George Vella

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, during the launch of bookmarks and the conference ‘l-Ilsien Malti għal Qalbi – konferenza dwar l-użu ta’ lsienna fostna’. 27th March 2023. (Speech in MT)

Bonġu lil kulħadd.

Jiena però rrid nibda billi nirringrazzja lill-amministrazzjoni illi organizzaw dalgħodu din il-laqgħa ħalli nkunu nistgħu nvaraw dawn iż-żewġ avvenimenti li tkellimna fuqhom, tkellmu fuqhom diġà l-kollegi tiegħi dalgħodu.

U biex ma noqgħodx nirrepeti ħafna fit-tul, diġà ntqal illi waħda mill-għanijiet hija illi nvaraw din il-Konferenza biex nitkellmu, niltaqgħu u niddiskutu dwar l-użu tajjeb tal-Malti u l-użu ta’ Malti tajjeb. Din hija xi ħaġa illi sa mill-ewwel diskors li għamilt meta ġejt magħżul bħala President, ħassejt illi jekk irridu nibżgħu għall-identità tagħna, għal min aħna, waħda mill-affarijiet hija li wieħed jibża’ għal-lingwa tiegħu. Sħabi ġa tkellmu dwar l-importanza tal-lingwa. Il-lingwa hija dik li tgħaqqadna, dik li tagħmilna Maltin.

Għaliex veru llum, bħalma smajna dalgħodu, għandna barranin illi qegħdin jitgħallmu l-Malti, u jiena ngħid illi dan huwa eżempju tajjeb ħafna għalina illi jagħmlu minn kollox u jagħmlu sforz biex jitgħallmu l-lingwa, però rridu nifhmu wkoll illi l-Malti huwa dak illi jintiret minn ġenerazzjoni għall-oħra. U allura f’din il-Konferenza li se nagħmlu se nlaqqgħu flimkien esperti tal-Malti, ħa nlaqqgħu flimkien dawk li jirrappreżentaw lil għaqdiet tal-Malti, ħalli flimkien naraw it-triq ’il quddiem; x’irid isir, x’inhuma l-perikli li għaddej minnhom l-ilsien Malti u anki xi rridu nagħmlu biex inkunu iktar ċerti illi dan l-ilsien, bħalma qal tajjeb il-Ministru, ma jisparixxix, ma jitlaqx.

U jien qed ngħidu anki b’ċertu emozzjoni, biex ngħid hekk. U ma rrid li ħadd jieħu għalih. Għaliex illum il-ġurnata, sfortunatament, meta tiltaqa’ maż-żgħar, it-tendenza hi illi jkellmuk bl-Ingliż jew tisma’ lill-ġenituri tagħhom ikellmuhom bl-Ingliż. Issa ejja nagħmluha ċara tfal, u lit-tfal qed nindirizza dan l-appell, ħadd u qatt ma qal li aħna m’għandniex bżonn nitgħallmu lingwi oħra. Jekk taraw lil Dun Karm, mitt sena ilu kważi, apparti l-Innu Malti, qalha ċara u tonda li m’għandniex għalfejn inwarrbu l-Malti biex nitgħallmu lingwi oħra. Lingwi oħra għalina bħala pajjiż żgħir huma importantissimi għaliex bil-Malti biss ma nistgħux nagħmlu l-progress li hemm bżonn u lanqas inżommu pass mat-teknoloġija u t-tibdil li għaddej illum. U dan qed nagħmluh ċar, jiġifieri – u qed ngħidilkom, għadkom żgħar, ifhmu x’qed ngħidulkom u żommuhom f’moħħkom – importanti li titgħallmu lingwi oħra. Ħadd mhu qed jgħid illi m’għandekx titgħallem l-Ingliż jew il-Franċiż jew inkella ċ-Ċiniż jew l-Għarbi. Qegħdin ngħidu biss illi biex titgħallem dawn, m’hemmx għalfejn imma twarrab jew tinsa jew kważi kważi kultant, ħa ngħidha, nirredikolaw il-Malti: “U għax il-Malti!” Allura nitkellmu bl-Ingliż.

Il-fatt illi, bħalma qalu kemm il-Ministru u kemm anki r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni, aħna pajjiż tant żgħir li żammejna din il-lingwa, dan l-ilsien ħaj, huwa għalina xi ħaġa li għandna nkunu kburin u kburin ħafna biha għaliex ftit issib pajjiżi li għandhom dan l-ammont.

