George Vella

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, during the EkoSkola Green Flag award ceremony, 13th November 2023. (Speech in MT)

Jiena ħsibt li kien ilu li għadda ż-żmien li nirċievi borża ta’ San Martin, li kienet verament sorpriża. Xi ħaġa li meta konna żgħar konna nistennewha, imma llum il-ġurnata ħafna minn dawn id-drawwiet sfortunatament insejniehom.

Sinjuri,

L-ewwel nett, bi pjaċir qiegħed nerġa’ ningħaqad magħkom din is-sena, kif semma s-Sur Attard, biex nagħtu ġieħ lil gruppi ta’ studenti, għalliema, u l-iskejjel għall-involviment tagħhom f’ħidma siewja fil-qasam tal-ħarsien ambjentali u tas-sostenibbiltà.

Irrid nagħmel qabel kollox differenza li s-sostenibbiltà li nitkellmu fuqha, u hawnhekk għandna l-għanijiet sostenibbli, mhix biss l-ambjent. L-ambjent huwa wieħed minnhom, però hemm ħafna affarijiet li mhumiex l-ambjent imma li jikkontribwixxu għal mhux biss l-ambjent fiżiku (il-ħmieġ, l-ilma, l-arja, il-kwalità), imma l-ambjent soċjali (in-nuqqas ta’ ġuħ, in-nuqqas ta’ ugwaljanza fis-soċjetà, ir-rispett lejn xulxin, l-edukazzjoni); dawn huma l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, ħalli ma nħalltuhomx flimkien. L-ambjent huwa parti minnhom: climate change u climate action.

Però rridu nifhmu, u hawnhekk jiena jiddispjaċini forsi nibda fuq nota kemm kemm negattiva, li minkejja kollox u minkejja l-iżviluppi kollha, dawk, li suppost kellna nilħquhom sas-sena 2030, qegħdin biss seba’ snin ’il bogħod milli nilħquhom. U f’seba’ snin, sfortunatament, ma rridx inkun negattiv, imma diffiċli biex nilħquhom kollha. Intlaħqu ħafna minnhom, sar ħafna progress, kienu strumentali biex jindirizzaw l-attenzjoni tagħna f’ħafna affarijiet, u naħseb illi bla ma wieħed ikun kritiku, ma jfissirx li għax inti ma tilħaqx l-għanijiet tiegħek mija fil-mija, dak li tkun ilħaqt ma tridx tapprezzah.

U jiena qiegħed hawn biex inkompli nieħu l-opportunità biex anki nwassal l-apprezzament tiegħi lil Nature Trust – FEE, li din is-sena wkoll qed torganizza edizzjoni oħra ta’ din iċ-ċerimonja.

Permezz tal-viżjoni tal-fundatur tagħha, u rrid niftakar hawnhekk fis-Sur Guido Lanfranco, Nature Trust ilha għal dawn is-snin kollha tixpruna u trawwem ġenerazzjonijiet ta’ żgħażagħ biex jiżviluppaw imħabba u ġibda favur is-sostenibbiltà u l-ħarsien tal-ambjent.

Illum rajna eżempju ta’ kif qegħdin ninvestu mhux fil-futur, ngħid jien, fil-preżent. Dawn iż-żgħażagħ kollha, dawn it-tfal kollha li rajniehom min jitgħallem iħawwel xi affarijiet, min isajjar, min jirriċikla l-ħwejjeġ, min jagħmel il-kompost, dawn huma kollha affarijiet illi qegħdin niżirgħu f’moħħ dawn iż-żgħażagħ tagħna illi huma jridu jiffaċċjaw, allaħares qatt, l-affarijiet negattivi li jistgħu jiġru, diġà qegħdin naraw jiġru, madwarna jekk kemm-il darba mhux ser nieħdu ħsieb l-ambjent.

Mhux ser noqgħod insemmi n-nirien li kellna matul is-sena, mhux ser noqgħod insemmi l-għargħar li kien hemm ġewwa l-Libja, mhux ser noqgħod insemmi l-affarijiet kollha negattivi li kellna, però m’hemmx dubju illi n-natura qed tgħidilna: “Ħudu ħsieb għaliex insulentajtuni biżżejjed”. U jekk aħna m’aħniex ser inkunu fil-ħin biex nippruvaw ma nkomplux inniġġsu l-atmosfera, jiddispjaċini ngħid li t-tfal tagħna, mhux ġenerazzjonijiet oħra, it-tfal tagħna, ħajjin diġà, fi żmien 10/15/20 sena, ħa jkunu huma illi jkollhom jiffaċċjaw dawn il-problemi.

