George Vella

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, during the inauguration of Malta’s first Poet Laureate, 11th July 2023. (Speech in MT)

Sur Mark Camilleri, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb,

Mistednin Distinti,

L-ewwel nett, irrid ngħid li huwa ta’ gost u pjaċir tiegħi li nilqagħkom hawnhekk fil-Palazz ta’ Sant’Anton biex niċċelebraw il-poeżija Maltija u anki, ovvjament, il-ħidmiet tal-poeti Maltin b’dan ir-rikonoxximent ġdid imniedi mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Aktar milli rikonoxximent ġdid, din id-darba pajjiżna qiegħed illum iniedi l-kunċett ta’ ‘poeta lawreat’ – kunċett imnebbaħ mill-Griegi tal-qedem hekk kif kienu jonoraw u jagħtu rikonoxximent lill-eroj, fosthom ukoll il-poeti, billi jqiegħdu “l-lawrea” (kuruna tar-rand) (Laurus Nobilis) fuq rashom.  Il-kunċett evolva tul iż-żmien u llum insibuh użat minn bosta pajjiżi b’xi wħud minnhom ilhom jagħmlu użu minnu dan għal bosta sekli, kif intqal diġà.  Fil-Gran Brittanja, biex nagħtu eżempju, ir-rikonoxximent tal-poeta lawreat imur lura għas-seklu sbatax.

Wasal għaldaqstant il-mument ukoll għal pajjiżna li jagħmel dan il-pass u jintroduċi wkoll dan il-kunċett.  U hawnhekk irrid nifraħ lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb illi hekk kif ressaq dan il-proġett għall-attenzjoni tal-Uffiċċju tal-President, mill-ewwel aċċettajt li nagħti l-patronaġġ mistħoqq.

Il-poetessa Maria Grech Ganado, li llum hi l-ewwel Poeta Lawreata Maltija, żgur ma għandha bżonn l-ebda introduzzjoni.  Nifirħilha wkoll għall-ktieb ta’ poeżiji li t-tnedija tiegħu qegħdin niċċelebraw illum bl-isem ta’ ‘The Bell’ – li fih ovvjament ħafna mill-poeżiji li għadha kemm qrat bħalissa – b’versi miktuba bl-Ingliż.

Lil Maria mhux biss kont nafha fiż-żmien meta konna studenti fl-Università, li kienet għadha fi Triq San Pawl il-Belt, imma wkoll, u dan irrid insemmih hawnhekk, kelli x-xorti li l-papà tagħha Prof. Walter Ganado għamel snin jgħallimni fil-kors tal-Mediċina – mhux mediċina biss, kien jgħallimna kollox għax naħseb l-uniku persuna, jew l-iktar persuna, li fetħilna moħħna mhux fuq is-suġġett tal-fiżjoloġija u l-mediċina, imma fuq dak kollu li kien għaddej.  Imbagħad kien jiftakar li sar il-ħin, li ħa jagħlaq il-lekċer, u jgħidilna: “Komplu studjawh id-dar dak”, u nkomplu naqraw id-dar aħna.  Però, il-memorji tiegħu qed insemmihom b’sinċerità u b’ċertu apprezzament.

Ninsab infurmat ukoll li Maria Grech Ganado rebħet il-premju tal-pubblikazzjonijiet għal ħames kotba tal-poeżiji minn sebgħa li kitbet tul il-karriera tagħha u l-pinna tagħha nqalbet għal mhux anqas minn tnax-il lingwa.  Ir-rikonoxximent lejn ħidmet Maria Grech Ganado ngħata wkoll mill-predeċessuri tiegħi bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika fis-sena 2000 kif ukoll b’Dottorat ‘Honoris Causa’ mill-Università ta’ Malta għall-kontribut tagħha b’risq il-letteratura Maltija.

Maria, il-lawrea tal-lum ma hi xejn għajr rikonoxximent ta’ dak kollu li tajt, u f’turija ta’ apprezzament mistħoqq għal ħidmietek b’risq il-letteratura f’pajjiżna.

Iżda l-awgurju tiegħi llum imur lil hinn miċ-ċelebrazzjoni mistħoqqa ta’ dan l-unur mogħti għall-ewwel darba f’pajjiżna flimkien mat-tnedija ta’ dan il-ktieb tal-poeżiji. 

L-awgurju tiegħi hu li dan l-unur jagħti spinta u juri l-apprezzament u r-rikonoxximent mistħoqq lill-poeti Maltin u lill-poeżija Maltija bħala espressjoni artistika tal-ogħla livell.  Konxju tal-fatt li bosta pubblikaturi tal-kotba, kif smajna diġà, isibu ruħhom f’diffikultà meta jiġu biex jippubblikaw il-poeżija għaliex jidher li l-qarrejja huma spiss ftit u bosta drabi huma kotba tal-kurrikulu akkademiku tal-iskejjel tagħna li jagħtu spazju għall-poeżija, altrimenti hemm diffikultà.  Hawn bosta poeti Maltin li qed jiktbu poeżija tajba, imma l-poeżija ssibha aktar bi tqila fis-suq biex tinxtara.

Nittama wkoll li dan l-unur jirrikonoxxi l-għarfien u l-apprezzament lill-poeta Malti bħala l-vuċi tal-kuxjenza tas-soċjetà fl-ogħla livell tal-istat.  Għaliex il-kitba tal-poeżija hi spiss mnebbħa minn kuxjenza u emozzjonijiet miktuba b’lingwa u b’idjoma rfinata.  Il-poeżija li “tirfina” lin-nies, allura tirfina lis-soċjetà, u tagħmilna aktar sensibbli.  “Tirfina” wkoll lil-lingwa li tkun miktuba biha u żżejjinha bir-rikkezza ta’ kif jiġu espressi l-ħsibijiet miġbura u maħsuba f’moħħ il-poeta.

Nagħlaq billi nawgura lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb biex ikompli bil-ħidma tiegħu li jonora x-xogħlijiet tal-poeti Maltin, f’dal-każ ta’ poeti li spikkaw bħal Maria Grech Ganado; jirrikonoxxi xogħolhom bħala servizz lejn ir-Repubblika u lejn l-iżvilupp kulturali ta’ pajjiżna.

Nawgura li s-sistema edukattiva tagħna wkoll tixpruna aktar il-qari ta’ poeżiji, kemm Maltin kif ukoll f’ilsna barranin, f’kull livell edukattiv.

Nirringrazzjakom.


Skip to content