Għadni kemm kont kemm l-Irlanda u kemm il-Latvja. L-Irlandiż jiġġieldu biex iktar nies jitkellmu l-Irlandiż, għaliex ovvjament l-Ingliż ħa over kompletament. Il-Latvja, li hu pajjiż ta’ kważi inqas minn żewġ miljuni, interessajt ruħi nara kulleġġ li qegħdin jaħdmu fuq l-intelliġenza artifiċjali.

Illum qed insemmu l-QR Code. Jiena, ħa ngħidilkom, meta trabbejt jien la kellna tablets, la kellna mobile, bilkemm kellna telephone. Jiġifieri dawn l-affarijiet kollha ġodda, però, għall-grazzja t’Alla, il-Malti kompla jżomm il-pass tiegħu u anki qed jagħmel toroq ’il quddiem f’dawn l-oqsma.

Ġol-Latvja qed juruna kumpanija tal-intelliġenza artifiċjali kif jagħmlu translations, jaqilbu minn lingwa għall-oħra, u dawn, veru illi flimkien mad-dipartimenti tal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u anki mal-MCAST u mal-MITA, qegħdin jagħmlu translations, kif taqleb għall-Malti mil-Latvjan u mil-lingwi l-oħra. Issa dan għaliex? Għaliex huma għandhom poplu żgħir u qegħdin jaraw illi l-lingwa oriġinali, jekk mhux se jibżgħu għaliha, ħa tintilef. Għax meta jmorru biex jaqraw ifittxu fuq l-Ingliż, ifittxu fuq il-Ġermaniż, fuq il-Franċiż, imma x-xogħol li qegħdin jagħmlu huwa importanti immens u naf illi qegħdin jgħinuhom ħafna d-dipartimenti minn hawn Malta, kif semmejt, l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat u anki l-MITA.

Imma dana llum bit-teknoloġija inti għandek test bl-Ingliż jew bit-Taljan, tagħfas buttuna u jaqliblek għall-Malti, u Malti tajjeb, spellut tajjeb, iċ-ċ bit-tikka u l-affarijiet kollha li hemm bżonn.

Għaliex qed insemmih dan? Għaliex filwaqt li aħna hawnhekk, u dan huwa l-messaġġ li rrid nagħmel jien, filwaqt li aħna hawnhekk, u jiddispjaċini nerġa’ nirrepetiha, hawn min insibu min jipprova jwarrab il-Malti jew inkella jiddieħek bil-Malti: “U dan il-Malti fejn ħa tasal bih?”, nies bħal dawn barra minn pajjiżna qegħdin jużaw, fost il-ftit lingwi li qegħdin jagħmlu xogħol kbir fuqhom, il-Malti.

L-Estonjan, il-Latvjan, il-lingwa tal-Iżlanda, il-Malti u kien hemm pajjiż ieħor li bħalissa mhux qed niftakar x’kien. Ħames pajjiżi żgħar illi l-lingwa tagħhom qegħdin jagħmlu minn kollox biex isolvuha.

Issa kif qegħdin ngħidu, biex ma ntawwalx ħalli ma neħdilkomx ħafna ħin, għamlu referenza wkoll għal din il-pubblikazzjoni li qegħdin nagħmlu. Nerġa’ ngħid, jiena għalija din hija xi ħaġa illi diffiċli ħafna drabi biex nifhimha kif bil-mobile, għall-grazzja t’Alla, illum issib dik l-informazzjoni kollha u tidħol f’das-sites differenti u kollox, u ħa ngħidilkom, toqogħdux tibżgħu tużaw kliem modern għax ngħidu: “Dan mhux Malti?” M’hemmx għalfejn. Il-Malti kiber matul is-snin billi xorob ġo fih, billi żied mal-ilsien tiegħu kliem illi m’hemmx għalfejn noqogħdu nitqanżħu u nivvintaw translation bil-Malti, mhux bilfors.

Kif intqal diġà, l-ilsien qiegħed biex niftiehmu, biex nagħmlu kuntatt, mela jekk hemm kliem li hu użat barra u li hu tajjeb, speċjalment fejn jidħlu oqsma tat-teknoloġija, anki l-mediċina pereżempju. Jiena ġej minn dak il-qasam, ħafna mil-lingwa qatt ma ppruvajna nbiddluha; “appendicitis”, “appendicitis” baqgħet, mhux nivvintaw xi ħaġa li mbagħad ma tagħmilx sens, imma dak ma jfissirx li l-lingwa mhix b’saħħitha. Anzi. Ifisser li l-lingwa kapaċi tassorbi, kapaċi tixrob, dak il-kliem u tagħmlu.