Fi żmien, qed nirreferi għal żmien Lanfranco, meta l-għarfien b’mod ġenerali fuq il-ħsara li kienet qiegħda ssir lill-ambjent kien kważi tista’ tgħid ineżistenti, u rridu nifhmu li sas-sebgħinijiet kienu ħafna pajjiżi Ewropej li kienu lanqas biss għandhom Ministeru tal-Ambjent, il-kuxjenza ma kinitx hemm, bdiet dieħla bil-mod il-mod meta bdejna naraw l-effetti negattivi fuq ħajjitna u ħafna drabi kienu bdew anki minn dik li hija tniġġis li kien imur minn pajjiż għal ieħor u jaffettwa anki l-istatistika tal-mard, u b’hekk is-Sur Lanfranco kien għażel li jwaqqaf din l-organizzazzjoni biex jaħdem favur il-bijodiversità u l-preservazzjoni tal-flora u l-fawna ġewwa pajjiżna.

Is-Sur Lanfranco emmen bis-sħiħ li l-edukazzjoni u t-tixrid tal-għarfien dwar il-konservazzjoni ambjentali kienu kruċjali sabiex l-ambjent naturali jiġi mħares mill-ħsara li kull wieħed u waħda minna jista’ jagħmillu.

Illum il-ġurnata l-ħsara saret u lkoll nafu l-atmosfera minn xiex qiegħda tbati.

Il-kwistjoni kollha qiegħda illi bħala pajjiż, aħna pajjiż żgħir, illi ma nsibux faraġ meta ngħidu li l-kontribut tagħna kien ftit biex niġġisna l-atmosfera – bħala pajjiż żgħir kemm stajna ħammiġna ħdejn pajjiżi kbar oħra? – però l-gwaj hu li l-atmosfera ddur mad-dinja kollha u dak li jagħmel il-kbir jolqot lilna wkoll u ma ngħidux: “Aħna ma konniex parteċipi fiha din”. U allura rridu anki minkejja kollox u l-kontribut żgħir tagħna, naraw kif ser nagħmlu biex innaqqsu minn dak illi anki fil-passat stajna għamilna. U rajna ħafna inizjattivi fit-tfal illi qed idaħħlu din il-kuxjenza ġewwa moħħhom ħalli jkunu jafu.

L-argument kollu llum il-ġurnata mhux tant kemm nistgħu nreġġgħu lura dak li ħammiġna, imma kif ħa nsibu t-teknoloġija li dak il-karbonju li hemm fl-atmosfera u l-methane li hemm fl-atmosfera nibdew nixorbuhom lura ħalli nnaqqsu mill-ħsara li qed jagħmlu fuq it-temp tad-dinja kollha.

Permezz tal-impenn tagħkom, l-istudenti li rajna llum tal-EkoSkola qed ikomplu jibnu fuq il-ħolma tas-Sur Lanfranco.

F’dan il-kuntest, ikun xieraq li nirringrazzja b’mod speċjali lil dawk l-edukaturi u l-kapijiet tal-iskejjel li bil-ħidma tagħhom – rajniehom hawnhekk jakkumpanjaw it-tfal – ġenerazzjonijiet ġodda ser ikunu jistgħu jagħtu sehemhom biex tiġi miġġielda l-iktar sfida li qegħdin inħabbtu wiċċna magħha bħalissa, jiġifieri t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali ta’ madwarna, u iktar ’il bogħod minna.

