxxi. L-aċċess għaż-żewġt ibtieħi huwa minn żewġ bibien imponenti mal-faċċata prinċipali u minn aċċess għall-binja mit-toroq kollha tal-madwar.
Is-sit kien fost l-ewwel li nbena fil-belt il-ġdida Valletta wara li tpoġġiet l-ewwel ġebla f’Marzu tal-1566. Bini preċedenti f’dan is-sit, li nbena madwar l-1569 mill-Kavallier ta’ Malta Eustachio del Monte, kien jintuża temporanjament minn zijuh, il-Gran Mastru Pietro del Monte (1568-1572) bħala Palazz Maġisterjali wara li l-amministrazzjoni tal-Ordni ġiet ittrasferita mill-Birgu għall-belt il-ġdida Valletta fl-1571. L-ewwel Berġa tal-Lingwa tal-Italja nbniet ukoll ma’ din il-binja u fl-istess blokka madwar l-1571. Madwar l-1574, il-Gran Mastru Jean L’Evesque de La Cassière (1572-1581) reġa’ fassal u mmudella dawn iż-żewġ binjiet u għaqqadhom biex saru l-Palazz Maġisterjali.
Is-sala tat-Tron, oriġinarjament magħrufa bħala s-Sala tal-Kunsill Suprem, u t-taraġ spirali prinċipali jmorru lura għall-istruttura oriġinali tal-palazz mibnija minn La Cassière. Din hija s-sala prinċipali tal-Palazz li sussegwentement ingħatat l-isem is-Sala ta’ San Mikiel u San Ġorġ fil-bidu ta’ żmien l-Ingliżi. Il-karatteristika ewlenija ta’ din is-sala hija ċ-ċiklu narrattiv tal-Assedju l-Kbir ta’ Malta (1565) impinġi mill-artist Taljan Matteo Pérez da Lecce (1547-1628) li iktar tard ħadem f’Sevilla (Spanja) u Lima (il-Viċirenju Spanjol fil-Perù).
Il-Palazz inbena fi stadji matul iż-żmien, b’kull Gran Mastru jżid is-swali u l-appartamenti skont il-bżonn. Il-Gran Mastru Hugues Loubenx de Verdalle (1582-1595) bena l-appartamenti tas-sajf tul il-parti tal-binja li tħares lejn il-Lvant. L-Armerija tal-Palazz, li iktar tard saret is-sede tal-Parlament Malti, inbniet mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt (1601-1622) fl-1604 u kienet ikkunsidrata bħala waħda mill-iktar armeriji mgħammra fl-Ewropa kollha. Fis-snin 1740, il-Gran Mastru Manuel Pinto da Fonseca (1741-1773) għamel bidliet estensivi fil-binja u taha l-konfigurazzjoni attwali tagħha. Ir-rinnovazzjonijiet ta’ Pinto kienu jinkludu l-bini ta’ torri tal-arloġġ f’waħda mill-btieħi magħruf bħala l-arloġġ tal-Mori.
Il-Palazz huwa repożitorju rikk ta’ opri tal-arti li ħafna minnhom imorru lura għal żmien l-Ordni ta’ San Ġwann. Pitturi tal-monarki renjanti, ippreżentati bħala rigali diplomatiċi, jikkumplimentaw kollezzjoni tal-pitturi tal-Gran Mastri li jinsabu fil-kurituri u s-swali prinċipali. Mingħajr dubju, jispikka l-iktar is-sett ta’ tapizzerija magħruf bħala Les Teintures des Indes ikkummissjonat mill-Gran Mastru Ramón de Perellós y Rocafull (1697-1720) lil Manufacture des Gobelins għas-Sala tal-Kunsill Superjuri u ppreżentat fl-1710. L-iskemi dekorattivi tal-kurituri prinċipali li jgħaqqdu flimkien id-diversi kmamar u swali kienu mżejna b’affreski mill-pittur minn Siena, Nicolau Nasoni (1691-1773), fl-1724, matul il-maġistratura ta’ António Manuel de Vilhena (1722-1736).
Il-Palazz kien is-sede tal-parlamenti suċċessivi ta’ Malta mill-ewwel Parlament Kostituzzjonali fl-1921 għal-leġiżlaturi attwali sal-2015, meta l-Kamra tad-Deputati ġiet rilokata għall-Parlament li nbena apposta fid-daħla tal-Belt Valletta.
Is-Swali Statali tal-Palazz u l-Armerija tal-Palazz huma miftuħa għall-pubbliku. L-aċċess huwa f’idejn Heritage Malta. Bħalissa għaddejjin xogħlijiet kbar ta’ restawr fuq il-binja u l-kontenut tagħha. Dawn għandhom jitlestew fix-xhur li ġejjin.