George Vella

Speech by His Excellency George Vella, President of Malta, during a visit to the Santa Marija Community and the Graduation Ceremony organised by the Foundation for Social Welfare Services (FSWS), Ħal Farruġ. 26th June 2023, (Speech in MT)

Onorevoli Ministru,

Sur Alfred Grixti,

Sur Charles Scerri,

Dottoressa Anna Maria Vella,

Għeżież Residenti u Gradwati,

L-ewwel nett, bħalma nagħmel dejjem, nirringrazzjakom li għal sena oħra erġajtu stedintuna biex inkunu hawnhekk magħkom biex niċċelebraw il-kisbiet tal-gradwati tal-lum. 

Però rrid ngħid li wara dan id-diskors li smajna u l-messaġġi li ngħataw, ma nafx x’nista’ ngħid differenti jew inkella aħjar minn dak li ntqal. Ħudu paċenzja li jkun hemm ripetizzjoni. Però r-ripetizzjoni hija tajba, għax bħalma smajna, anke fil-kors tagħkom, żgur li kien hemm ripetizzjoni kontinwa, twissijiet kontinwi, ammonizzjonijiet kontinwi, rutina kontinwa, ħalli dak li jkun jerġa’ jidħol fir-rutina tal-ħajja.

U għalhekk irrid nifirħilkom. Nifirħilkom minn qalbi għall-kuraġġ li wrejtu sabiex l-ewwel u qabel kollox ammettejtu, l-ewwel pass, li intom għandkom bżonn l-għajnuna. U dak huwa l-ikbar qabża, l-ikbar pass, li wieħed irid jagħmel qabel jibda jitlob biex jgħinuh.

Sfortunatament huma ħafna dawk li ma jaslux biex jagħmlu dan il-pass. Jew għax jibżgħu, jew għax m’għandhomx min jagħmlilhom kuraġġ, jew inkella minħabba ċirkostanzi oħra.

Iktar minn hekk, kontu deċiżi li tindirizzaw il-problema u, mhux biss ammettejtu li għandkom bżonn l-għajnuna, imma anke aċċettajtu li tidħlu residenti hawnhekk meta żgur li ħafna minnkom kienu jafu li mhijiex ħaġa faċli u ma kinux ser ikunu xi holiday fit-tul, imma kienet ser tkun perjodu ta’ training, perjodu ta’ sottomissjoni u perjodu li fih ridtu tagħmlu ħafna u ħafna sagrifiċċji.

Bla dubju, kif intqal diġà u kif smajna, il-vjaġġ ma kienx xi cruise; dan kien vjaġġ twil u iebes. Erbatax-il xahar mhumiex ftit. U meta tkun qed tagħmilhom, bid-diffikultajiet kollha li jippreżentaw quddiemkom, li ssibu ma’ wiċċkom, m’għandix dubju li allaħares wieħed joqgħod jibda jgħoddhom ġurnata ġurnata għax jaqta’ qalbu mill-ewwel. U hawnhekk naqbel mal-Ministru fejn qal li probabbilment din hija r-raġuni għaliex ħafna jaqtgħu qalbhom, u għalhekk għandu jkun hemm, naqbel mija fil-mija, li min forsi ma jkollux il-kuraġġ li mill-bidu jaċċetta li jibda għaddej b’dan il-kors, jingħata ċans ieħor jew ieħor jew ieħor meta jasal iż-żmien.

Naf li tgħallimtu ħafna. B’mod speċjali fejn tidħol id-dixxiplina fuqkom infuskom kif ukoll li tkunu responsabbli kemm għalikom stess u kemm għal ta’ madwarkom, għaliex wara kollox din li qegħdin nagħmlu hija biss li nerġgħu ngħinukom ħalli l-moħħ, ir-rieda, tieħu l-kontroll fuq l-għemil tagħkom. Tibdew tikkontrollow intom moħħkom, u mhux moħħkom jikkontrolla lilkom. Mhux il-fatt li tixtieq tagħmel xi ħaġa u ma tikkontrollax li tagħmilha, imma l-fatt li inti tgħarbel, tiddeċiedi u mbagħad taġixxi u tgħid: “Jiena ħa nirreżisti. Jiena m’iniex ser nagħmel dak li nixtieq nagħmel”.

It-tliet fażijiet tal-programm ġew bi sfidi differenti. Żgur li f’xi mumenti, kif qed ngħidu diġà, ġewkom xi dubji, u r-realtajiet ġodda li kontu qed tgħixu fihom forsi anke għall-bidu setgħu fixklukom. 

