L-ewwel nett bonġu lil kulħadd. Jiddispjaċini min qiegħed fix-xemx hemm wara, naħseb illi qed jagħmel daqsxejn sunbathing f’Novembru f’Malta.
Rispettabbli Sindku,
Għażiż Arċisqof,
Membri Parlamentari,
Kunsilliera,
Qegħdin hawn dalgħodu għal ċerimonja li titkellem waħedha. Ċerimonja li turi li fejn hemm ir-rieda u fejn hemm l-għaqda, l-affarijiet isiru.
Jien niftakar, kien fl-ewwel ġranet kważi meta sirt President, illi kienu avviċinawni tal-Għaqda tal-Ferrovija, qaluli bil-ħolm tagħhom u qaluli x’qegħdin jagħmlu, u ovvjament ma tistax ma tkunx favur u tinkoraġġixxi nies illi qed jagħmlu xi ħaġa tant pożittiva għall-bniedem.
Infatti qegħdin hawn, apparti x-xemx li qegħdin nieħdu gost biha għalkemm barra minn żmienha, f’din il-ħdura li tagħtina ċans ħalli anki l-moħħ jistrieħ meta naraw dawn is-siġar kollha ta’ madwarna. Hija xi ħaġa illi tħeġġiġni nkompli nimbotta lil min ikun qiegħed jagħmel dan kollu minn area bħal din li tinżamm fl-istat li hi llum.
Jiena ma rridx intawwal, irrid ngħid biss illi biex l-organizzazzjoni waslet s’hawn, apparti, bħalma qal il-President, nirringrazzja lil kull min kien involut, nibda mis-Sindku, il-Kunsilliera u kulħadd, wieħed irid japprezza illi wara dan kien hemm snin ta’ ħidma. L-affarijiet ma jsirux waħedhom, l-affarijiet iridu jsiru bil-għaqal, iridu jsiru bil-mod, u jrid ikun hemm xi ħadd li jmidd ruħu biex jibda jagħmel ix-xogħol.
U f’dan il-każ kien hemm ħafna iktar minn faċċata waħda. Kien hemm il-bżonn tar-riċerka, kien hemm il-bżonn li wieħed ifittex l-affarijiet u jkun jaf il-fatti bis-serjetà għaliex b’hekk ikun kredibbli, u kien hemm ukoll ix-xogħol biex jipprova jiġi ppreservat dak kollu li kellu x’jaqsam ma’ dan l-episodju tal-istorja ta’ pajjiżna.
Fuq kollox irid ikun hemm ukoll, barra d-dedikazzjoni u r-riċerka, irid ikun hemm id-determinazzjoni, li dak li jkun ma jaqtax qalbu, għaliex m’għandix dubju illi bħal kull ħaġa oħra hemm dawk li ngħidulhom “ups and downs”, filli jkollok min jimbuttak, filli jkollok min ifixklek, filli ssib problema u filli ssib oħra. Però fl-aħħar mill-aħħar jiena naħseb illi llum kulħadd, min kien involut, huwa kuntent u huwa kburi, biex ngħid hekk, illi qed jagħti kontribut għall-għarfien tal-istorja ta’ pajjiżna.
Jiena meta niltaqa’ barra ma’ ħafna min-nies, jgħiduli ‘What is Malta?’ Ngħidilhom “Malta is history”, għaliex jekk tneħħi l-istorja minn pajjiżna, Malta ma jibqgħalha xejn. U dan huwa wkoll parti mill-istorja, kif intqal diġà, tat-trasport ta’ pajjiżna. Trasport illi ma damx sena jew tnejn, jiġifieri kien hemm żmien twil illi kien qiegħed jiġi użat. Imbagħad, bħalma ntqal diġà, ovvjament, bħalma jagħmel dejjem il-progress, il-musmar il-ġdid dejjem jaqla’ l-musmar il-qadim. U mbagħad Malta kien hemm it-tramm u l-karozzi.
