George Vella

Introductory Speech by His Excellency George Vella, President of Malta, during the Hate Speech Conference titled: Hate Speech: Challenged in Schools. 17th March 2023, Verdala Palace. (Speech in MT)

Onorevoli Ministru,

Professur Calleja,

Akkademiċi u Mistednin distinti,

Sinjuri,

L-ewwel nett, nirringrazzjakom tal-attendenza tagħkom għal din il-Konferenza, li qgħadtu tinqalgħu biex tiġu hawnhekk u magħna matul il-ġurnata tiddiskutu dan is-suġġett daqshekk topiku u importanti li ħafna drabi, jekk wieħed ma jagħtix kas, jibqa’ jidħol bil-mod il-mod, imma wieħed irid jilqagħlu, kif qalu tajjeb il-Ministru u anki l-Professur Calleja.

Is-suġġett li se niddiskutu mhu sabiħ xejn. Hawnhekk ningħaqad ma’ li qal il-Ministru rigward l-internazzjonalizzazzjoni tal-kelma ‘hate speech’. Però mbagħad anki nirrifletti fuq li qal il-Prof. Calleja meta qaleb it-tifsira tagħha bil-Malti. U naħseb li ngħiduha mhux biex noħorġu mill-‘hate speech’ bħala terminu, imma anki biex inwasslu l-kunċett ta’ x’qegħdin ngħidu għax ħafna drabi dawn il-buzz words, ngħidu ‘hate speech’, u f’moħħ dak li jkun, speċjalment il-Maltin, tajjeb li wieħed iwassal li bil-Malti dan il-messaġġ, li jagħmel din il-ħsara kollha bejn l-individwi fis-soċjetà inġenerali, huwa diskors li joħloq il-firda, diskors li jbiegħed. Mela l-kelma bil-Malti, meta qed ngħidu ‘hate speech’, huwa diskors ta’ mibegħda. Imma mibegħda fiha nfisha hija li tbiegħed lil wieħed mill-ieħor jiġifieri dan qed toħloq il-firda biha. U għalhekk il-valur tat-translation. Mhux biex noħorġu minn dik li qal il-Ministru, u naqbel miegħu mija fil-mija, illi trid tinftiehem mad-dinja kollha bħala hate speech, però meta għandna l-lingwa li tippresta ruħha u tfehimna eżatt x’inhu dan: dak huwa diskors li qed ibiegħed settur minn ieħor, persuna minn oħra, qed joħloq id-differenza.

Il-hate speech nisimgħu ta’ spiss dwaru u huwa element ikrah li nfirex, nistgħu ngħidu, f’kull soċjetà, inkluż tagħna. U l-Ministru tkellem tajjeb ħafna rigward il-mezzi kif illum iktar faċli biex inti xxerred ċertu diskors, kif twassal ċertu diskors, kif tippersegwixxi lil ċertu nies, anki mill-bogħod mhux neċessarjament ġo wiċċhom, għaliex tista’ twasslilhom messaġġi illi bihom tkun qiegħed tippersegwitahom letteralment. 

U jiena naħseb dan huwa l-iskop ta’ din il-Konferenza. Ovvjament, bħalma tafu, qegħdin nikkonċentraw fuq l-iskejjel għall-bidu, però huwa l-iskop li wieħed jgħid: “Imma x’inhu eżatt hate speech?”

Għalija dan huwa dibattitu, fih innifsu, bżonjuż għax qisu m’hawnx għarfien u qbil la fuq livell nazzjonali u lanqas fuq livell internazzjonali dwar eżatt fejn jibda il-hate speech u fejn jispiċċa l-hate speech. Il-Ġnus Magħquda kif ukoll l-Unjoni Ewropa, fost oħrajn, adottaw tifsiriet differenti.

