George Vella

Speech by H.E. George Vella, President of Malta, during the annual ‘Active Ageing Awards’ event, 27 October 2023 (Speech in MT).

Onorevoli Ministru,

Segretarju Permanenti,

Onorevoli Membri,

Dr De Gabriele,

Mistednin Distinti,

L-ewwel nett, nixtieq nirringrazzjakom ta’ din l-istedina għaliex, kif qal anki l-Ministru, din hija okkażjoni li tagħtik pjaċir li tkun qiegħed hawnhekk u tara dan ir-rikonoxximent ta’ nies ta’ ċertu età li jibqgħu attivi fis-soċjetà u mhux biss, imma anki jikkontribwixxu.

Kif għidna diġà, din hija ċelebrazzjoni kemm tax-xogħol, ċelebrazzjoni tal-impenn ta’ ċertu nies u anki ċelebrazzjoni tad-dedikazzjoni li ċerti wħud għandhom fis-settur tal-anzjanità attiva.

Jiena nilqa’ bis-sħiħ il-ħsieb ta’ dan l-avveniment annwali ddedikat lill-anzjani li juri biċ-ċar l-apprezzament tagħna l-Maltin lejn min ta sehmu għas-soċjetà Maltija matul is-snin.

Jiena mhux ser inkun kontroversjali fil-ħsibijiet tiegħi bħalma kien il-Ministru. Kontroversjali fis-sens pożittiv għaliex hemm ħafna x’wieħed jgħid fuq l-anzjanità u l-kunċett tal-“ageing”, imma anki l-prospetti tal-futur li qegħdin jiġu diskussi u studjati għaliex hemm studji kbar li jgħidu li konvinti li kapaċi jwasslu l-ħajja tal-bniedem li tmur ’il bogħod, kważi kważi, anki għal 100/120 sena. Però l-ikrah tagħha huwa l-fatt, u anki aħna ngħaddu minnu qegħdin, li aktar ma jkollna nies li jilħqu ċerta età, sfortunatament, aktar għandna minnhom li jkunu mbagħad suġġetti għal kundizzjonijiet bħad-dimenzja, Parkinson’s u affarijiet bħal dawn. Jiġifieri hemm l-aspett li tieħu pjaċir, tas-saħħa, imma hemm anki aspetti oħrajn li mhumiex daqshekk sbieħ. U allura mbagħad anki dawn joħolqu problemi soċjali, problemi mediċi u wieħed irid jaħseb u jippjana għalihom.

Din is-sena f’dan l-avveniment qegħdin naraw element ta’ innovazzjoni għax minbarra premjijiet għal persuni anzjani li baqgħu attivi, hemm ukoll kategoriji għal proġetti jew inizjattivi li setgħu jitwettqu minn individwi ta’ kull età u entitajiet jew organizzazzjonijiet li permezz tal-proġett jew l-inizjattiva ffaċilitaw l-anzjanità attiva.

Dawn huma kategoriji ġodda li jirriflettu l-iżvilupp u t-tiġdid kontinwu li qed iseħħ ġewwa pajjiżna, li permezz tagħhom, kulħadd – inklużi l-anzjani tagħna – ma jibqgħux lura, jew saħansitra l-art.

Issemma ħafna fost l-oħrajn, u fost l-oqsma li semmejna, l-innovazzjoni, issemmiet anki t-teknoloġija – ħafna jgħidulek: “l-anzjani u t-teknoloġija… dik ġiet wara żmienhom”, is-solidarjetà interġenerazzjonali.

Il-ħsieb wara dan kollu huwa li jitħajru aktar entitajiet u organizzazzjonijiet biex jinvolvu anzjani fi proġetti u anki joffru opportunitajiet biex l-anzjani jużaw l-abbiltajiet tagħhom u jaqsmu l-għarfien ma’ min huwa iżgħar minnhom. Dan il-kunċett ta’ “intergenerational cooperation”.

Żgur li taqblu miegħi meta ngħid li ħadd minn min ġie nnominat, ma ħadem għal xi premju jew għal xi rikonoxximent. Ħadem għax ried jagħmel, ħadem għax kien qed jieħu pjaċir u ovvjament imbagħad kien hemm min ressaq ismu biex jiġi rikonoxxut.

Dak li jimmotivahom huwa bla dubju ta’ xejn is-sodisfazzjon personali li bil-ħidma tagħhom ikunu qed itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ individwi oħra – ħafna drabi, kif issemma diġà, fl-anonimità, minn wara l-kwinti u billi jkunu ta’ eżempju għal ħaddieħor.

