George Vella

Speech by H.E. George Vella during “Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija – 2023”, 21st July 2023. (Speech in MT)

Patri Dijonisju,

Eċċellenza Nunzju Appostoliku,

Sinjuri,

Għalliema u Edukaturi,

Membru Parlamentari Karmenu,

Diffiċli li wieħed jipprova jtejjeb jew imur iktar fil-fond fuq dawk il-ħsibijiet li għadek kemm esprimejt fid-diskors tiegħek. Ħafna ħsibijiet profondi illi milqutin b’sentenza però jekk inti tagħsar u tinżel iktar fil-fond issib illi kull waħda tieħdok f’qasam ħafna iktar profond ta’ ħsieb u ta’ implikazzjonijiet dwar x’għandu jsir speċjalment meta qegħdin nitkellmu fuq is-sistema edukattiva.

Nixtieq nibda billi nesprimi kemm ninsab kuntent li għal darb’oħra qiegħed hawn fostkom biex nagħtu l-premju lil dan il-ġuvnott Luigi, li permezz tal-imġiba u l-valuri tiegħu qed ikun ta’ sostenn importanti għal min għandu bżonn. Xi ħadd li għandu bżonn u sab lil Luigi biex jgħinu.

M’hemmx għalfejn ngħid kemm nieħu gost li ta’ kull sena, ħlief meta kien hemm il-COVID jekk m’iniex sejjer żball, grazzi għal Patri Mintoff niltaqgħu sabiex flimkien niċċelebraw it-tjubija fost it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. 

Patri Mintoff għamel diskors fit-tul rigward it-theddid għas-soċjetà tagħna u għaż-żgħażagħ tagħna b’mod partikolari, ħalli nazzarda ngħid, minħabba dawn il-mezzi tal-komunikazzjoni illi llum saru xi ħaġa illi minflok jintużaw għall-ġid, jistgħu jintużaw fih, imma qegħdin iwasslu għal diżastri kbar mhux biss fost it-tfal, imma addirittura jifirdu familji. Jifirdu familji.

Tul din il-Presidenza, sikwit smajtuni nitkellem dwar il-bżonn tal-għaqda nazzjonali. Faċli tgħidha u faċli nifhmu kif l-għaqda ta’ bejnietna, jekk isseħħ, hija element importanti għal soċjetà b’saħħitha, iżda rridu napprezzaw ukoll li dan ma jiġix waħdu u ma jiġix mix-xejn. Kollox irid l-isforz tiegħu u r-rieda tal-individwi biex jintlaħaq.

L-għaqda tinkiseb biss meta kull wieħed u waħda minna jkun lest li jagħti sehmu sabiex jinkiseb dak li normalment nirreferu għalih, li ngħidulu, il-‘ġid komuni’, il-‘ġid kollettiv’. Aħna soċjetà li ma nistgħux ngħixu kull wieħed għal rasu; ma nistgħux ngħixu: “Jiena qiegħed tajjeb, ma jimpurtanix minn ħaddieħor”, għaliex dak li qed tħoss li inti tajjeb, jiġi mminat mill-fatt li l-bqija tal-komunità, il-bqija tas-soċjetà, ħa therrilek dik il-bażi li inti tħoss li mingħalik qiegħed sod fuqha u allura anki hemmhekk, kull bniedem intelliġenti jifhem illi mhux biss irid jara li hu jkun tajjeb imma li jkun tajjeb f’soċjetà li qiegħda tajba.

Huwa dan il-ħsieb altruwistiku, li anki tkellem fuqu Patri Mintoff, li jifforma parti importanti mis-sisien ta’ soċjetà li tħaddan l-għaqda.

