Bonġu lil kulħadd.
Insellem b’mod partikolari lis-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli, il-President tar-Reġjun, il-Membri Parlamentari li għandna magħna, is-sindki, is-segretarji eżekuttivi, il-kunsilliera u lilkom ilkoll li qegħdin magħna hawnhekk.
Bħalma diġà għidt, huwa ta’ sodisfazzjon u tieħu pjaċir li wieħed jieħu l-okkażjoni li jattendi għall-ftuħ ta’ din l-inizjattiva sportiva u, kif diġà ntqal, mhux biss sportiva imma wkoll xi ħaġa li tippromwovi s-saħħa. Nibda billi nirringrazzja lill-Kunsilli kollha involuti u, b’mod partikolari, lill-Kunsill tar-Reġjun tal-Lvant tal-impenn tiegħu biex dan it-titlu prestiġjuż ta’ Reġjun Ewropew għall-Isports jinġieb lejn pajjiżna. Kif diġà ntqal, dawn l-affarijiet ma jsirux mil-lum għal għada, imma jsiru b’ċerta ħidma u b’ċerta insistenza, u anki bit-turija ta’ kompetenza li tiġi magħrufa biex dan it-titlu jiġi assenjat lil dan ir-reġjun.
Flimkien ma’ reġjuni u bliet oħra li ngħataw dan l-istess titlu fil-passat, f’isem il-poplu Malti ninsab kburi li Birkirkara, il-Għargħur, il-Gżira, l-Iklin, l-Imsida, Ħal Lija, Pembroke, il-Pietà, San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi u ta’ Xbiex ser ikunu minn ta’ quddiem biex fis-sena 2023 ivaraw inizjattivi li jħajru lil kulħadd għal ħajja aktar attiva. Mhux biss, iżda ser ikunu wkoll f’pożizzjoni li josservaw kif l-infrastruttura u l-ambjent lokali huma ċentrali biex bħala poplu niżviluppaw politika sportiva u ta’ saħħa inklussiva, u din tal-aħħar nenfasizzaha għaliex l-isport għandu s-sodisfazzjonijiet tiegħu u, bħalma diġà għidt, importanti ħafna li jgħin ħalli jkun hemm aktar livell ta’ saħħa tajjeb. U barra hekk ukoll ikun hemm politika li verament tħeġġeġ u tistieden liċ-ċittadini biex ikunu aktar fiżikament attivi.
Il-ħidma li jwettqu bosta organizzazzjonijiet sportivi u taż-żgħażagħ favur ħajja attiva u t-taħriġ f’dixxiplina sportiva, jibqgħu ċentrali biex dawn il-lokalitajiet ikomplu jkunu forma ta’ laboratorju sportiv. Minbarra dan, permezz ta’ dan it-titlu li qed niċċelebraw dalgħodu, jinħolqu opportunitajiet għall-komunità kollha, inkluż, u hawnhekk irrid nagħmel enfasi, għall-anzjani tagħna. Ikun żball jekk immorru bil-ħsieb u bl-idea li l-isport huwa attività taż-żgħażagħ biss jew ta’ dawk li jitgħallmu xi dixxiplina sportiva b’mod professjonali. Irridu nwasslu l-messaġġ minn hawnhekk, u anki nawgura li matul din is-sena r-Reġjun jagħmilha, li l-attività fiżika għandha tkun ta’ kulħadd – kulħadd skont l-età u s-saħħa tiegħu.
Inizjattivi bħal dawn jitfgħu dawl fuq l-importanza ta’ ħajja attiva, ’il bogħod mill-vizzji u l-konsum eċċessiv tal-ikel, ta’ xorb alkoħoliku jew ta’ sustanzi oħra, u fuq kollox ħajja anqas sedentarja, ħajja li hemm bżonn li niċċaqalqu aktar matul il-ġurnata.
L-isport għandu l-opportunità li jkisser fruntieri soċjali u anki dawk mentali u jnissel fl-individwu sens akbar ta’ kollaborazzjoni ma’ ħaddieħor. Nappella għalhekk biex dawn l-ibliet, li huma membri tar-Reġjun tal-Lvant, jagħmlu użu minn dan it-titlu bl-aktar mod wiesa’ possibbli u ma jitilfux l-opportunità jixprunaw mudell għall-għaqda nazzjonali u d-djalogu bejn entitajiet u etajiet differenti. Ikun tassew ġust u xieraq jekk niżguraw li dawn l-opportunitajiet ikunu miftuħa wkoll għall-barranin li jinsabu fostna.
Ejjew verament nagħmlu mezz biex inizjattivi bħal dawn, li ma jiġux kuljum, ikunu miftuħa, u attraenti għal kulħadd, irrispettivament mill-abbiltajiet fiżiċi u mentali, mit-twemmin politiku u reliġjuż, status soċjali jew kulur tal-ġilda tal-individwu. Ejjew nisfruttaw bl-aħjar mod okkażjonijiet bħal dawn u nħarsu lejn opportunitajiet simili għall-irħula u l-ibliet oħra ta’ pajjiżna.
Sinjuri,
Nagħlaq dan l-intervent qasir billi mill-ġdid nifraħ lil dawk kollha li kienu involuti biex dan it-titlu jintrebaħ minn pajjiżna u permezz ta’ fondi varji ser ikun qed jagħmilha ta’ mudell għar-reġjuni l-oħra kollha.
Ma rridx nagħlaq qabel ma ngħid prosit ukoll lit-tfal u ż-żgħażagħ li għamlulna wirja verament interessanti u anki lill-membri tal-basketball li wrewna l-kapaċitajiet tagħhom.
Nirringrazzjakom.
-tmiem-