George Vella

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, on the occasion of Republic Day celebrated in Gozo – 16th December 2023. (Speech in MT)

Onorevoli Ministri,

Onorevoli Membri Parlamentari,

Eċċellenza Monsinjur Vella Gauci,

Mistednin distinti,

Nirringrazzjakom li din is-sena wkoll stedintuna, lili u lil marti, biex inkunu hawnhekk magħkom ħa niċċelebraw Malta Repubblika ġewwa Għawdex. Però qabel nibda xtaqt li l-ewwel nett nagħti prosit lill-Banda Leone u anke lis-Surmast Colin Attard għall-performance li tawna llejla u nirringrazzjakom tal-professjonalità tagħkom.

Nixtieq ukoll nirringrazzja lill-Mons. Vella Gauci li, bħas-soltu, jagħmlilna diskors provokattiv li poġġielna quddiema ħafna mistoqsijiet li sfortunatament ftit li xejn hemm risposti faċli biex wieħed jirrispondihom.

Kif tafu, u bħalma diġà ntqal, dan huwa l-aħħar diskors tiegħi f’din l-okkażjoni hekk kif il-Presidenza tiegħi tispiċċa f’April tas-sena d-dieħla.

Ser nieħu din l-okkażjoni biex naqsam magħkom ftit ħsibijiet dwar il-ġejjieni, u l-isfidi u l-opportunitajiet li l-poplu Malti u Għawdxi, speċjalment iż-żgħażagħ tagħna, ser ikun qed jindirizza fiż-żmien li ġej.

Nixtieq nibda billi ntenni, l-ewwel u qabel kollox, il-fiduċja sħiħa tiegħi fil-Maltin u l-Għawdxin. Minkejja d-diffikultajiet li setgħu nqalgħu, aħna, bħala poplu magħqud, dejjem għelibna l-għawġ u l-mumenti koroh.

Bl-għaqal u l-kapaċitajiet tagħna, dejjem ksibna riżultati u lħaqna miljiet importanti.

Żbaljat, min jaħseb li ma fadal xejn tajjeb f’pajjiżna, kif sfortunatament ħafna drabi naqraw fil-media tagħna; li ma fadalx nies integri; li ma fadalx nies kompetenti; jew li ħadd ma huwa affidabbli; jew inkella li aħna xi poplu maqsum.

Dejjem hemm, ovvjament, x’jista’ jitjieb. Ħadd ma qal li aħna poplu perfett.

Ma niddejjaqx insemmi kif pereżempju kien ta’ diżappunt għalija nara li biex inħatar Ombudsman kellhom jgħaddu x-xhur, anzi kważi sena u nofs. Ma’ din insemmi wkoll l-ostakli li ltqajt magħhom biex immexxi ’l quddiem il-proċess tal-Konvenzjoni dwar it-tibdil mixtieq fil-Kostituzzjoni. Dawn huma negattivi, veru.

U minn hawn, ser nerġa’ nagħmel l-appell li għamilt nhar l-Erbgħa fil-Palazz il-Belt, biex bħala pajjiż, nitgħallmu nħarsu lil hinn mill-pika politika, inkella ser jibda jeħel il-pajjiż. Morru ’l hemm mill-pika politika u naraw, f’ċertu każi, l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox.

Qiegħed ngħid dan meta qegħdin biss tliet xhur u nofs mill-ħatra ta’ President tar-Repubblika li jmiss. U tifhmu x’qiegħed ngħid.

Forsi ftit jafu kemm, bħal kull funzjonarju għoli ieħor, il-President, fix-xogħol tiegħu, jiddependi mill-kooperazzjoni ta’ ħafna entitajiet oħra. 

Bħal kull uffiċjal għoli fi kwalunkwe pajjiż, il-President hawn Malta waħdu ma jagħmel xejn, u nittama bis-sħiħ li min ser jiġi warajja jsib sostenn u appoġġ biex jintlaħqu l-miljiet kollha possibbli li għandu bżonn pajjiżna.

L-isfidi żgur li mhux ser jonqsu. L-isfidi ser jikbru. Però bla dubju ta’ xejn, l-edukazzjoni hija l-aqwa investiment li qatt nistgħu nagħmlu fil-ġenerazzjonijiet li telgħin.

Id-dinja li deħlin fiha diġà hija dinja li qed toffri ċertu perikli li allaħares ma nkunux ippreparati għalihom.