Apparti minn din il-premjazzjoni nfisha, illum hija okkażjoni tajba biex nirriflettu dwar kif is-soċjetà tħares lejn l-anzjanità – fiex wasalna, x’jista’ jsir aktar u dak li l-anzjani stess jixtiequ li jaraw jinbidel.

Sinjuri,

Jiena naħseb li lkoll naqblu li l-età m’għandhiex tkun ta’ xkiel biex persuni jkomplu jinvolvu ruħhom u jkollhom ukoll rwol ċiviku fil-komunità.

Anzi għandna nindirizzaw sterjotipi bbażati fuq l-età, li anki l-Ministru għamel referenza għaliha, li hija forma ta’ diskriminazzjoni, biex ma jkun hemm l-ebda ostaklu jew impediment biex dan jista’ jkun possibbli. Però din għandha ħafna konnotazzjonijiet anki f’dawk li huma impjiegi u f’dawk li huma postijiet f’ċertu ġerarkiji.

Persuni akbar fl-età għandhom jingħataw kull spazju u fakultà li jkomplu jużaw l-għarfien u l-abbiltajiet tagħhom għall-ġid tagħhom u tal-komunità nfisha.

Dawn l-għerf u l-esperjenza ma jistgħux jintilfu. Mhumiex xi ħaġa antika jew żejda, iżda bżonn f’kull soċjetà moderna, hi kemm hi moderna; li wieħed jagħmel użu minn dak l-għarfien akkumulat li jkun hemm fl-anzjani tagħna.

Huwa fatt li kulħadd għandu sehem x’jagħti f’dan il-proċess. Min f’dak li huwa għerf, min f’dak li huwa snajja’, min f’dak li huwa affarijiet oħra.

L-awtoritajiet governattivi għandhom rwol fundamentali x’jaqdu biex dan iseħħ. Il-viżjoni hija msejsa sew, hekk kif fl-2014 tnediet l-ewwel Strateġija Politika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva, u din is-sena, wara konsultazzjoni pubblika, ġiet varata l-Istrateġija Nazzjonali l-ġdida dwar l-Anzjanità Attiva. 

Lil hinn minn dan, entitajiet bħall-Kunsilli Lokali, entitajiet governattivi u għaqdiet mhux governattivi jistgħu joffru opportunitajiet varji biex iħeġġu lill-anzjani jitgħallmu u jaqsmu l-għarfien, esperjenza fid-dinja tax-xogħol, tradizzjonijiet, valuri u ħafna aktar bejniethom u anki ma’ ġenerazzjonijiet oħra.

Kif jaf kulħadd, f’Malta għandna popolazzjoni qed tikber fl-età u għalhekk huwa importanti li l-awtoritajiet ma jħarsux biss lejn l-anzjani tal-lum iżda jippreparaw ukoll, kif diġà għamilt aċċenn fil-bidu, għall-anzjani tal-ġenerazzjonijiet futuri.

B’mod tanġibbli u konkret, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità toffri diversi servizzi għall-anzjani kemm fil-komunità kif ukoll fid-djar residenzjali.

Jeżistu bosta servizzi maħsuba biex jgħinu lill-persuni li jkollhom diffikultajiet biex jibqgħu indipendenti u jkompli jgħixu fil-komunità waħedhom.

Dawn is-servizzi qegħdin kulma jmorru jespandu biex jolqtu l-bżonnijiet dejjem aktar wiesgħa ta’ numru dejjem akbar ta’ nies.

Il-benefiċċji u r-riżultati jistgħu jissarrfu ta’ kuljum.

Bosta Ċentri għall-Anzjanità Attiva joffru opportunità ta’ soċjalizzazzjoni, tagħlim informali bħall-attività fiżika – kif rajna, sessjonijiet dwar storja u kultura, attivitajiet dwar arti u drama, ħruġ kulturali, parteċipazzjoni f’festivals lokali, programmi ta’ memory training, taħriġ dwar l-informatika u s-sigurtà online, u bosta programmi oħra ta’ tagħrif u informazzjoni.

F’dawn iċ-Ċentri hemm diversi membri li huma stess huma attivi ħafna billi jgħinu fit-tmexxija taċ-ċentru, jorganizzaw attivitajiet lil sħabhom, jgħallmu u jaqsmu l-għarfien tagħhom mal-membri b’mod volontarju.

Dawn il-membri ħafna drabi jipparteċipaw fi programmi interġenerazzjonali biex jaqsmu l-għarfien, il-valuri u l-esperjenza tagħhom ma’ ġenerazzjonijiet iżgħar inkluż tfal u żgħażagħ. Tajjeb ukoll li persuni rtirati jitħajru jidħlu bħala tutors u joffru opportunitajiet ta’ tagħlim lill-anzjani l-oħra bi ħlas.

