George Vella

President’s Award for Creativity 2021, 2022 on December 19, 2022 (Speech in MT)

Qegħdin nerġgħu niltaqgħu biex nippremjaw u nirrikonoxxu l-proġetti magħżula fi ħdan l-Premju tal-President għall-Kreattività, immexxi u kkordinat mill-Kunsill Malti għall-Arti. 

Awguri għal darb’oħra lil dawk li ntgħażlu. Nifirħilhom u ninkoraġġihom għall-ħidma u l-impenn li daħlu għalih, illum rikonoxxut ukoll u ffinanzjat mill-mekkaniżmu tal-Istat, u li issa jmiss biss li jitwettaq. L-għan ewlieni f’dawn il-proġetti għandu jkun dejjem ċar.

Dan għandu jkun dak li nixprunaw il-kreattività, inkebbsu l-immaġinazzjoni, u nħeġġu lill-komunitajiet tagħna biex jgħixu l-kreattività wkoll permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom.

L-għan ewlieni għandu wkoll ikun dak li nwessgħu l-parteċipazzjoni kulturali; b’determinazzjoni li – permezz tal-arti u l-kreattività – inkattru l-għarfien, id-djalogu, is-solidarjetà, l-involviment attiv, il-ġid fil-komunità.

Għandu wkoll l-għan li jpoġġi l-istituzzjoni u l-individwu fuq l-istess livell għaliex il-kreattività għandha tkun impenn ta’ kull wieħed u waħda minna, irrispettivament jekk aħniex parti minn istituzzjoni jew le.

Iżda fl-aħħar u mhux l-anqas, għandu wkoll ikun opportunità fejn nisħqu fuq it-tiftix u l-kisba tal-kwalità li ma għandhiex tkun biss fuq proġetti nazzjonali, iżda tinżel ukoll f’kull saff tas-soċjetà tagħna.

Dawn huma l-għanijiet li nemmen li għandkom iżżommu quddiem għajnejkom, intom li issa ser taħdmu biex dak li pproponejtu, jitwettaq. B’hekk inġibu l-bidla meħtieġa, nixprunaw il-kreattività u l-innovazzjoni kif wkoll nikkontribwixxu għal komunitajiet dejjem aktar inklussivi.

F’dawn is-snin kollha dan il-Premju stimula għadd ġmielu ta’ kollaborazzjonijiet bejn is-settur kulturali u s-settur soċjali, u ssarraf f’opportunitajiet ġodda f’setturi diversi għal kategoriji diversi tas-soċjetà Maltija. Il-parteċipazzjoni kulturali, ukoll permezz tal-impenn u l-kreattività, illum il-ġurnata resqet ħafna aktar lejn gruppi u kategoriji tas-soċjetà Maltija partikolari bil-għan li jkattru l-integrazzjoni u l-impenn fis-soċjetà permezz ta’ proġetti kulturali bħal dawn, maħsuba u magħżula għal dan il-għan.

Minn hawnhekk intennu wkoll l-impenn tagħna li nirrikonoxxu dak kollu li hu ta’ kwalità u eċċellenza f’kull kamp, u mhux biss fil-kamp kulturali. Dan hu dak li jagħmilna kburin b’pajjiżna, li minkejja ċ-ċokon tiegħu, ma joqgħodx lura milli jkompli jkun ambizzjuż u impenjat biex dejjem jgħolli l-livell, isostni l-kwalità, ikun preżenti dejjem aktar fil-kamp internazzjonali u jaspira dejjem aktar lejn l-eċċellenza u l-innovazzjoni.

Mill-ġdid, nerġa’ nifraħ lill-promoturi tal-proġetti magħżula, u nirringrazzja lil dawk kollha li ħadu parti.

Nirringrazzja l-bord tal-għażla, u nixtieq lil kulħadd aktar impenn biex inkunu kreattivi għall-ġid ta’ kulħadd.

Nixtiqilkom ilkoll Milied Hieni u Sena Ġdida mimlija risq, kuntentizza, u saħħa.

Skip to content