U l-mistoqsija li nagħmel hija din: “X’jiswa li niftaħru u niċċelebraw ir-Repubblika, niftaħru li rajna f’idejna, jekk mhux ser ikollna min ikun kapaċi jmexxi lil pajjiżna fis-snin li ġejjin?” U din hija mistoqsija fundamentali. U għalhekk qed nisħaq fuq l-edukazzjoni biex ikollna nies ippreparati, nies dedikati, nies integri li jmexxu lill-poplu ’l quddiem kif dejjem wieħed jixtieq jara lil pajjiżna.

Fost oħrajn hemm l-isfida, pereżempju, tal-ambjent – tafu li kemm-il darba, anki hawnhekk, sħaqt fuqha, b’mod partikolari minħabba dak li rridu naraw li jiġri f’din il-gżira sabiħa – u l-effetti negattivi li ser niffaċċjaw minħabba t-taqlib tal-klima kawża tal-ħsarat li għamilna sa issa lill-atmosfera ta’ madwarna. Matul iż-żmien, jekk mhux ser noqogħdu attenti, dawn iċ-ċirkostanzi ser imorru għall-agħar, u ser ibati bihom kulħadd.

Smajtuni biżżejjed dawn l-aħħar snin insemmi b’mod ripetut kemm huwa importanti li nħarsu l-ambjent u l-karatteristiċi tipikament Għawdxin, li jagħmlu ’l din il-gżira unika. Ma niddejjaqx nirrepetih u nerġa’ nirrepetih.

Irridu ngħidu li fil-kuntest globali, fiċ-ċokon tagħna, aħna ftit li xejn niġġisna l-atmosfera, imma jekk nistgħu nnaqqsu dak il-ftit, inkunu qed nagħmlu aktar tajjeb milli għamilna s’issa.

Dan mill-ġdid jeħodni għall-bżonn ta’ edukazzjoni fis-sens l-aktar wiesa’. Meta ngħid edukazzjoni qed nifhem edukazzjoni li tkopri l-oqsma kollha tal-ħajja, kemm mil-lat fiżiku, kif ukoll dak morali. Morali mhux fis-sens dejjaq ta’ xi reliġjon partikolari, imma regoli wiesgħa ta’ etika u ta’ sens ċiviku qawwi li jeħodna ’l bogħod mill-edukazzjoni tal-matematika, tal-Ingliż, tal-lingwi, tax-xjenza. Imma edukazzjoni fl-integrità u fil-formazzjoni tal-individwu li għandna bżonn.

Jien nieħu gost nara żgħażagħ fil-ħajja politika, imma ninstab ċert li ħafna qegħdin jitgerrxu minħabba l-mod partiġġjan estrem li bih immexxu l-politika tagħna. Għandna ħafna talent, għandna ħafna min hu kapaċi, però konvint li mhux qegħdin nagħmlu biżżejjed biex nattirawhom ħalli jieħdu f’idejhom it-tmexxija tal-pajjiż.

Inħoss li wasal iż-żmien li nibdew ngħallmu x’inhi u xi tfisser il-politika; mhux il-politika partiġġjana, imma l-politika bħala arti u bħala xjenza, li wieħed jitgħallimha biex ikun jista’ jużaha u jkun jista’ anki jħaddem il-valuri tagħha.

Iż-żgħażagħ tagħna għandhom numru mhux żgħir ta’ problemi soċjali li jridu jiffaċċjaw huma u għaddejjin fil-ħajja ta’ kuljum. Dawn qed narawhom jikbru dejjem u jkollhom jiffaċċjawhom.

Fost dawn, hemm il-prezzijiet dejjem jogħlew tal-proprjetà, li għal ħafna miż-żgħażagħ tagħna jfisser snin u snin twal ta’ ħlasijiet ta’ interessi u kapital.

Għandna wkoll, sfortunatament, aktar instabbiltà fir-relazzjonijiet bejn il-koppji tagħna. Xejn anqas ta’ sfida hija t-tellieqa sfrenata biex jintlaħqu livelli ta’ ħajja aktar għoljin. Li mhux ħażin fih innifsu, imma ħafna drabi, kif jgħid il-Malti, jaqtgħu l-aptiti.

Fuq kollox għandna ddur madwarna t-tentazzjoni tad-droga, l-alkoħol, it-tabakk u l-logħob tal-azzard; ħalli nkunu semmejna kollox, mhux id-droga biss.

