George Vella

Speech by His Excellency George Vella, President of Malta, during the graduation ceremony at the San Blas Therapeutic Community, Caritas, Żebbuġ, 23rd June 2023, (Speech in MT)

Eċċellenza Monsinjur Isqof Awżiljarju,

Monsinjur Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija,

Sur Anthony Gatt, Direttur Caritas,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Nirringrazzja lill-Caritas li għal sena oħra għoġobha tistedinni għal din il-lejla ta’ ċelebrazzjoni.  Irrid nibda billi nifraħ lill-gradwati kollha.

Prosit lilkom ilkoll.

Erbatax huwa numru sabiħ ħafna.  Però kif insistejtu intom stess, m’intomx sempliċiment numru.  

Intom, erbatax-il storja differenti.  F’kull waħda jispikka s-suċċess, il-kuraġġ u it-tama. 

Ir-reżiljenza u l-mod kif irnexxielkom titbiddlu f’dawn l-aħħar sena u nofs kienet ta’ min jammiraha.  Bħalma kien xejn anqas ta’ min jammirah il-pass li wassalkom biex tieħdu l-ewwel deċiżjoni li tibdew tieħdu l-kura f’wieħed miċ-ċentri speċjalizzati tal-Caritas.

Il-ħajja ta’ kulħadd hija mimlija sfidi.

Fiha t-tlugħ u l-inżul li jesperjenza kulħadd lil hinn minn klassi, razza jew livell ta’ edukazzjoni.  Kull individwu f’ħin jew ieħor ifittex il-wens li jista’ jservih ta’ kenn mill-inkwiet u d-dwejjaq li jkunu qegħdin itaqqluh.  L-użu ta’ sustanzi li jwasslu għal dipendenza huwa eżempju ta’ kif uħud jaħsbu li se jsibu l-wens. 

Nitlob lil kulħadd min qiegħed hawn, u dawk li mhux magħna, biex meta niltaqgħu ma’ individwi li għandhom dipendenzi, niftakru li l-ewwel u qabel kollox dawn huma nies bħalna u li esperjenzaw jew li għadhom għaddejjin minn problemi kbar. 

L-ewwel u qabel kollox, ma’ dawn ħutna rridu nuru empatija u mogħdrija, u nevitaw kliem ta’ disprezz, kliem li jbaxxi jew iweġġa’ u li ma jġibx ġieħ lid-dinjità tal-bniedem.  Minflok, jekk niskopru individwi b’dawn il-problemi, inħeġġu u nirreferu lil dawn l-individwi għal kura.  Meta nneħħu l-istigma li sfortunatament għadha magħna, inkunu qed niżguraw li min ibati mid-dipendenza jħossu apprezzat u mifhum, mhux immaqdar jew insultat, u b’hekk jgħinu jegħleb l-isfidi li l-programm ta’ diżintossikazzjoni jġib miegħu.  Dan huwa element importanti ħafna u kruċjali biex iwassal lil kull individwu jtemm il-programm b’suċċess.

Hawnhekk irrid insellem minn qalbi lill-ħaddiema kollha taċ-ċentri tal-Caritas.  Intom iċ-ċavetta tas-suċċess għar-residenti kollha.  Intom dawk li toffru l-vera wens lil min hu dipendenti u jirrikorri għall-għajnuna tagħkom.  Intom tgħallmu kif wieħed għandu jistruttura ħajtu u trawmu wkoll sens ta’ dixxiplina li jgħin fil-bidla u d-determinazzjoni li kull individwu għandu bżonn u jeħtieġ sabiex jgħix ħajja ’l bogħod mis-sustanzi. 

Intom tagħtu wkoll tama li fejn teżisti x-xewqa u d-determinazzjoni li tispiċċa l-kura, wieħed jista’ verament ifiq.  Dawn huma kollha għodda li wieħed ikollu bżonn sabiex imur lura fis-soċjetà b’saħħtu biżżejjed fiżikament u mentalment biex jegħleb kwalunkwe ċirkostanza li l-ħajja ġġib u tlaqqgħu magħha.

Il-Caritas tiżgura li dan iseħħ ukoll billi taċċerta li kull persuna li tattendi l-programm tiġi ppreparata biex tirritorna lura fil-qasam tax-xogħol meta jasal iż-żmien.  Dan huwa element importanti ħafna għal integrazzjoni sħiħa fis-soċjetà sa minn qabel ma jitlesta l-programm kollu.  Meta persuna jkollha xogħol, tingħatalha lura d-dinjità, ikollha skop, u ssir finanzjarjament indipendenti filwaqt li terġa’ tibda tintegra ruħha bil-mod wara xhur sħaħ ’il bogħod minn kulħadd.