Soċjetà hija ovvjament dak li qed ngħixu fiha. Minn dejjem konna ngħidu illi ċ-ċellola primarja tas-soċjetà hija l-familja. Jiddispjaċini ngħid li l-familja, jekk nagħmlu riflessjonijiet fuq fejn qiegħda l-familja llum, ukoll għandna ħafna fuqiex ngħollu ħuġbejnna u ma nkunux kuntenti, però agħar minn hekk, hemm ukoll ir-rispett reċiproku – ir-rispett lejn wieħed lejn l-ieħor – u dan sfortunatament, bħalma indika fis-sistema, sa ċertu età, speċjalment it-tfal, ikollhom rispett għax ma jagħmlux distinzjonijiet, la ta’ kulur, la ta’ reliġjon, la ta’ lingwa. It-tfal itfagħhom flimkien, ta’ ċertu età, jaħdmu flimkien, jilagħbu flimkien u jieħdu gost flimkien.

Iktar ma jikbru, però, jibdew imbagħad jixorbu l-preġudizzji li nibdew ngħallmuhom aħna l-kbar: “Ma rridekx tagħmilha ma’ dak. Ma rridekx tkellem lil dak. Dak mhux bħalna. Dak differenti. Dak barrani. Dak kulur differenti. Dak ma jemminx bħalna”. U dawn huma l-injections li nagħtu lit-tfal tagħna biex meta jibdew jikbru mbagħad, jibdew joħolqu l-ghettos tagħhom u joħolqu s-separazzjonijiet u d-differenzi bejn wieħed u l-ieħor. Li anki mbagħad imorru oltre, ħafna drabi, li mhux biss jibqgħu sempliċiment separazzjoni imma ssir anki aggressjoni, illi jibdew jaggredixxu lil xulxin, jibdew jattakkaw lil xulxin u anki jibdew jaraw lil ħaddieħor, pjuttost milli membru tas-soċjetà, imma pjuttost għadu tagħhom stess.

Dejjem emmint li l-qofol tas-soċjetà huwa sens b’saħħtu ta’ responsabbiltà u kuxjenza soċjali. Dan li qed ngħid jirriżolvi ruħu proprju b’dan li qed ngħid: li tkun responsabbli, li tirrealizza li inti qed tgħix ma’ bnedmin oħra bħalek li għandhom id-drittijiet daqsek u li jridu jiġu rispettati kif inti tippretendi li ħaddieħor jirrispetta lilek. Jiena nemmen li soċjetà li hi kapaċi tagħder u tħenn hija tassew soċjetà li tista’ toffri l-pedament ta’ kull suċċess li pajjiżna jista’ jikseb. Illum il-ġurnata, nerġa’ ngħid, jekk wieħed idur madwaru ħafna drabi jgħidlek: “Jien m’għandix x’naqsam” – dak li għalaq bih Patri Dijonisju meta kkwota x’qallu Kajjin.

Kif tafu, dalwaqt ser nassistu għall-għoti tal-Midalja “Ġwanni XXIII għat-Tjubija”. Jiena nerġa’, bħalma dejjem nagħmel, nifraħ lil Patri Dijonisju għal din l-idea li kellu tant snin ilu illi dejjem rajnieha tibqa’ tiġi mġedda sena wara sena u li nemmen illum li dawk li rebħuha tant snin ilu, illum huma probabbilment waslu biex ikunu nanniet tant kemm kibru għaliex iż-żmien, ilek fuq il-ħamsin sena. U għalhekk nifraħ, bħalma għamilt diġà, lir-rebbieħ ta’ din is-sena, lil Luigi, talli qed iħaddem u jħaddan u jmexxi anki l-valuri nobbli tal-empatija, tal-ħbiberija u tas-solidarjetà billi jkun ta’ sostenn importanti għall-ħabib tiegħu Andrea, li qiegħed magħna hawnhekk ukoll.

Luigi jservi bħala pont, u m’iniex insemmi lil Luigi bħala Luigi, imma bħala eżempju, bejn id-diffikultajiet marbuta max-xogħol tal-iskola u l-kapaċitajiet ta’ Andrea, li qed jirċievi din l-imħabba f’dan is-sostenn, biex anki hu jkun jista’ jgawdi l-frott li jġib miegħu t-tagħlim u l-logħob bejn il-ħbieb li tant norbtu maż-żmien tat-tfulija, kif diġà tkellimt fuqu.