Fiċ-ċirkostanzi tal-lum, tajjeb li naħsbu dwar iż-żieda tal-popolazzjoni f’pajjiżna, li anki għamel referenza għaliha l-Monsinjur, u r-rabta li din kellha, u għad għandha, mal-iżvilupp tal-ekonomija f’pajjiżna. Il-mistoqsijiet li għamel huma profondi fis-sens li rridu nagħmlu analiżi tal-ekonomija, irridu nagħmlu analiżi ta’ kemm aħna lesti li naċċettaw lill-barrani, analiżi tal-integrazzjoni. Dawn ukoll għamilt referenza għalihom fid-diskors tiegħi ta’ nhar l-Erbgħa. Imma kif għidt, m’hemmx risposti faċli għalihom, li taqta’ ’l hawn jew ’l hemm.

L-integrazzjoni tfisser li filwaqt li ngħożżu u nħarsu d-drawwiet, il-kultura, l-ilsien tagħna u dak kollu li jagħmilna Maltin, irridu wkoll fl-istess ħin nuru rispett u nuru mhux biss tolleranza, imma naċċettaw id-drawwiet u nieħdu ħsieb il-bżonnijiet ta’ dawn ħutna li veru ġew pajjiżna biex jagħtu daqqa t’id fl-ekonomija u biex jaqilgħu x’jieklu, imma li fl-istess ħin dawn tawna servizzi li kienu essenzjali biex l-ekonomija tagħna mxiet ’il quddiem u, bħalma qal il-Monsinjur, biex b’mod partikolari t-turiżmu jkun jista’ jibqa’ miexi. Li l-ekonomija tagħna ma tistax ma tiħux il-frott u l-ġid li jiġi fl-ekonomija mit-turiżmu.

Sfortunatament dan ma japplikax għal dawk li jaslu pajjiżna li ngħidulhom immigranti irregolari.

Din hija storja differenti. Din hi realtà sfortunata għaliex mhumiex huma l-problema… huma r-riżultat tal-problemi li fuqhom jistrieħ dan il-fenomenu tal-immigrazzjoni irregolari. Ħafna drabi dawn huma riżultat tal-kliem li jingħad fl-Ewropa ta’ solidarjetà li ma jiġix imwettaq, li meta niġu għas-si u n-no, insibu li aħna qegħdin waħedna u rridu nokorbu biex forsi nsibu l-għajnuna meta jkollna niffaċċjaw dawn il-problemi.

Tajjeb ukoll li nħarsu l-identità tagħna, il-kultura tagħna, id-drawwiet tagħna u, fuq kollox, bħalma tafu li dejjem ngħid, l-ilsien tagħna.

Irrid ngħid b’ċertu sodisfazzjon li mill-bidu tal-Presidenza tiegħi bdejt nitkellem spiss dwar l-użu tal-Malti tajjeb, u dwar l-użu tajjeb tal-Malti – li huma żewġ affarijiet differenti. Ilsienna prezzjuż wisq biex nittraskurawh u ma nagħtuhx il-ħarsien li jixraqlu.

Sfida oħra li jridu jħaddnu b’għożża ż-żgħażagħ tagħna fil-futur hija dik li jħarsu l-istat tad-dritt. Irridu nassiguraw li nsaħħu l-istrutturi kostituzzjonali kollha li jagħtuna wens u serħan il-moħħ – mingħajr dawn la jkollna wens u lanqas serħan il-moħħ – u li anki jistgħu, meta jiġu implimentati u rispettati, ikunu ta’ deterrent, u jkun kapaċi jittieħdu l-passi kollha meħtieġa permezz tagħhom biex isir il-ħaqq ma’ kull min jiżbalja jew jabbuża.

Sinjuri,

Fil-viċinat immedjat tagħna – il-Monsinjur semma l-Mediterran – għandna realtà li ma hija sabiħa assolutament xejn.

Għandna madwarna ċirkostanzi li jekk jikbru jew jinxterdu, jaf ikollhom effett mhux biss fuq il-paċi u s-sigurtà fir-reġjun, imma saħansitra fuq livell globali.

Għandna wkoll u ma rridux ninsew, sa minn sena u nofs ilu, gwerra ħarxa għaddejja fil-qalba tal-Ewropa, fl-Ukrajna, li sal-lum ħadd ma jaf kif ser tispiċċa.

Kien hemm ukoll min staqsa jekk f’dawn iċ-ċirkostanzi kollha, l-istatus Newtrali ta’ pajjiżna għadux jagħmel sens f’dan ix-xenarju speċjalment issa li qegħdin nokkupaw siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.