Fuq dan il-punt irrid insemmi r-rwol siewi tad-Dar Charles Miceli li issa ilha miftuħa u tiffunzjona għal dawn l-aħħar ħames snin.  Din id-Dar, li hija semiresidenzjali, tipprovdi sistema ta’ ‘after care’ fejn kull individwu li jkun wasal biex ilesti l-programm, jew ikun lesta diġà, jibqa’ jiġi segwit biex ma jerġax jaqa’ fid-dipendenza. 

Kulħadd jaf kemm hu delikat iż-żmien meta r-residenti jagħmlu t-taqliba bejn it-tmiem tal-programm u ż-żmien li fih jirritornaw lura fis-soċjetà. Ħafna drabi dak li jkun abbli jħossu vulnerabbli u xi ftit beżgħan.  Id-Dar Charles Miceli tipprovdi wens erbgħa u għoxrin siegħa kuljum lil dawk kollha li jkunu qed jiddubitaw minnhom infushom.  “Il-Każin Pożittiv”, hekk kif inhi mlaqqma minn dawk li jagħmlu użu minn din id-dar, iservi ta’ spalla u widna u jżomm lil kull min ifittex is-servizzi tiegħu fit-triq it-tajba. 

Mill-ġdid insellem lid-dedikazzjoni totali tal-ħaddiema kollha ta’ din id-dar.  Fi ħdan il-Caritas, u l-fergħat tagħha, intom tivvalorizzaw lill-individwu, u dan hu l-isbaħ rigal li xi ħadd jista’ jirċievi. Intom mimlijin imħabba u mogħdrija.  Ftit jiem oħra, fis-26 ta’ Ġunju, infakkru l-Jum Internazzjonali kontra l-Abbuż tad-Droga u t-Traffikar tad-Droga.  It-tema ta’ din is-sena hija proprju li npoġġu n-nies l-ewwel sabiex inwaqqfu l-istigma u d-diskriminazzjoni u nsaħħu l-prevenzjoni.

Fuq dan ippermettuli nagħmel appell biex l-awtoritajiet kollha jaħdmu id f’id għall-ġid tal-individwi.  Il-qafas legali u ġuridiku jrid iservi ta’ sostenn għal dawk li għandhom bżonn u jeħtieġu l-kura.  Fl-istess waqt, għandu jkun jservi wkoll ta’ deterrent għal oħrajn li b’xi mod jagħmlu profitt jew deni billi jisfruttaw id-dgħufija ta’ ħaddieħor.

F’dan ir-rigward, irrid ngħid li sa mit-twaqqif tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, insistejt li jkollna laqgħat regolari mal-Membri tal-Awtorità, fejn huma jaġġornawni dwar l-inizjattivi edukattivi u l-implimentazzjoni ta’ programmi li jkunu qegħdin jagħmlu għall-ġid ta’ dawk li jagħmlu użu minn din is-sustanza. 

Nemmen li din m’għandhiex tkun Awtorità tal-isem, imma Awtorità magħmula minn nies kompetenti li kapaċi u mistennija jgħinu lill-awtoritajiet leġiżlattivi jbiddlu jew jaġġornaw il-liġi skont il-bżonn.

Napprezza li hemm ħafna li għad irid isir, fir-rigward tad-dipendenzi kollha u mhux biss tal-kannabis. Minn hawnhekk, irrid inħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli li jaraw li jsaħħu l-ħidma tagħhom favur il-ġustizzja soċjali u l-prevenzjoni mid-dipendenzi u għalhekk ma jiddejqux jieħdu deċiżjonijiet meħtieġa u f’waqthom kull meta jkun hemm bżonn.

Din hija ġlieda kontra d-dipendenza mid-droga, mhux ġlieda kontra min jaqa’ vittma.  Dawn huma ħutna li għandhom bżonn l-għajnuna, is-simpatija u l-imħabba tagħna lkoll. 

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

Qabel nagħlaq, nixtieq mill-ġdid nifraħ lill-gradwati kollha li qegħdin niċċelebraw magħhom illum.  Nifraħ ukoll lill-familjari tagħhom li m’għandix dubju kienu ta’ sapport għalihom biex waslu s’hawn.  Kunu kburin bihom.  Il-gradwati tagħna wrewna biċ-ċar kemm huma b’saħħithom u determinati li jirnexxu u li jbiddlu ħajjithom.

Għeżież gradwati, min-naħa tiegħi ngħidilkom biss biex ma taqtgħu qalbkom qatt.  Ibqgħu ftakru minn xiex għaddejtu biex wasaltu s’hawn u ibqgħu aħdmu u stinkaw biex tilħqu l-għanijiet tagħkom.  Tinsew qatt li kull wieħed u waħda minnkom għandu valur kbir għalina lkoll.  Emmnu fikom infuskom u tirnexxu dejjem.

Nawguralkom futur mimli saħħa u kuntentizza.

Grazzi

-tmiem-

Skip to content