George Vella

Ħames maġistrati ġodda jieħdu l-ġurament tal-ħatra

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

Dott. Antoine Agius Bonnici, Dott. Philip Galea Farrugia, Dott. Jean Paul Grech, Dott. Anne Marie Thake u Dott. Nadia Helena Vella ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala maġistrati fil-Qrati Inferjuri ta’ Malta waqt ċerimonja li tmexxiet mill-President ta’ Malta George Vella fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt.

Il-President Vella fakkar lill-ħames maġistrati ġodda li qed jieħdu pass ieħor ’il quddiem biex ikompli jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt f’pajjiżna. “Bil-ħidma tagħkom, Sinjuri Maġistrati, ser ikunu qed jissaħħu b’mod tanġibbli r-riżorsi fil-Qrati ta’ Malta u fuq kollox ser ikomplu jissudaw il-kredenzjali ta’ pajjiżna fil-qasam fundamentali tal-governanza tajba,” qal il-President Vella.

Matul id-diskors tiegħu, il-President qal li b’din iċ-ċerimonja qegħdin ukoll insaħħu l-pedamenti tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, li hija l-ogħla garanzija ta’ ġustizzja għal kull wieħed u waħda miċ-ċittadini u dawk kollha li joqogħdu f’pajjiżna. Mil-lum ’il quddiem, qal il-President, pajjiżna ser ikun qed ipoġġi fuq spallejn il-maġistrati ġodda responsabilità akbar minn dik li ġarrew s’issa fil-professjoni tagħhom. Qal lill-maġistrati ġodda li ser tkun qed tintalab minnhom ħidma iebsa u delikata biex ikunu ta’ ħarsien u garanzija tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwu, bla eċċezzjoni.

Il-President Vella saħaq fuq punt importanti li jorbot il-ġustizzja mal-ugwaljanza fis-soċjetà; ugwaljanza bejn il-ġeneri; ugwaljanza għal min hu żvantaġġat jew f’qagħda ta’ vulnerabilità; u ugwaljanza għal min hu barrani fostna. Żied jispjega li ugwaljanza bla diskriminazzjoni tfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda twemmin, razza, kulur, wiċċ jew preferenza, li jista’ jinfluwenza deċiżjonijiet jew sentenzi tagħhom. “Nitlobkom iżżommu f’moħħkom li kull min ifittex il-ħaqq, jistenna dan mingħajr dewmien żejjed,” qal il-President waqt li fakkarhom li dan huwa servizz lill-komunità li minbarra li tistenna l-ħaqq, tistenna li tiġi moqdija mill-aktar fis possibbli jew għall-inqas fi żmien raġonevoli.

Waqt li appella lill-maġistrati ġodda biex l-imġiba tagħhom tkun dejjem ta’ eżempju ta’ korrettezza u integrità, il-President ħeġġiġhom biex dawn il-valuri jmexxu l-għemil tagħhom kemm ġewwa l-Qrati, kif ukoll bħala membri tal-komunità fil-ħajja privata tagħhom.

Għaċ-ċerimonja tal-ħatra kienu preżenti l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Avukat tal-Istat Chris Soler.

Skip to content