Onorevoli Ministru,
Chairperson tal-Kumitat Festi Nazzjonali,
President tal-Akkademja tal-Malti,
Mistednin Distinti,
Nixtieq nibda billi nsellem lilkom ilkoll li tinsabu hawnhekk u li żammejtu ma’ dan l-appuntament ta’ kull sena hekk kif fix-xahar ta’ Novembru niċċelebraw lil Dun Karm Psaila, il-poeta nazzjonali.
Qrib disgħin sena ilu, Laurent Ropa kien dak li sejjaħ lil Dun Karm għall-ewwel darba bħala l-poeta nazzjonali. “Mgr. Carmelo Psaila” – jikteb Ropa – “fait figure de poète national.” Dun Karm, jgħidilna aktar tard il-mibki Oliver Friggieri, kien sar, u fil-fatt għadu u jibqa’ figura sui generis.
Fil-fatt Dun Karm hu l-uniku awtur Malti magħruf bl-ewwel isem tiegħu u dan jixhed għall-importanza tiegħu.
Tabilħaqq, nistgħu nirrikonoxxu lil Dun Karm bħala poeta nazzjonali minħabba l-Innu Malti, iżda wkoll għaliex ifakkar l-eroj tal-identità Maltija, kemm dawk magħrufin bħal, ngħidu aħna, Mikiel Anton Vassalli u Dun Mikiel Xerri, u dawk anonimi jew mhux magħrufa.
Iżda wara l-kobor tal-persunaġġ, wara l-ideal tal-poeta nazzjonali, hemm bniedem, bil-fraġilità tiegħu, bl-umanità tiegħu, bid-dubji u l-kriżijiet li tagħraf tressqilna l-ħajja minn żmien għal żmien. Illejla ressaqtulna xeħta differenti tal-poeta nazzjonali. Illum ilkoll erġajna skoprejna lil Dun Karm fis-solitudni u l-ansjetà. Oliver Friggieri jgħidha tajjeb: “Taħt il-figura kalma ta’ qassis trankwill, hemm persunalità mqanqla u mħassba li xejn mhi trankwilla”.
Ma nistgħux ma narawx dan kollu f’dak li hu meqjus minn bosta bħala l-aqwa xogħol tiegħu – Il-Jien u Lil Hinn Minnu. Hawnhekk naraw lil Dun Karm “iressaq lir-ruħ sax-xifer”. Naqraw, iva, il-vrus tal-poeta nazzjonali iżda aktar minn hekk ta’ bniedem b’fidi tturmentata.
Il-Jien u Lil Hinn Minnu ma hi xejn għajr it-tweġiba Nisranija ta’ Dun Karm għal kriżi eżistenzjali. Mhux ta’ b’xejn li Dun Karm sejjaħ Il-Jien u Lil Hinn Minnu bħala “għanja tal-moħħ, tal-qalb u tar-ruħ”.
Oliver Friggieri stess jerġa’ jtennilna li f’din il-poema, meqjusa minn bosta bħala l-kapolavur tiegħu, Dun Karm jiġbor f’sintesi, f’opra ewlenija, it-tensjonijiet, il-fehmiet, is-sentimenti, l-ideali u t-tamiet li, mill-bqija, huma karatteristiċi tiegħu anke fi żminijiet oħra ta’ ħajtu.
Dan hu l-kobor ta’ Dun Karm.
Dan hu l-poeta nazzjonali li fisser it-tiġrib tiegħu iżda fl-istess ħin ġabar fi kwadru wieħed l-ideali u l-valuri tal-poplu Malti biex b’hekk seddaq l-identità nazzjonali. Iżda fuq kollox, il-lirika tiegħu tirrifletti l-ħsus, it-tqanqil u l-ansjetajiet tal-bniedem tas-seklu għoxrin. Dun Karm ma kienx maqtugħ mir-realtà ta’ madwaru. Anzi. Għexha, ħalliha taħdem fuqu u ġo fih, u meta kien imqanqal, kiteb dak li ħass.
Nagħlaq billi nifraħ minn qalbi lill-organizzaturi ta’ din is-serata tal-lejla li ta’ kull sena mhux biss iġġedded il-memorja ta’ Dun Karm Psaila, iżda titfa’ dawl fuq aspetti tal-karattru tiegħu, ta’ ħajtu u ta’ ħidmietu li verament jagħmlu minn dan il-ġgant poeta nazzjonali ta’ kalibru kbir. Insellmilkom.