Għall-kuntest tad-diskussjoni, għall-Kunsill tal-Ewropa ‘hate speech’ huwa diskors jew imġiba ta’ mibegħda li jinċita, jippromwovi u jiġġustifika l-vjolenza, l-abbuż u d-diskriminazzjoni kontra persuna jew grupp ta’ persuni fuq bażi ta’ razza, kulur tal-ġilda, lingwa, reliġjon, nazzjonalità, etniċità, età, diżabilità, sess, identità tal-ġeneru jew inkella orjentazzjoni sesswali, u qegħdin taraw li hemm firxa enormi ta’ suġġetti li fihom wieħed jista’ jipprattika l-hate speech. U rridu nifhmu li meta dan ħa napplikawh għal dak li għaddej minnu pajjiżna llum il-ġurnata bit-taħlit, bil-multikulturaliżmu kollu li għandna ġewwa pajjiżna, hemm ħafna okkażjonijiet fejn wieħed jista’ jisfoga, biex ngħid hekk, il-mibegħda tiegħu f’ċertu diskors lejn ċertu setturi tas-soċjetà jew inkella ċertu gruppi etniċi.

Mingħajr ma nidħol fil-mertu ta’ din id-definizzjoni, il-hate speechjinkwetani mhux ftit u kemm-il darba tkellimt fuq hekk, anki fl-ambitu ta’ għaqda nazzjonali. U rrid infakkar li hawnhekk konna bdejna fil-bidu tal-Presidenza tiegħi biex nippruvaw nagħmlu għaqda nazzjonali, kienet ikkritikata, kien hemm min qabel, min ma qabilx, irrid ngħid illi sibna ħafna problemi amministrattivi biex titwaqqaf din l-unità ta’ għaqda nazzjonali, però din għalija hija parti minnha, hija waħda minnhom, għaliex wara kollox qed nitkellmu fuq l-għaqda nazzjonali meta qed nitkellmu rigward affarijiet bħalma hija l-edukazzjoni, bħalma huwa l-hate speech, bħalma hija l-ambjent, bħalma huwa t-tibdil fil-klima, dawn huma affarijiet illi jġibu d-differenzi u iktar ma nitkellmu fuqhom u iktar ma nsibu pożizzjonijiet komuni, iktar innaqqsu d-differenzi li hemm bejnietna. U ddeċidejna illi flok noqogħdu nistennew illi tkun imwaqqfa l-assoċjazzjoni kompletament, din hija, biex ngħid hekk, waħda mill-ewwel attivitajiet li qegħdin nużaw ħalli kemm jista’ jkun innaqqsu d-differenzi li hemm bejnietna.

Bħalma diġà għidt, id-definizzjoni fiha nfisha, wieħed ipoġġiha fl-ambitu ta’ għaqda nazzjonali. L-għaqda ma tistax tinbena fuq il-ġlied, ma tistax tinbena fuq it-tgħajjir, u ma tistax tinbena fuq in-nuqqas ta’ rispett wieħed lejn l-ieħor jew inkella fuq kliem ta’ theddid jew inkella ta’ twissijiet. Għax dan iġib il-firda, iġib l-esklużjoni u jġib l-istmerrija u r-reazzjoni.

Qed ngħid l-ovvju meta qed ngħid illi l-mibegħda m’għandha qatt tirbaħ fuq ir-rispett reċiproku. M’hemmx post għaliha u ma hija ġġustifikata qatt.

U b’dan irrid infisser li anki meta ma nkunux naqblu ma’ xi ħadd, ir-rispett għandu jkun hemm kemm lejn ħutna Maltin u Għawdxin u kemm lejn dawk il-ħafna barranin li jgħixu, jaħdmu u jagħtu kontribut dirett fit-tisħiħ ta’ pajjiżna għax anki l-mod kif nużaw ċertu aġġettivi ta’ stmerrija kultant, mhux neċessarjament biex ninsultaw lill-individwu, imma anki b’disprezz lejn dak il-livell ta’ ħaddiema jew inkella dak it-tip ta’ nies, dik l-etniċità, li nitkellmu fuqhom b’ċertu stmerrija. Dan ifisser li anki meta ma nkunux qed naqblu, ir-rispett għandu ikun qiegħed hemmhekk fi kliemna, fl-aġir tagħna u fil-komportament tagħna, fil-mod kif inġibu ruħna ma’ dawn il-persuni l-oħra.