Jiena nemmen li dan l-istatus ma fixkilniex biex pajjiżna ħadem kif ħadem u ta kontribut mhux żgħir fiż-żewġ ċirkostanzi inkwetanti ħafna li esperjenzajna u għadna għaddejjin minnhom; l-Ukrajna u l-Lvant Nofsani. Ma kien hemm l-ebda raġuni għaliex ir-Russja għandha tinvadi l-Ukrajna, u l-ġlied li għaddej bejn Iżrael u l-Ħamas għandu jħammar wiċċ l-umanità. Huwa xi ħaġa tal-mistħija f’dan is-seklu, f’din is-sena, naraw il-massakru ta’ trabi u ta’ ommijiet li d-dinja kollha tħares lejhom u ma tista’ tagħmel xejn ħlief ixxandarhom fuq it-televixin.

Jiena niftaħ parenteżi hawnhekk u nikkundanna, kif għamilt sa mill-bidu nett, bla ebda riżerva l-qtil ta’ nies innoċenti, jagħmlu min jagħmlu. Kemm l-ewwel inċident li seħħ mill-Ħamas u anki mbagħad l-esaġerazzjoni tar-risposta min-naħa tal-Iżrael li baqgħet toqtol eluf u eluf kbar ta’ Palestinjani kawża biex neqirdu l-Ħamas.

U minn qalbi, nagħmel it-talba sinċiera biex min bħalissa għandu s-saħħa f’idejh, iwaqqaf il-massakru li għaddej ta’ nies innoċenti, b’mod partikolari tat-tfal.

Sinjuri,

Żgur mhux l-iskop ta’ dan id-diskors li noqgħod nagħmel elenku ta’ dak li għaddejt minnu matul din il-Presidenza: is-sabiħ u l-ikrah.

Hemm mumenti fejn aħjar ninsew, imma żgur li ma nistax ma nirreġistrax is-sodisfazzjon kbir li jien u marti Miriam kellna meta kellna l-okkażjoni unika li nilqgħu ġewwa pajjiżna lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku.  

Okkażjoni sabiħa u ta’ sodisfazzjon kienet il-konferenza msejħa ‘Arraiolos’, fejn kelli l-pjaċir nilqa’ tnax-il President Ewropew biex niddiskutu suġġetti ta’ interess komuni.

Irrid insemmi wkoll l-esperjenzi sbieħ li kelli kull meta żort lil ħutna Maltin u Għawdxin li jgħixu barra minn pajjiżna, kemm dawk emigranti, kif ukoll dawk li qegħdin għal żmien iqsar jagħmlu esperjenza ta’ xogħol jew studju.

Naf li bosta minnkom l-Għawdxin għandkom qraba u ħbieb jgħixu f’pajjiżi ’l bogħod, bħall-Amerka u l-Awstralja. Meta żorthom, kull fejn kont, għidtilhom li aħna nqisuhom parti mill-familja tagħna Maltija u Għawdxija.

Ngħidilkom kemm bqajt impressjonat nara kif l-Għawdxin fost dawn ħutna għadhom iħobbu lil din il-gżira u l-familji tagħhom hawnhekk, b’għożża liema bħalha. 

Esperjenza li żgur se tibqa’ minquxa f’moħħi wkoll hija dik tal-Malta Community Chest Fund Foundation, li laqqgħatna mar-realtajiet tal-ħajja. Grazzi ta’ kemm dejjem sibniekom warajna, fl-għajnuna tagħkom mal-pazjenti u dawk oħrajn vulnerabbli.

Ser ikun pjaċir tiegħi li fl-Istrina ta’ din is-sena, l-għada tal-Milied, għall-ewwel darba ħa nerġa’ niġi hawn ir-Rabat, biex anki sħabna l-Għawdxin jingħaqdu magħna f’din l-attività – anki din l-aħħar waħda tul il-Presidenza tiegħi. Nittama li narawkom hemmhekk ukoll.

Qabel nagħlaq, nixtieq intenni anki hawnhekk kemm kien unur u privileġġ, imma fuq kollox dover, li nkompli nservi lill-poplu Malti u Għawdxi fil-kariga ta’ President għal dawn l-aħħar ħames snin.

Fl-aħħar nett, ngħidilkom ‘grazzi’ ta’ kemm-il darba lqajtu lil Miriam u lili, b’tant rispett u entużjażmu, kull meta ġejna f’din il-gżira, u ta’ kif dejjem tajtuna merħba sabiħa, u dejjem b’dirgħajkom miftuħa.

Nitlob biss li Alla jżomm idu fuqna u jibagħtilna lkoll, is-saħħa, il-paċi u s-sliem.

Viva Malta Repubblika.

Skip to content