Mingħajr l-għajnuna ta’ ħaddieħor, probabbilment Andrea, u ngħidu b’rispett kbir hawnhekk lilu u l-ġenituri tiegħu, mingħajr l-għajnuna ta’ ħaddieħor forsi ma jiggwadanjax daqshekk, kieku, minn dak li qed jiġi espost għalih ġewwa l-iskola. Però meta mbagħad qed isib min jgħinu biex jassorbi u biex jieħu iktar minn dak li ġie offrut lilu, hemmhekk qegħdin naraw il-qalb kbira ta’ Luigi.

Luigi qed joffri ġest sempliċi, sa ċertu punt, li forsi għalih iħoss li huwa naturali li jagħmlu, però dan huwa ġest b’saħħtu li jispira rispett u mogħdrija lejn il-proxxmu, għaliex wara kollox kull wieħed huwa l-proxxmu tagħna. Fuq kollox, naraw kif Luigi huwa lest inaqqas, anki b’sagrifiċċju personali tiegħu, mill-ħin liberu tiegħu u jiddedikah għall-ġid ta’ ħaddieħor.

Veru li dawn li qed insemmu huma affarijiet ħfief, imma meta wieħed jirriflettihom, wieħed jista’ jagħmel mistoqsijiet lilu nnifsu: “Lest li nagħmel hekk jien ukoll? Kemm għandi ħin x’nagħti għal ħaddieħor?” Għalkemm irrid ngħid illi meta nħarsu mill-bogħod lejn l-istampa ta’ pajjiżna, dawk li aħna nsejħulhom organizzazzjonijiet volontarji, għandna ħafna ħafna. U ma rridux narmu u mmaqdru illi m’għandniex min jgħin. Meta naraw dawn l-organizzazzjonijiet volontarji illi jagħtu jdejhom u ħinhom għal ħafna ħafna kawżi ġusti, irridu wkoll inkunu kuntenti illi ngħidu: “Isma’, iva, għad fadlilna ċertu element ta’ empatija u għandna ċertu element anki ta’ responsabbiltà lejn setturi oħra tal-poplu illi għandhom bżonn min jgħinhom”.

Lezzjoni tajba din li qed nitkellmu fuqha għalina l-kbar. Dak li qed nagħtu lil Luigi llum huwa ċertifikat ta’ soċjetà matura. Qegħdin nirrikonoxxu u qegħdin nipprovaw inħeġġu u anki bih nagħmlu eżempju, bħalma sar b’oħrajn li ħadu l-istess ċertifikat u l-istess medalja snin ilu, illi aħna napprezzaw meta naraw dan it-tip ta’ komportament, dan it-tip ta’ aġir, kif iġib ruħu ġuvnott illum, għax mhuwiex xi tifel żgħir, ġuvnott ma’ kollegi tiegħu, ma’ ħbieb tiegħu.

Is-sodisfazzjon personali jinkiseb l-iktar meta nagħtu lilna nfusna għas-servizz ta’ ħaddieħor. Dan xi ħaġa li min qiegħed f’ċertu professjonijiet – ma rridx ngħid għax ġej minn din il-professjoni, imma meta tkun fil-caring professions pereżempju, meta inti fin-nursing, fit-tobba u f’ħafna professjonijiet li huma marbuta ma’ hekk, hemmhekk hemm ħafna okkażjonijiet fejn tagħmel servizz illi huwa, biex ngħid hekk, li jmur ’il bogħod minn dak illi taħseb li tista’ tagħti għaliex iċ-ċirkostanzi, bla ma trid, iġegħluk illi inti tagħti dak kollu li taf, dak kollu li tista’, ħalli tara li dak li jkun qed jirċievi s-servizz ikun aħjar. U dan, ovvjament, ma jistax isir jekk aħna niżolaw lilna nfusna u naħsbu biss fuq l-interessi tagħna. Irid ikun hemm din il-volontà li aħna naqsmu l-ħsibijiet tagħna, l-aġir li nagħmlu u fejn nistgħu anki dejjem inżommu f’rasna illi barra li rridu naraw li nkunu tajbin aħna, kif għedt diġà, irridu naraw li jkun hemm anki ħaddieħor ta’ madwarna li jkun qiegħed tajjeb.