L-iskejjel mhuwiex xogħolhom biss biex l-istudenti jitgħallmu minn fuq il-bank u minn fuq il-kotba, u mhux biss jgħallmu l-aritmetika u l-Ingliż. L-iskola, u hawn qed naraw ħafna każi u nifirħilkom u nawguralkom ta’ dan li għamiltu, hija ċentru edukattiv ħaj li tagħti s-setgħa u tħeġġeġ lill-istudenti sabiex ikollhom dawk l-għodod neċessarji li jgħinuhom iwettqu l-bidla għall-aħjar, li jirrealizzaw li huma ċittadini ta’ dan il-pajjiż u li kull wieħed u waħda minnhom għandu d-dover u għandu l-obbligu illi jagħmel il-parti tiegħu. Però ma tistax tikkonvinċi lil min jaġixxi u jikkoopera, jekk ma tikkonvinċihx u tgħallmu għaliex qed jagħmel dak li qed jagħmel, u dan hu s-sabiħ illi meta wieħed jara dawn l-inizjattivi li semmejtu, forsi wieħed jgħid inizjattivi żgħar, veru żgħar, però qegħdin jiżirgħu f’moħħ it-tfal, f’moħħ iż-żgħażagħ tagħna, dawk l-ideat u dawk il-pjanijiet biex ikunu jistgħu jikkontribwixxu mal-bqija tad-dinja kollha.

U għalhekk huwa dover tagħna li nkomplu nitkellmu u nsostnu fuq is-sostenibbiltà, anki minn età żgħira.

Is-Sur Attard għamel referenza għall-influwenza li għandhom it-tfal fuq il-ġenituri, fuq in-nanniet, meta jmorru u jippritkaw u jiġbdu l-attenzjoni għal min ikun qiegħed jagħmel affarijiet li nixtiequ li ma jagħmluhomx.

Jien niftakar meta kont nipprattika, meta kellna kampanja sħiħa kontra t-titjib minkejja l-posters kollha, l-iktar li naf dawk li kienu jiġu jgħiduli: “Dan waqqafni ta, daż-żgħir. Għax kull darba li jarani ħa npejjep jgħidli: ‘Int ma tħobbnix, ħa tmut u ħa tħallini mingħajr papà’”. U dawk huma messaġġi illi t-tfal jistgħu jwasslu lill-ġenituri tagħhom u anki jkollhom effett kbir.

U għalhekk bi pjaċir nosserva li l-EkoSkola kompliet tadotta politika inklussiva mibnija fuq djalogu u investiment u involviment tal-istudenti.

Il-mira tal-EkoSkola hi li permezz tal-iskejjel tagħna, l-istudenti jikbru f’individwi b’sens ċiviku b’saħħtu. Huwa importanti li t-tfal u ż-żgħażagħ ikunu involuti fid-deċiżjonijiet u inizjattivi fl-iskejjel fejn tidħol is-sostenibbiltà u l-ħarsien ambjentali. Dawn jieħdu deċiżjonijiet mhux għax ikkmandati jagħmluhom, jew imġegħlin jagħmluhom, imma għaliex jifhmu fuqiex qegħdin jitkellmu u jħossu l-bżonn għax ikunu konvinti illi dak qed isir għall-ġid ta’ kulħadd.

Sinjuri,

Il-Premju Green Flag huwa ċertifikat prestiġjuż li jixhed l-isforz tal-iskejjel biex irawmu stil ta’ ħajja sostenibbli fost l-istudenti żgħar tagħna.

Irrid naċċenna fuq kemm dan huwa premju magħruf globalment u kif huwa mibni fuq livelli ta’ kwalità internazzjonali. Dan ifisser li intom qed tagħmlu parti minn programm prestiġjuż u b’saħħtu li jinkludi, kif diġà ntqal, mal-20 miljun student minn madwar id-dinja f’59,000 skola f’74 pajjiż differenti; li hija xi ħaġa verament globali.

Waqt żjarat fl-iskejjel u fil-kuntatt li jkolli mat-tfal u ż-żgħażagħ, li huma ftit ristretti, dejjem nimpressjona ruħi u nagħmel kuraġġ kif dawn huma tassew konxji fuq il-bżonn ta’ iżjed għarfien dwar is-sostenibbiltà u l-ħarsien ambjentali. It-tfal tal-lum u ż-żgħażagħ tal-lum huma ħafna iktar mit-tfal ta’ ftit snin ilu. Mhux qed immorru snin twal lura ta, ftit snin ilu. Ftit snin ilu din il-kuxjenza ma kinitx qiegħda hemmhekk. U għalhekk kultant inħoss li dawn iċ-ċkejknin għandhom ħafna iktar x’jgħallmuna bl-eżempju tagħhom.

Dan nista’ nifhmu għaliex dawn huma l-ikbar sfidi ta’ żmienhom.