Li jien nixtieq illi ninfluwenza fuqkom, fuq moħħkom, huwa l-fatt illi meta għandna kliem, meta għandna frażijiet, meta għandna espressjonijiet tal-Malti li huma popolari, li jinftiehmu, li huma tajbin, li jwasslu l-messaġġ, għalfejn għandna nbiddluhom biex indaħħlu xi ħaġa li tinstema’ iktar jew Ingliża jew inkella Taljana? Hemm ninkwieta jien għaliex hemmhekk nibdew nherru ftit il-lingwa li aħna qegħdin niftaħru biha u qegħdin nagħmlu minn kollox biex nippruvaw illi nsalvawha u nagħtuha iktar enerġija.

L-aħħar punt li rrid nagħmel huwa, b’apprezzament għal dawn l-istudenti li kien hawn hawnhekk, speċjalment il-barranin, illi maż-żmien, u dan qed ngħidu għaż-żgħar l-iktar, maż-żmien dawn mhux se jibqgħu barranin. Dawn mhux ħa jibqgħu barranin. Dawn huma parti mill-familja kbira Maltija. U iktar ma huma jagħmlu sforz biex jitgħallmu l-ilsien tagħna ħa jkellmuna, ħa niftiehmu aħjar, aħna rridu nkunu lesti wkoll illi nagħmlu l-ġest li naċċettaw, li nifhmu, mhux nikkritikawhom għax il-Malti mhux perfett. Mhux ovvja? Jekk nitkellem biċ-Ċiniż naħseb ma ngħidx kelma waħda jien. Dawn li jagħmlu sforz biex jitgħallmu l-Malti rridu ngħidulhom grazzi talli qegħdin jippruvaw jagħmlu l-ħajja tal-lum iktar faċli.

Id-dinja llum hija globalizzata, l-ebda pajjiż illum mhuwa ġens wieħed. Jekk tmur fejn tmur, kulħadd taħlit mid-dinja kollha u Malta mhux b’inqas. U allura jiena nagħlaq b’dan l-appell lilkom l-istudenti: hawnhekk din it-tendenza li wieħed jilqa’, li wieħed jinkludi, li wieħed jiġbor flimkien lil kulħadd hija parti mill-edukazzjoni tagħkom u nirringrazzja lill-mexxejja tal-iskejjel illi jdaħħlulkom dawn il-prinċipji ġo raskom.

Ma nistgħux nibqgħu ngħidu aħna Maltin biss irridu nkunu. Diġà m’aħniex. U intom tfal tridu titgħallmu, tridu tikbru ma’ sħabkom, hu x’inhu l-pajjiż li ġew minnu, u hu x’inhu t-twemmin reliġjuż tagħhom u l-kulur tal-ġilda tagħhom. Dawn l-affarijiet illum il-ġurnata ma jagħmlu ġid lil ħadd. U l-iktar ħaġa li mbagħad tista’ ġġibna flimkien, ovvjament, hija illi wieħed jirrispetta l-ilsien tagħna, id-drawwiet tagħna kif aħna wkoll imbagħad irridu anki nirrispettaw id-drawwiet tagħhom u anki l-kulturi tagħhom.

B’hekk biss nikbru bħala ċittadini tad-dinja. U tinsewx, b’ħafna minnkom naf żgur, illi f’ħajjithom ħa jfittxu jaħdmu barra, isiefru, jiġu, jistudjaw, u jekk mhux se tkunu preparati għal din id-dinja li hija multikulturali, ħa ssibu diffikultajiet.

U allura nagħlaq b’dan l-appell. Nixtiqilkom minn qalbi li tagħtu kas u tkomplu tistudjaw il-Malti tajjeb, tippreparaw ruħkom mad-dinja tal-lum u flimkien ma’ sħabkom Maltin u sħabkom barranin timxu ’l quddiem ħalli minn din l-iskola toħorġu tiftaħru, kif ħarġu ħafna fil-passat jiftaħru meta nsemmu l-Ħandaq, illi ħadu edukazzjoni tajba, preparazzjoni tajba, mhux biss biex jgħaddu mill-eżamijiet, imma għall-ħajja li tridu tiffaċċjaw meta tikbru.

Nirringrazzjakom.

Skip to content