L-ambjent huwa essenzjali għas-saħħa fiżika u mentali tan-nies. Il-ħarsien tal-ambjent mhux kapriċċ, imma dover.
Stqarr dan il-President ta’ Malta George Vella waqt li attenda għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-Green Flag Award li matulha 43 skola ngħataw rikonoxximent talli introduċew prattiki sostenibbli fl-iskejjel tagħhom.
Il-Kulleġġ ta’ St Martin u St Thomas More kif ukoll l-iskola primarja ta’ Marsaxlokk ingħataw dan il-premju prestiġjuż għall-ewwel darba. Dan filwaqt li l-iskola ta’ St Joseph, Blata l-Bajda, u l-iskola ta’ St Joseph Mater Boni Consilii ta’ Raħal Ġdid irċevew dan il-premju għad-disa’ sena konsekuttiva.
Il-President fisser kif il-Premju Green Flag huwa ċertifikat prestiġjuż li jixhed l-isforz tal-iskejjel biex irawmu stil ta’ ħajja sostenibbli fost l-istudenti. Huwa aċċenna għal kemm dan huwa premju magħruf globalment, u kif huwa mibni fuq livelli ta’ kwalità internazzjonali. Qal li dan ifisser li l-istudenti qed jagħmlu parti minn programm prestiġjuż u b’saħħtu li jinkludi mal-20 miljun student minn madwar 59,000 skola mqassma ma’ 74 pajjiż differenti.
Il-President żied iħeġġeġ lill-istudenti biex ikomplu jkunu ambaxxaturi żgħar favur il-ħarsien tal-ambjent. Huwa temm jifraħ lil dawk l-istudenti kollha li bi sforz u ħidma kollettiva eżemplari, l-iskola tagħhom issa akkwistat il-Premju Green Flag u rringrazzjahom ukoll għaliex bl-eżempju u l-ħidma tagħhom mhux ser tibbenefika minnhom biss l-iskola tagħhom, imma wkoll il-pajjiż kollu.