Iktar minn hekk, dawn huma l-perikli li jkollhom jiffaċċjaw matul ħajjithom ftit għexieren ta’ snin oħra mil-lum, jekk inħallu l-ħsara tal-ambjent u t-tibdil fil-klima għaddejjin qisu mhu qed jiġri xejn.  

F’dan il-kuntest, il-vuċi u l-attiviżmu tagħkom huma importanti biex inwettqu l-bidla li tant għandna bżonn – anki fuq livell globali.

Għeżież studenti u għeżież għalliema,

Il-parteċipazzjoni tagħkom fl-EkoSkola huwa eżempju ċar tal-entużjażmu u d-determinazzjoni biex tkunu vuċi ewlenija favur il-bidla favur l-ambjent u l-kwalità ta’ ħajja aħjar.

L-impenn tagħkom mhux qed ikun biss ta’ eżempju tajjeb għal sħabkom u studenti oħra. Iktar minn hekk, intom qed tkunu wkoll ta’ eżempju għalina l-kbar, li ħafna mid-drabi nkunu l-kaġun prinċipali tal-ħsara li ssir lill-ambjent u li aħna responsabbli għal ħsarat li diġà seħħew għaliex ma konniex nafu biżżejjed, jew agħar minn hekk, ma impurtaniex u poġġejna interessi ekonomiċi u finanzjarji qabel dawk ambjentali. U dan jgħodd fuq skala mhux biss personali imma anki fuq skala nazzjonali.

Id-dinja tagħna hija dinja fraġli u prezzjuża, u tirrikjedi rispett u t-tisħiħ ta’ prattiki sostenibbli. U kif dejjem ngħidu, m’għandniex dinja oħra. M’hemmx Plan B. Din hija l-pjaneta li qegħdin fuqha u rridu nagħmlu minn kollox biex nibqgħu ngħixu fuqha.

U għalhekk inħeġġiġkom biex tkomplu tkunu ambaxxaturi żgħar favur il-ħarsien tal-ambjent.

Kif qed taraw, l-ambjent m’għadniex nitkellmu fuqu fl-ajru. Nitkellmu fuq l-ambjent. Ħafna jgħidulek: “Imma dan x’inhu?” Milli rajt u mill-ħafna pjanijiet u proġetti li għamiltu fl-EkoSkola, ħafna minnkom qed jiġu mgħallma b’mod prattiku xi jfisser l-ambjent. Tmissu b’idejkom, tieħdu parti fil-programmi u tibdew tifhmu illi l-ambjent huwa xi ħaġa illi jeżisti u mhux biss fittizju jew inkella idea li jitkellmu fuqha l-kbar.

Jien ninkoraġġikom bis-sħiħ biex tkunu kritiċi u anki voċiferi – tgħollu leħinkom – lejn dawk li ma jiħdux ħsieb l-ambjent. Tiddejqu qatt tgħallmu jew tikkoreġu lill-adulti ta’ madwarkom fuq kif għandhom ikunu iktar konxji fuq it-tniġġis u l-ħarsien ambjentali.

Tul din il-Presidenza, jien dejjem sħaqt fuq kif il-ħarsien tal-ambjent naturali huwa essenzjali mhux biss għas-sostenibbiltà, imma wkoll għall-kwalità tas-saħħa fiżika tagħna u iktar u iktar fuq is-saħħa mentali.

Bħalma nafu, il-problema tas-saħħa mentali f’pajjiżna, sfortunatament, hija mifruxa sew u m’hemmx dubju illi ħafna mill-każi jibdew mill-fatt li madwar l-individwu ma jkunx hemm ambjent illi jgħinu ħalli jgawdi l-ġmiel tan-natura. U meta naraw dan l-impatt fuq ammont ta’ bini illi qed kontinwament jibla’ iktar art, fuq traffiku illi l-ħin kollu mwaħħal minħabba l-ammont enormi ta’ karozzi li għandna, ħadt gost nara hawnhekk ħafna inizjattivi li qed idaħħlu l-idea ta’ bicycle, però mbagħad irridu hemmhekk ukoll mhux biss nitkellmu fuq mezz ġdid, imma rridu wkoll naraw li dak il-mezz ikun sikur u li min jużah ma jkunx qiegħed jipperikola ħajtu minħabba in-nuqqas ta’ attenzjoni tal-oħrajn illi jkunu qegħdin fil-karozzi. Din hija xi ħaġa illi hemm bżonn pjanijiet fit-tul ħalli b’mod minnhom insolvu problema li għandna, però fl-istess ħin ukoll inkunu qegħdin ningaġġaw f’dak li huwa iktar favur l-ambjent.