Però interessanti li dak iż-żmien, dak il-mezz tant kien qiegħed jagħti sodisfazzjon illi Lord Strickland stess kien diġà qed jikkontempla linja oħra bejn il-Port il-Kbir u l-port ta’ Marsaxlokk u kien qed jaraha mhux bħala linja għall-pubbliku imma linja għat-trasport tal-merkanzija. Kien diġà qed jara kemm kellu potenzjal il-port ta’ Marsaxlokk u kellu ppjanat f’moħħu linja ferrovjarja minn Marsaxlokk, li ma saritx ovvjament.
Jiena nemmen illi dan ix-xogħol li għamiltu u li qed jagħti l-frott, ħa jkun ta’ attrazzjoni sabiħa ħafna għat-turisti, però t-turisti għandhom linji tal-ferrovija kemm iridu barra minn pajjiżna, imma dawn huma l-affarijiet iż-żgħar illi jfittxu biex jaraw f’pajjiżi differenti. U rrid ngħid imbagħad ukoll, iktar minn hekk, irridu nagħmluh għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
U hawnhekk irrid nagħmel rimarka żgħira; jiddispjaċini nara illi ma tantx aħna infurmati speċjalment, u ngħidu b’dispjaċir u ngħidu anki b’responsabbiltà, iż-żgħażagħ tagħna ħafna drabi qegħdin jinsew ħafna mill-istorja anki riċenti ta’ pajjiżna. U dan huwa xi ħaġa li jġibli swied ta’ qalb għaliex jekk ma tibnix fuq l-istorja u ma tibnix fuq dak li għadda, kif se tfassal il-futur li ġej?
U għalhekk jiena nemmen illi postijiet bħal dawn għandhom ikunu postijiet fejn anki jiġu frekwentati mit-tfal tal-iskejjel, li jkunu parti minn programm ta’ edukazzjoni illi joħduhom jaraw postijiet bħal dawn, għaliex b’hekk biss tasal biex tibda ddaħħal f’moħħ it-tfal tagħna dawn l-ideat li mbagħad ovvjament jikbru magħhom u forsi, għaliex le, uħud minnhom anki jiddeċiedu li jagħmlu iktar riċerka fuq dawn l-affarijiet.
Din hija l-istorja tagħna. Dan l-aspett huwa storja soċjali, storja tat-trasport tagħna. Min jaf kemm hemm aneddoti illi jistgħu jsiru, u jiena nħeġġeġ illi l-Kumitat, ovvjament mhux se jgħid: “Issa wasalna u daqshekk”, jiena nħeġġu biex anki jipprovaw jaraw kif jagħmlu u jsibu mezz biex ikun hemm iktar riċerka fl-arkivji li għandna ma jispiċċaw qatt ġewwa pajjiżna, fl-Atti Nutarili li hemm minnhom li għadhom mhumiex studjati, fil-kotba li hemm ġewwa l-Librerija Nazzjonali, kif għamilna aħna fuq il-Palazz ta’ Sant’Anton. Illi għall-bidu ngħidu: “Okay Sant’Anton”, imma qabbadna min jagħmel ir-riċerka u l-ammont ta’ informazzjoni li ħriġna, l-ammont ta’ informazzjoni li sibna, hija xi ħaġa illi tkompli tkabbar l-apprezzament lejn postijiet bħal dawn.
Jiena nagħlaq hawnhekk. Nirringrazzjakom mill-ġdid kollha tax-xogħol li għamiltu. Nawguralkom illi l-proġett li għamiltu jibda jagħtikom sodisfazzjon għaliex taraw barranin u Maltin jiġu jarawh, però mbagħad b’dan noħorġu wkoll l-aħħar ħsieb li nixtieq li nagħmel; wasal u ilu li għadda ż-żmien illi pajjiżna jkollu mużew tal-istorja tal-poplu tiegħu stess. F’ħafna pajjiżi barra minn Malta għandek l-istorja tal-pajjiż, għandna mużewijiet tal-arkeoloġija, mużewijiet tal-pittura, però mużew tal-istorja tal-poplu Malti jiena nemmen illi għadu jrid isir u nixtieq li narah isir mhux fil-futur ’il bogħod.
Nirringrazzjakom u prosit lil kulħadd.