George Vella

Il-lingwa u l-koeżjoni soċjali

Kit Azzopardi

Sena ilu, il-President ta’ Malta waqqaf għadd ta’ inizjattivi għall-għaqda nazzjonali, fosthom il-Konferenza dwar l-Istat tan-Nazzjon u l-Fondazzjoni għall-Għaqda Nazzjonali. Il-lingwa wkoll tista’ tkun għodda ewlenija għall-għaqda jew il-koeżjoni nazzjonali, jiġifieri għal relazzjonijiet aktar b’saħħithom u għas-solidarjetà fil-komunità.

Maltin u barranin

L-istorja ta’ pajjiżna hija kkaratterizzata minn tlaqqigħ bejn kulturi differenti; minkejja l-ksib tal-Indipendenza, l-istat ta’ Repubblika, u l-Ħelsien, il-qagħda ġeografika tagħna tfisser li pajjiżna se jibqa’ miftuħ għall-istess kurrenti li għamluna dak li aħna. Illum, din ir-realtà narawha fl-għadd kbir ta’ immigranti (expats u refuġjati inklużi) u fil-ħaddiema barranin.

Din hija realtà li ma nistgħux naħarbuha, anke jekk l-immaniġjar fqir tagħha jfisser li se jinħolqu tensjonijiet bejn dak li kien u dak li hu, bejn l-aspettattivi tal-komunità lokali u bi storja, u l-komunità l-ġdida, bi storja li għadha tibda. F’dan il-kuntest, il-lingwa tista’ sservi ta’ għodda sabiex niksbu aktar koeżjoni; wara kollox, ħafna mit-tensjonijiet iqumu frott in-nuqqas ta’ ftehim, għax il-Maltin u l-barranin ma jitkellmux l-istess lingwa, litteralment.

Għalhekk, it-tagħlim strutturat tal-Malti lill-barranin, idealment b’inkoraġġiment u mhux bi sforz, jista’ jservi ta’ għodda għall-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali. L-istess jista’ jingħad għall-apprezzament tal-ilsna barranin f’pajjiżna. F’dan is-sens, il-lingwa hija l-aqwa passaport sabiex il-barrani jsir ta’ ġewwa, sabiex il-Maltin u l-barranin ma jaqgħux f’muta skomda fl-inkontri tagħhom ta’ kuljum.

Inklużjonijiet oħra

Il-lingwa mhix għodda ta’ inklużjoni fil-kuntest tal-Maltin u l-barranin biss; hemm bosta Maltin stess li b’politika lingwistika għaqlija jistgħu jiġu integrati aħjar fis-soċjetà tagħna. Qed nirreferi primarjament għal persuni b’diżabbiltajiet, bħal dawk minna li huma nieqsa mis-smigħ jew mid-dawl, jew li għandhom kundizzjonijiet bħad-diżlessja u l-awtiżmu.

Ħafna minna mhumiex konxji li l-Lingwa tas-Sinjali Maltija hija wkoll lingwa uffiċjali, flimkien mal-Malti u l-Ingliż. Dan in-nuqqas jidher f’aspetti aktar prattiċi, ngħidu aħna fin-nuqqas ta’ interpreti u sottotitli f’bosta programmi, u fin-nuqqas ta’ fondi u ta’ strateġiji meħtieġa biex tinħoloq kuxjenza usa’ dwar it-tielet lingwa uffiċjali tagħna.

L-istess jista’ jingħad għal min hu nieqes mid-dawl; nissuspetta li hawnhekk, il-problema hija aktar akuta. Mhux il-persuni kollha nieqsa mid-dawl jinqdew tajjeb bil-kotba awdjo; xi wħud jippreferu l-mess mis-smigħ, jiġifieri l-Braille. Fejn jidħol il-Malti, in-nuqqas qiegħed fit-tnejn: kemm fil-kotba awdjo, imma aktar u aktar fil-kotba bil-Braille.

Xi soluzzjonijiet faċli jiġu implimentati; ngħidu aħna b’sensittività akbar għat-tipi u l-karti użati fl-istampar, nistgħu niżguraw li l-lingwa sservi ta’ pont, ta’ għodda ta’ integrazzjoni u inklużjoni għal Maltin li bosta drabi qed jisfaw esklużi mis-soċjetà tagħna. Soluzzjonijiet oħra, imbagħad, jeħtieġu rieda politika akbar, imma huwa daqstant ieħor importanti li nimplimentawhom.

L-għaqda nazzjonali

Hemm diskors ieħor importanti xi jsir dwar il-lingwa u l-koeżjoni soċjali. Il-firdiet il-kbar ta’ bejnietna nistgħu narawhom fid-dawl u d-daqs veru tagħhom billi nixħtu l-attenzjoni tagħna fuq it-tħaddim tal-lingwi.

Il-lingwa hija wkoll pont ewlieni bejn diversi servizzi soċjali u l-klijenti tagħhom, bejn min jimmilita għall-ġustizzja soċjali u min hu vittma tal-inġustizzja, u bejn il-partiti u fazzjonijiet oħra tas-soċjetà. Min jeħtieġ il-kura, jeħtieġ li jħossu komdu jitlobha, u għaldaqstant nagħmlu sew li noffruha bil-lingwa tiegħu. Dan jista’ jingħad ukoll għal min saret inġustizzja miegħu, u għal dawk li, frott użu fqir tal-lingwa, qed iħaddnu politika ta’ esklużjoni.

Din l-attenzjoni trid tingħata b’mod partikulari lid-diskors politiku tagħna, hux tal-mexxejja mill-fora esklużivi tagħhom, jew hux fuq is-siti soċjali. Il-qari bir-reqqa u l-kitba bi preċiżjoni u b’rispett huma żewġ għodod lingwistiċi importanti ħafna biex nitkellmu lingwa waħda u niftiehmu aktar bejnietna.

Speċi ta’ konklużjoni

Jekk irridu l-għaqda nazzjonali u l-koeżjoni soċjali, irridu nibdew billi nitkellmu lingwa waħda, mhux biss metaforikament imma wkoll litteralment. Dan għandu jkun l-ewwel pass, u l-punt tat-tluq għandu jkun il-Malti – il-lingwa li tesprimi l-aħjar ir-ritmi, is-sentimenti, u l-ambjenti ta’ madwarna. It-tieni pass jixbhu, jiġifieri li għandna nibdew nitkellmu l-lingwa ta’ xulxin u nimxu lejn soċjetà tassew bilingwi, saħansitra multilingwi.

Kit Azzopardi huwa kittieb u lettur tal-Malti. Dan l-artiklu hu parti mill-kampanja ‘l-ilsien Malti għal qalbi’ mtellgħa mill-Uffiċċju tal-President u l-għaqdiet tal-Malti.

Skip to content