Nirrepeti b’enfasi din il-kwistjoni: l-ambjent mhuwiex biss kapriċċ, inżommuh nadif, huwa bżonjuż għas-saħħa fiżika u, nerġa’ ngħid, iktar u iktar għas-saħħa mentali tan-nies stess, u dan speċjalment tat-tfal u ż-żgħażagħ, iżda m’hemmx dubju wkoll ovvjament anki għall-anzjani. Matul il-COVID irrealizzajna u tgħallimna lezzjonijiet kbar dwar kemm hu bżonjuż l-ambjent, il-libertà, il-ftuħ u l-arja għall-individwu. L-anzjani tagħna li sabu ruħhom magħluqin minħabba r-restrizzjonijiet, li ma stajniex nagħmlu mod ieħor, ovvjament urewna l-ħsara li ssir fuq is-saħħa mentali.

U allura nagħmel enfasi mill-ġdid: il-ħarsien tal-ambjent mhux kapriċċ, imma huwa dover.

Irridu nżommu f’moħħna li dak kollu li neqirdu llum ser jispiċċa darba għal dejjem. L-użu mhux sostenibbli tar-riżorsi u l-qerda tal-ftit spazji miftuħa ambjentali li għandna huma ta’ ħsara u theddida diretta kemm għalina, kif ukoll għal dawk il-ġenerazzjonijiet li għadhom iridu jiġu biex igawduhom. U dan imur kontra l-kunċett tas-sostenibbiltà illi bħalma tafu, tgħallmuhuli, aħna qegħdin mislufin dan l-ambjent biex inħarsuh u ngħadduh lil ta’ warajna bla ma nkunu ħadna xejn minnu li ma jistax jerġa’ jiġi poġġut hemmhekk.

L-ambjent mhux tagħna. L-ambjent huwa misluf lilna mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin biex nagħtuhulhom lura aħjar milli sibnieh. U din nirrepetiha u daħħluha f’ras it-tfal: l-ambjent misluf lilna mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin biex nagħtuhulhom lura aħjar milli sibnieh.

Min-naħa l-oħra dak li nindukraw illum, kif qegħdin tagħmlu intom fl-iskejjel taħt it-tmexxija għaqlija tas-surmastrijiet u t-teachers tagħkom, ser jibqa’ jagħti l-frott fil-ġejjieni. Għalhekk, huwa ferm iżjed importanti li intom it-tfal u ż-żgħażagħ tibqgħu tkunu minn tal-ewwel biex tkomplu tagħtu eżempju favur il-protezzjoni tal-ambjent.

Naħseb li tawwalt xi ftit mhux ħażin u allura nikkonkludi billi nifraħ lil dawk l-istudenti kollha li bi sforz u ħidma kollettiva eżemplari, l-iskola tagħhom issa akkwistat il-Premju Green Flag. Nirringrazzjahom ukoll għaliex bl-eżempju u l-ħidma tagħhom mhux ser tibbenefika minnhom biss l-iskola tagħhom, imma ser jibbenefika wkoll il-pajjiż kollu.

Grazzi lill-istudenti u grazzi lill-għalliema.

Kelma tal-aħħar, apprezzajt dak kollu li għamiltu u ċ-ċertifikati li tajtu, però nista’ ngħidilkom li apprezzajt ħafna u ħafna iktar l-aħħar ġest ta’ donazzjoni tat-tfal għall-Community Chest Fund. U lit-tfal hawn nappellalhom ħaġa waħda biss: dak li qed tagħmlu, meta tagħmlu hekk, tkunu qegħdin tgħidu: “Jiena jimpurtani minn dak li marad, jien jimpurtani minn dak li għandu bżonn, jien jimpurtani minn dak li ħa jmur ifittex l-għajnuna għaliex għandu bżonn min jgħinu”. Dak huwa statement li qegħdin tagħmluh u jekk kemm-il darba tibqgħu żżommuh ġo moħħkom, jibqa’ jgħinkom għall-futur ta’ ħajjitkom.

Nirringrazzjakom.

-tmiem-

Skip to content