Kif tafu, għandi għal qalbi u nitkellem ħafna dwar it-tfal tagħna bħala l-fulkru fuq xiex jiddependi l-ġejjieni u l-iżvilupp ta’ pajjiżna. Din mhix xi brainwave ta, mhix xi rocket science. Ovvjament, jekk aħna ma naħsbux u ma nittamawx illi ninvestu fit-tfal tagħna bit-tama li dawn jikbru u jagħmlu ċittadini tajbin, aħna nkunu qegħdin infarfru mir-responsabbiltà u naqtgħu qalbna mis-soċjetà tal-futur. Soċjetà tal-futur, ovvjament, diffiċli wieħed jipprevedi eżatt kif se tkun għaliex irridu nammettu wkoll illi aħna m’aħniex qegħdin ngħixu ġewwa bużżieqa, m’aħniex dejjem maqtugħin mid-dinja u sfortunatament, apparti kif diġà semmejt il-kuntatt illi hemm bil-mezzi tal-komunikazzjoni li ġabu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin minn barra biex ikun iktar aċċessibbli għalina u għat-tfal tagħna biex jarawh, għandna wkoll it-taħlit tal-kulturi li għandna fostna u anki l-ivvjaġġar ta’ spiss ta’ turisti, aħna nħobbu nsiefru, jiġifieri qegħdin f’dinja, kif jgħidu, dinja globalizzata. Illum jgħidu “the world is a village”, illi qegħdin ġo villaġġ u dak li qabel kien ikun ristrett, illum il-ġurnata aċċessibbli kemm bil-midja, kemm bit-televixin u dawn l-affarijiet kollha. U għalhekk irridu nippreparaw lit-tfal tagħna ħalli jkunu llum il-ġurnata mhux sempliċiment jilqgħu għal dak li jiġi minn ta’ madwarhom, imma anki minn dak li ġej u l-ideat li ġejjin minn barra.

Bħalma għedt, it-tfal huma bħal żerriegħa li maż-żmien, u għalaq anki b’din it-tixbiha Patri Dijonisju, bl-attenzjoni li jixirqilhom, tagħti l-frott. Però ħafna drabi jaf ikollok siġar illi jitilgħu anki morda, jaf ikollok siġar li jitilgħu mgħawġin u anki waqt li qegħdin jikbru s-siġar għandhom bżonn min jiddrittahom, min jagħmilhom ċertu trattament ħalli jagħtu l-frott u l-frott ikun tajjeb. Huwa ċar li skont kif nieħdu ħsiebhom u nrawmuhom huma u jikbru, jiddetermina x’tip ta’ adulti jsiru t-tfal meta jikbru. It-tfal ma jibqgħux tfal għal dejjem, bħalma nafu. Ħafna drabi aħna l-ġenituri nirrealizzaw illi kważi tarahom jikbru quddiem għajnejk bla ma tinduna u minn tfal żgħar jispiċċaw xebbiet, ġuvintur u rġiel, u hemmhekk wieħed jara r-riżultat ta’ dak li jkun żera’, ta’ dak li jkun ipprova jagħmel huma u qegħdin jikbru.

U f’dan l-isfond, irrid mill-ġdid nirringrazzja kemm lill-familja ta’ Luigi kif ukoll lill-għalliema li m’għandix dubju li kellhom rwol mhux żgħir biex irawmu f’Luigi dawn il-valuri nobbli, li għenuh iwettaq ma’ Andrea dak li ħass li kien dover u pjaċir tiegħu li jagħmel. U għalhekk ma rridx ninsa lanqas, kif qed ngħid diġà, l-għalliema li nafu illi ħafna tfal jagħmlu sigħat twal, sfortunatament kważi ngħid illum il-ġurnata hemm fejn jagħmlu iktar ħin mal-għalliema milli jagħmlu ħin mal-ġenituri minħabba l-esiġenzi tal-ħajja tal-lum.