Però ċert li l-programm li għadkom kif temmejtu offrielkom kull opportunità ta’ tisħiħ u ta’ tkabbir kemm fuq livell fiżiku, imma iktar rajt jien fuq il-karattru tagħkom u terġa’ iktar u iktar fuq il-kontroll tal-emozzjonijiet tagħkom.

Din mhix bidla żgħira. Din hija bidla kbira u talbet minnkom bla dubju ta’ xejn, f’livelli differenti, reżiljenza mhux żgħira sabiex irnexxejtu u llum qegħdin hawn niċċelebraw magħkom il-gradwazzjoni tagħkom. 

Irrid ngħidilkom minn qalbi li aħna kburin bikom. U dan huwa l-istess diskors li għedt ftit ġranet ilu meta konna qegħdin nipparteċipaw għall-gradwazzjoni tal-Caritas, fejn kien hemm numru sabiħ ieħor ta’ gradwati li għednielhom ċar u tond li aħna kburin bihom għaliex dak li għamlu huwa xi ħaġa li ser jerġa’ jġibhom lura fis-soċjetà u, kif qal il-Ministru, is-soċjetà tkun b’saħħitha daqs kemm hu b’saħħtu l-iċken membru li għandna fis-soċjetà. U għalhekk aħna nemmnu li min ikun qiegħed jokrob għall-għajnuna, ma nistgħu bl-ebda mod inħarsu n-naħa l-oħra u ninjorawh.

Irrid nieħu din l-okkażjoni sabiex nirringrazzja lill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u l-Aġenzija Sedqa tax-xogħol siewi li qed tagħmlu hawnhekk fil-Komunità ta’ Santa Marija.   

L-Aġenzija Sedqa issa ilha tipprovdi l-ħidma tagħha fil-qasam tas-servizzi ta’ riabilitazzjoni mill-vizzji għal kważi tletin sena. Il-programm offrut fil-Komunità ta’ Santa Marija joħloq ambjent u approċċ olistiku ta’ kif tingħata l-kura u l-attenzjoni lil kull individwu minkejja li f’ambjent kollettiv.

Dan qed ngħidu mhux biex ngħid lilkom, għax intom tafu iktar minni x’joffru hawn ġew, imma qed ngħidu biex jiġi anke mwassal hemm barra għal min għadu forsi qiegħed itella’ u jniżżel jiħux id-deċiżjoni li jfittex il-kura u l-attenzjoni. U allura wieħed tajjeb illi jgħid x’hawn hawn ġew, x’isir hawn ġew u x’inhuma l-programmi li jiġu offruti.

Bi pjaċir ninnota wkoll li l-istess programm jibqa’ joffri kura anke meta l-persuna ttemm b’suċċess l-erbatax-il xahar għaliex, kif intqal diġà, il-kura u l-attenzjoni ma tiqafx mal-aħħar ġurnata li toħorġu minn dak il-bieb għax il-kors għadda. Kulħadd jaf li hemm kontinwità, hemm bżonn, li dak li jkun jiġi sostnut u wieħed jibqa’ jieħu ħsieb x’qed jagħmel għaliex, nista’ nimmaġina, iż-żmien diffiċilissimu huwa l-qalba bejn hawn ġew, bil-protezzjoni u bl-attenzjoni kollha, u li ssib ruħek hemm barra, sfortunatament irrid ngħid, tiffaċċja anke l-possibbiltà li terġa’ tiġi ttantat li terġa’ tagħmel dak li kont tagħmel – jew dak li huwa xorb jew dik li hija droga. Jiena nemmen li dan huwa kruċjali biex dak li jkun jibqa’ jħossu appoġġat u nkoraġġut ħalli kif jerġa’ jibda dieħel lura fis-soċjetà jsib passaġġ ħafna iktar faċli milli jista’ jkun.

Din il-kura hija estiża wkoll għall-familji ta’ dawn il-persuni, għaliex bħalma smajna f’testimonjanza minnhom, wieħed jara l-familja minn xiex tkun għaddejja u anke l-emozzjonijiet tal-familja u l-imħabba li hemm fil-familja biex dak li jkun jerġa’ jiġi lura fi ħdan il-familja. U dan huwa essenzjali biex il-membri tal-familja wkoll jifhmu l-proċess ta’ trasformazzjoni li jsir mill-membri li jissottomettu ruħhom għall-kura ġo din il-Komunità. Din hija ċ-ċavetta li biha tiftaħ is-sens ta’ empatija li jgħin lil min ħa l-kura biex iħossu mifhum u miġjub. B’hekk l-individwu jibda jerġa’ jgħix ħajtu b’serenità u serħan tal-moħħ.

