Il-Kummissarju Għoli tal-Commonwealth tal-Awstralja, Matthew Skelly, ippreżenta l-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu lill-President George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Il-President Vella ddeskriva r-relazzjonijiet bħala tradizzjonalment eżemplari minkejja d-distanzi, u żied jgħid li l-kuntatti komplew jissaħħu permezz tal-kontribut mogħti lill-Awstralja mill-komunità Maltija hemmhekk. Tul is-snin, il-kooperazzjoni ma kinitx limitata għal-livell bilaterali biss, bis-saħħa tal-mudell sod ta’ kollaborazzjoni li żviluppa fil-livell multilaterali permezz tan-Nazzjonijiet Magħquda u l-Commonwealth. Barra minn hekk, Malta tappoġġa relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea b’mod speċjali fil-promozzjoni ta’ valuri komuni madwar id-dinja.
Il-President Vella rrefera għaż-żjara tiegħu li jmiss fl-Awstralja bejn it-13 u t-22 ta’ Ottubru fejn, fost l-oħrajn, ser jiltaqa’ mal-Gvernatur Ġenerali, il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Gvernaturi tal-Istat. Il-President ser jiltaqa’ wkoll mal-komunitajiet Maltin f’Melbourne, Adelaide, Canberra u Sydney.
Il-Kummissarju Għoli Skelly enfasizza s-sodisfazzjon tal-awtoritajiet Awstraljani li fil-ġimgħat li ġejjin ser jilqgħu lill-President Vella. Żied jgħid li r-relazzjonijiet ma’ Malta kienu eċċellenti fl-oqsma kollha. Huwa identifika r-rabtiet permezz tal-komunità Maltija u l-appoġġ għal sistema multilaterali li tiddefendi ordni bbażat fuq ir-regoli bħala żewġ fatturi prinċipali li jkomplu jsawru dawn ir-relazzjonijiet. Il-Kummissarju Għoli ta ħarsa ġenerali lejn ir-relazzjonijiet tal-Awstralja mal-pajjiżi ġirien, il-viżjoni tagħha għar-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku u l-impenn tagħha li tindirizza l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.
Ritratti (OPR)
Filmat: https://we.tl/t-MG8y9NYQBa