Ma nistax inkompli mingħajr ma nsellem mill-ġdid il-ħidma soċjali u umanitarja ta’ Patri Dijonisju Mintoff. Mhux ħa nkun jien li nsemmi l-ħidma li għamel. Biżżejjed ngħidu li meta ġie l-Papa, kważi kważi kieku seta’ kien imur għand Patri Dijonisju Mintoff biss u jinsa lil kulħadd għaliex dik kienet il-mira oriġinali tiegħu. U rrid ngħidu hawnhekk, li fil-bidu għedtilhom jien: “Isma’, il-Papa għandu jkun jaf illi Malta mhux immigranti biss ta, hemm il-bqija”, imma l-iskop oriġinali tiegħu ried jara l-ħidma ta’ dan il-patri, illi llum għandu fuq id-disgħin sena, illi għal dawn is-snin kollha kien qiegħed jagħti kulma għandu u kulma kellu jaqsmu ma’ ħaddieħor li ma jafx min hu mingħajr ma jurih li qed jitmeżmeż mill-kulur jew mir-reliġjon jew whatever. Dan kien eżempju illi ma niddejjaqx infakkru u nfakkru f’wiċċu għaliex hija xi ħaġa li tispira lil kulħadd. U dan, apparti kollox, anki din l-idea li jippremja lil min b’xi mod jew ieħor ikun ta’ spalla għal ħaddieħor.

Kulħadd jaf li Patri Mintoff waqqaf il-Laboratorju tal-Paċi fl-1971, qed nitkellmu tlieta u ħamsin sena ilu, wara appell li kien għamel il-Papa Ġwanni XXIII biex nirriflettu dejjem iżjed u nkunu iktar konxji fuq l-importanza tal-paċi fid-dinja. 

Permezz ta’ dan il-laboratorju, Patri Mintoff ikompli jaħdem b’enerġija u dedikazzjoni biex isaħħaħ l-edukazzjoni favur il-paċi fid-dinja.

Il-poplu tagħna dejjem kien magħruf bħala poplu li jgħożż il-paċi u li huwa lest li jgħin bi ħġaru lil dawk kollha li huma vulnerabbli u qegħdin fil-bżonn.

Bħalma diġà għedt, dan għadna ma tlifniehx kollu, tlifna ħafna minnu, però ma nintremewx, ma ngħidux li tlifna kollox. Għad fadal ammont kbir ħafna illi jagħmel dan ix-xogħol u naħseb illi inizjattivi bħal dawn ikunu qed jagħmlu kuraġġ u jerġgħu jippruvaw iqajmu l-interess biex wieħed anki jagħti iktar ħin għal dawn l-attivitajiet.

B’dak li qed jagħmel Luigi ta’ kuljum, qed jagħtina eżempju ċar ta’ kif għandna nagħżlu d-djalogu minflok il-konfrontazzjoni; minflok il-ġlied niddjalogaw flimkien. L-imħabba minflok il-ġlied u t-tgħajjir. Ejjew inkunu dejjem vuċi għal dawk li m’għandhomx, u nkomplu nagħmlu dak kollu li nistgħu sabiex il-ġid komuni jiġi mħares, għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

Nagħlaq dan il-messaġġ billi mill-ġdid nawgura lil Luigi għal dan il-premju tant mistħoqq. U nieħu din l-opportunità biex inħeġġeġ lil iktar tfal u żgħażagħ biex isegwu l-eżempju tiegħu u jitgħallmu iktar kif jagħrfu l-ġid li jġibu magħhom is-solidarjetà u l-ġenerożità.

Grazzi. Prosit.

Skip to content