Irrid insellem ukoll lill-professjonisti minn oqsma differenti li jaħdmu f’din il-Komunità. Bis-saħħa tagħhom jiġu indirizzati kemm trawmi, li forsi wasslu għad-dipendenza, kif ukoll oħrajn li żviluppaw kaġun tagħha. Grazzi għal dan, l-individwu jkun jista’ jaqbad it-triq tal-fejqan. Nemmen li l-metodoloġiji varji li jiġu użati, jagħtu lill-individwu għodda b’saħħithom biżżejjed, magħrufa bħala coping mechanisms, li jwasslu għal integrazzjoni sħiħa fis-soċjetà. Però dan mhuwiex proċess faċli u lanqas mhuwa proċess li jsir f’qasir żmien. Dan huwa xi ħaġa li jrid jieħu tul ta’ żmien.

Sinjuri,

Huwa għalhekk importanti li bħala soċjetà nkunu iktar empatiċi u napprezzaw li l-ħajja toffri sfidi lil kulħadd. Nevitaw kemm jista’ jkun kliem ta’ disprezz jew tabelli li jistgħu jwaqqgħu jew iweġġgħu d-dinjità ta’ persuni li jkunu waqgħu fil-vizzju. Soċjetà li taf tagħder u tħenn hija tassew il-pedament ta’ kull suċċess li pajjiż jista’ jikseb. 

Tajjeb ukoll li jkollna strutturi leġiżlattivi u amministrattivi li jgħinu sabiex jinxtered l-għarfien dwar id-dipendenzi u dwar kif individwu fil-bżonn jista’ jikseb l-għajnuna f’qasir żmien. Bl-istess mod, hemm bżonn qafas legali u ġuridiku li jservi bħala sostenn għal dawk li għandhom bżonn u li għandhom bżonn il-kura, u fl-istess waqt ta’ deterrent għal oħrajn li b’xi mod jew ieħor, kif intqal diġà, jagħmlu profitt jew deni mid-dgħufija ta’ ħaddieħor.

F’dan ir-rigward, sa mit-twaqqif tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, insistejt li jkolli laqgħat regolari magħhom, fejn huma jaġġornawni dwar inizjattivi edukattivi u l-implimentazzjoni tal-programmi għall-ġid ta’ dawk li jagħmlu użu minn din is-sustanza. 

Napprezza li hemm ħafna li għad irid isir, fir-rigward tad-dipendenzi kollha u mhux biss fuq dik tal-kannabis. Irrid inħeġġeġ minn hawnhekk lill-awtoritajiet responsabbli li jaraw li jsaħħu l-ħidma tagħhom favur il-ġustizzja soċjali u għalhekk ma jiddejqux jieħdu deċiżjonijiet f’waqthom kull meta jkun hemm bżonn.

Sinjuri,

Bħal-lum, is-26 ta’ Ġunju, infakkru l-Jum Dinji kontra l-Abbuż mid-Droga u t-Traffikar tad-Droga. It-tema għal din is-sena hija: People First, Stop Stigma and Discrimination and Strengthen Prevention. 

Ejja naraw li l-individwu jiġi l-ewwel fejn jidħol trattament u kura. Ejja niftakru li kull min kien jew hu vittma ta’ dipendenza huwa uman, u għaldaqstant ħaqqu protezzjoni, dinjità u fuq kollox imħabba.

Intenni mill-ġdid kemm aħna kburin bikom illum. Issa li temmejtu l-vjaġġ hawnhekk, ser jibda ieħor hemm barra. 

Żommu f’moħħkom it-tbatija li għaddejtu minnha, is-sagrifiċċji li għamiltu, sabiex wasaltu s’hawn u ħalluha tixprunakom sabiex tilħqu l-għanijiet tagħkom.

Aħna hawn, flimkien mal-familjari u l-ħbieb tagħkom, kburin bikom, fiduċjużi li ser taslu għal dak li tridu u finalment nixtiqulkom kull ġid u suċċess għal futur tagħkom.

Nirringrazzjakom.

Skip to content