Minn hawn irrid nappella lill-politiċi, il-ġurnalisti, nies ta’ influwenza fuq il-midja, lil min iħaddem u lil nies oħra ta’ prominenza sabiex dejjem inqisu kliemna u anki għemilna kemm meta nkunu online, u kemm meta nkunu offline. Nappella b’mod partikolari biex jiġi evitat dan it-tip ta’ lingwaġġ speċjalment fejn tidħol il-politika.

Kif jgħid il-Malti, l-eżempju jkaxkar.

Għandna nkunu għalhekk minn tal-ewwel li nagħtu l-eżempju bil-kliem u bl-aġir li joħloq sens ta’ empatija, imħabba u rispett lejn kulħadd, anki lejn dawk li ma naqblux magħhom. U allaħares naqblu dejjem. Fis-soċjetà demokratika huwa ovvjament assunt illi wieħed juri differenzi u jesprimi d-differenzi, però dejjem hemm mezz edukat, hemm mezz pulit, hemm mezz rispettuż kif wieħed juri d-differenzi bla ma jinsulta jew inkella jiddenigra lin-naħa l-oħra.

Irridu nagħrfu d-diversità – dan huwa fatt ta’ madwarna –, il-multikulturaliżmu u l-inklużjoni. Dawn mhux talli ma jagħmlux il-ħsara, dawn jgħinuna nitjiebu anki ekonomikament u jagħmluna iktar għonja fil-valuri tagħna jekk kemm-il darba nħarsu lejhom b’mod kif suppost inħarsu lejhom u joħolqu l-ekwità li wara kollox imbagħad tiġi msarrfa fil-ġustizzja soċjali. Ma jistax ikollok ġustizzja soċjali u sens ta’ paċi ċivika jekk inti għandek trewwieħ ta’ inkwiet bejn grupp u ieħor, bejn klikka u oħra, bejn in-nies. Dan huwa xi ħaġa illi definittivament ma jwassalx biex ikun hemm paċi fis-soċjetà.

Bħalma diġà ntqal, l-iskop ta’ din il-Konferenza huwa li flimkien nisimgħu u nixtarru eżatt xi jfisser hate speech, x’qed iwassal biex elementi mis-soċjetà tagħna jirrikorru għalih, u anki nippruvaw naraw kif nistgħu naslu għall-għerq tiegħu u kif nistgħu mmewtuh. 

Nafu li ħafna mid-drabi l-mibegħda tiġi min-nuqqas ta’ edukazzjoni u informazzjoni, però din mhix skuża. Ma nistgħux ngħidu illi min juża l-hate speech għax mhux edukat u għax mhux infurmat. Jiena dik ma naċċettahiex u għalhekk huwa importanti li nitkellmu fuq il-hate speech speċjalment b’relazzjoni mal-iskejjel u mal-edukazzjoni għaliex nemmen ħafna li meta aħna ninvestu fiż-żgħar u ninvestu fit-tfal li qegħdin jikbru, inkunu qegħdin nilħquhom fi stadju tal-ħajja fejn jistgħu ċertu affarijiet u ċertu valuri jeħduhom.

Jiena, filwaqt li napprezza li n-nukleu familjari, il-familja, huwa fejn ir-rispett reċiproku għandu jiġi mgħallem l-ewwel u qabel kollox sa mit-twelid, però nemmen ukoll bis-sħiħ dwar il-vokazzjoni u r-responsabbiltà tal-edukaturi illi fis-sistema edukattiva jagħmlu anki huma l-kontribut tagħhom biex lit-tfal tagħna ntellgħuhom jifhmu x’jiġifieri l-hate speech, il-ħsara li jagħmel u kif nistgħu nevitawh.