Hemm ukoll il-proġetti ta’ School Grannies, li ssemmiet diġà, fejn persuni akbar fl-età jkunu fejn l-iskola biex jilqgħu lit-tfal u jgħinuhom jinżlu mit-trasport, jaqsmu it-triq, u jintegraw mat-tfal ħdejn l-iskola.

It-tagħlim m’għandux jieqaf mal-età.

F’dan il-kuntest, huwa ferm pożittiv kif l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandha ftehim mal-Università tat-tielet età u hemm ċentri apposta b’kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet. 

Bdew ukoll ċentri tar-raba’ età fid-djar residenzjali fejn ikun offrut tagħlim lill-persuni bid-dimenzja fiċ-Ċentri ta’ matul il-jum għal persuni bid-dimenzja u residenti fid-djar tal-anzjani.

Huwa wkoll fi dmirna li nħarsu lill-anzjani minn sitwazzjonijiet ta’ vulnerabilità speċjalment fuq affarijiet li forsi matul ħajjithom ma kinux wisq esposti għalihom.

Ħadt pjaċir naqra dwar kif qed jiġu organizzati diversi seminars dwar l-abbuż u l-frodi finanzjarju għall-anzjani fil-komunità kif ukoll għall-anzjani fid-djar residenzjali.

Dan it-taħriġ ġie offrut ukoll lill-impjegati biex ikunu aktar preparati kif jidentifikaw u jgħinu anzjani li huma vittmi ta’ abbuż. Isiru wkoll seminars dwar immaniġġjar tal-finanzi u internet banking – żewġ aspetti importanti ħafna fid-dinja tal-lum.

Il-COVID uriena kemm l-anzjani huma fost dawk li l-aktar ibatu mis-solitudni, sens ta’ abbandun u qtigħ il-qalb. Iżda dawn is-sensazzjonijiet koroh u biżgħat mhumiex marbuta biss mal-pandemija.

Sfortunatament, ħafna anzjani għadhom jgħaddu minn dan anki llum.

Huwa għalhekk importanti li jkompli jissaħħaħ is-servizz ta’ sapport psikoloġiku kemm fil-komunità kif ukoll fid-djar residenzjali.

Ħafna mill-anzjani li kelli l-opportunità niltaqa’ magħhom minn kemm ilni President, ma jgergrux minn xi wġigħ fiżiku jew mediku. L-ewwel ħaġa li jgħidulek hija: “kemm inħossni waħdi u kemm jiena mdejqa li jiena waħdi”.

Kliem li żgur isewdilna qalbna.

Hawnhekk irrid ukoll nisħaq li anki f’ċirkostanzi fejn xi anzjani għandhom bżonn l-għajnuna, ma rridux inħarsu lejhom bħala persuni dipendenti jew, agħar minn hekk, bħala persuni ta’ valur sekondarju li b’xi mod jew ieħor tnaqqsitilhom id-dinjità tagħhom.

Sinjuri,

Dawn l-inizjattivi kollha li għadni kemm semmejt juru sew kemm ittieħdu passi bżonjużi u f’waqthom sabiex l-anzjani tagħna jgawdu minn attenzjoni u sforzi kbar biex jibqgħu membri sħaħ tal-komunitajiet tagħna.

Ninsab ċert li l-ħidma ser tibqa’ tikber fid-direzzjoni t-tajba.

Naf li hemm bosta proġetti konkreti għall-futur, fosthom sapport miżjud lill-informal carers, proġetti ta’ kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, inizjattivi maħsuba biex ibattu mis-solitudni, u l-involviment ta’ anzjani bħala tutors.

Kemm hu sabiħ dan il-kunċett, li flok inwarrbu lil min għandu esperjenza biex ibigħ, jindukrawh bħala gwida tagħna.

Ma nixtieqx intawwal wisq, u allura nikkonkludi billi nifraħ mill-qalb lil dawk kollha li qed jiġu ppremjati llejla, kif ukoll lil dawk li ġew nominati. Fuq kollox ngħid ‘Grazzi’ kbira li dawk kollha, Maltin u barranin fostna, li jżommulna l-anzjani tagħna f’saħħithom, attivi, imħarsa u apprezzati.

U l-aħħar kelma hija lill-ġurija li kellhom xogħol mhux tant faċli biex jiddeċiedu min ikunu r-rebbieħa.

Nirringrazzjakom.

Skip to content