Kif kont għidt fid-diskors tal-ħatra tiegħi bħala Kap tal-Istat fl-2019, mingħajr edukazzjoni m’hemmx l-għodda meħtieġa biex jitfassal futur aħjar għal pajjiżna. Hija veru buzz word illi kull darba ngħidu: “Għax hemm bżonn edukazzjoni”. Meta nsemmu u kulma nsemmu, hemm bżonn l-edukazzjoni. Però sfortunatament huwa veru, jew fortunatament ħa ngħid hekk, illi minn twelidna, kif semmejt, minn ġewwa l-familji imma mbagħad meta nibdew anki fl-iskejjel it-tagħlim formali, nemmen illi l-edukazzjoni hija l-ikbar ċavetta u l-ikbar għodda li wieħed jista’ jkollu biex jifforma ż-żgħażagħ tagħna.

L-iskejjel tagħna, speċjalment dawk fil-livell primarju, huma dawk li jrażżnu l-għira u li jnebbtu ż-żerriegħa tat-tolleranza attiva li ma tibżax mid-diversità. U hawnhekk qegħdin narawh iktar, u tgħallmuni intom min qiegħed fl-iskejjel. It-tfal, sa ċertu età, kulur tal-ġilda, sess, ma jagħmlu l-ebda differenza. Jagħmlu ħbieb ma’ kulħadd, jilagħbu ma’ kulħadd, jogħġobhom kulħadd, m’għandhom għira għal ħadd u ma jinsulentaw lil ħadd. Imbagħad iktar ma nikbru nibdew nixorbu kelma minn hawn, kelma minn hemm, u nibdew inrabbu l-preferenzi, nibdew inrabbu l-għira, nibdew inrabbu l-affarijiet illi sfortunatament jibdew imbagħad iġegħluna niddistingwu, inwarrbu, lil min ma jogħġobniex jew inkella lil min xi ħadd ikellimna b’mod negattiv fuqhom.

Sabiex jgħinuna nagħmlu dan, għandna magħna llum f’din il-Konferenza, u qed nieħu gost, nirringrazzjakom li ġejtu, firxa wiesgħa ta’ esperti f’oqsma varji, inkluż min ġej mill-edukazzjoni, iżda anki mill-inklużjoni, is-soċjoloġija u l-istudju tal-ġeneru, il-qasam legali u l-qasam lingwistiku.

Irrid nirringrazzjahom kollha: Dr Francois Mifsud, Prof. JosAnn Cutajar, Dr Mary Muscat, Dr Phyllisienne Vassallo Gauci u Prof. Stavros Assimakopoulos.

Filwaqt li dawn il-kelliema se jgħinuna kollha biex nifhmu l-fenomenu ta’ hate speech minn aspetti differenti, nixtieq li jkollna diskussjoni miftuħa u attiva speċjalment fit-tieni parti tal-Konferenza. 

Nixtieq li nisimgħu ideat u fehmiet differenti li fl-aħħar iqarrbuna għal soluzzjonijiet maqbula mhux biss mil-lat akkademiku iżda wkoll mil-lat uman, soċjali, legali, edukattiv u, fuq kollox, mil-lat prattiku.

Fl-għeluq tal-Konferenza se nkun qed nindirizzakom mill-ġdid għal sommarju qasir tal-punti ewlenin kif ukoll naraw li jinħoloq, possibbilment, pjan ta’ ħidma ’l quddiem biex ikollna ambjent iktar inklussiv għal kull membru tas-soċjetà. 

Nawgura li l-Konferenza sservi għat-tisħiħ tal-għarfien tagħna dwar il-hate speech u kemm l-iskejjel għandhom kontribut kbir x’jagħtu f’dan il-qasam.

Grazzi ħafna.

Skip to content