George Vella

Conference Opening Points for The State of the Nation by E.T. President George Vella, 2 June 2023, (Speech in MT)

Onorevoli Ministri,

Onorevoli Membri Parlamentari,

Mistednin Distinti,

Sinjuri,

L-ewwel nett, grazzi talli sibtu l-ħin biex tiġu hawn dalgħodu biex flimkien niddiskutu dak li qiegħed jolqot lil pajjiżna u lil niesna.

Tassew pjaċir għalija li nilqagħkom hawn fil-Palazz Verdala għat-tielet darba, għat-tielet konferenza, u, kif għedt diġà, tilqgħu l-istedina tagħna għall-konferenza ta’ din is-sena.

Bħalma tafu seħħew ħafna affarijiet u żviluppi fis-soċjetà tagħna kif ukoll madwar id-dinja mill-ewwel darba li ltqajna fis-sena 2021. Ħadd ma kien qed jarahom, ħadd ma kien qed jipprevedi dak li ġara, però, ovvjament, wara li varajna l-ewwel konferenza kien hemm l-ewwel reazzjonijiet u anki l-ewwel dibattiti.

Kif tafu mbagħad kellna l-COVID-19 illi rrestrinġietna b’xi mod u anki kellha effetti kemm diretti u anke indiretti fuq il-kwalità tal-ħajja tagħna, u mbagħad anki l-gwerra tal-Ukranja illi, tajjeb jew ħażin, qed tolqotna b’mod jew ieħor.

Ħadd minna sentejn ilu ma kien qiegħed ibassar illi ħa jiġru dawn l-affarijiet u iktar u iktar ħadd minna ma kien qed ibassar x’kien se jiġri wara dak l-ewwel eżerċizzju li għamilna ta’ din ix-xorta.

Kienet inizjattiva illi ħadnieha, kif spjega tajjeb Lou Bondi, u kien hemm ukoll min fil-bidu kien ritika ħafna: “Għalfejn se nagħmluha?”, “M’hemmx bżonnha”, “X’se nieħdu minnha?”, “Fejn se teħodna?” u dawn l-affarijiet kollha.

Irrid ngħid li anki kien hemm min kien negattiv, fis-sens illi beda jipprova anki jiskoraġġixxi li din il-konferenza tagħmel dak li kellha tagħmel, jew inkella dwar il-bżonn tagħha.

Dak iż-żmien ma stajniex inbassru x’kienet se tkun ir-reazzjoni tal-pubbliku inġenerali wara li konna qegħdin nippubblikaw l-istħarriġ, u anki wara li bdew jiġu studjati x-xejriet li qegħdin imexxu l-ħsibijiet u l-imġiba tad-deċiżjonijiet tal-poplu Malti.

Però kif jintqal ħafna drabi, dak li huwa xjentifiku huwa dejjem validu għaliex meta inti qed tagħmel stħarriġ xjentifiku, dak li joħroġ minnu, jogħġbok jew ma jogħġbokx, ma tistax tinjorah.

Li konna diġà nixtiequ però kienet li jkollna viżjoni fit-tul u mhux okkażjoni ta’ darba li ma twassal għal imkien. Dik kienet mill-ewwel l-idea li kellna u konna nafu illi sempliċiment li inti tieħu frame wieħed minn film, ma kienx se jagħtik viżjoni valida jew inkella xi ħaġa li tista’ taħdem fuqha, għaliex il-ħajja għaddejja, il-ħajja titbiddel il-ħin kollu u tiżviluppa l-ħin kollu. Allura kien hemm diġà din l-idea illi ejjew nibdew bl-ewwel konferenza u mbagħad naraw x’se jiġri.

Però issa wasalna fi stat illi mmorru pass ieħor ’il quddiem. Din hija t-tielet darba u minn kif se jirriżulta u anki minn kif se jispjegalna r-riżultat ta’ dak li nstab, jidher ċar issa li għandna xejriet illi nistgħu nieħdu deċiżjonijiet fuqhom u nistgħu anki nitkellmu fuqhom.

U allura jiena minn hawn minn issa nista’ ngħid, u mbagħad ’il quddiem fl-aħħar tal-konferenza nerġa’ nitkellem, però ħa ngħid minn issa li diġà nistgħu nibdew ngħaddu issa għall-istadju ta’ rakkomandazzjonijiet jew inkella implimentazzjoni dwar dak li se nisimgħu llum.

U rrid ngħid illi nirringrazzja lill-panels li hawn u nirringrazzja lin-nies kollha li aċċettaw li jieħdu parti għaliex mhux lakemm tlaqqa’ dawn in-nies kollha, din l-esperjenza kollha li għandhom flimkien, biex inkunu nistgħu b’mod iktar oġġettiv nitkellmu fuq dak li qiegħed jolqot lil pajjiżna.

Però ovvjament la jiddependi minni, mill-Presidenza, la jiddependi mis-Sur Bondi u lanqas minn Dr Marmarà. L-implimentazzjoni hija xi ħaġa li jrid jadotta l-Eżekuttiv, irid iħaddan l-Eżekuttiv, u jimplimenta l-Eżekuttiv.

Huwa importanti li l-politiċi tagħna, kif qalet tajjeb anki l-President Metsola, u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet, is-soċjetà ċivili u l-NGOs flimkien jibdew iħarsu lejn din il-konferenza wkoll minn din il-lenti. B’mod kritiku dejjem, għax il-kritika ma tagħmel ħsara lil ħadd. Però kritiku b’mod oġġettiv. Illi tara x’se tislet il-pożittiv minnu u jekk hemm bżonn, għaliex le, anki tikkritika dak li taħseb illi seta’ kien aħjar jew seta’ sar aħjar.

Jiġifieri minn hemmhekk irridu naraw li dawn l-awtoritajiet u dawn l-NGOs, jekk jogħġobhom, jieħdu dan li se jingħad hawn ġew, u li se jiġi diskuss u se jiġi mistqarr hawn ġew, bħala gwida dwar xi jrid isir u xi jrid jitwettaq.

Fuq medda ta’ tliet snin ser ikollna biżżejjed informazzjoni li biha b’mod oġġettiv u b’mod xjentifiku nistgħu ngħaddu għal dak li huwa studju komparattiv: minn fejn bdejna. U dan intqal anki fl-ewwel konferenza meta għidna illi qegħdin nagħmlu analiżi ta’ min aħna u fejn wasalna, għaliex huwa proċess, kif għedt, illi jiżviluppa l-ħin kollu u allura ma nistgħux ngħidu wasalna s’hawn u se nieqfu hawn. Kif għedt diġà, is-soċjetà u l-poplu huma xi ħaġa li jkomplu jiżviluppaw b’mod partikulari.

Bil-materjal li se jkollna nistgħu, nerġa’ ngħid, b’mod oġġettiv u xjentifiku, inqabblu tal-lum ma’ tal-bieraħ u nfasslu dak li hemm bżonn li jsir għall-futur.

Jista’ jkun li joħorġu wkoll risposti għall-mistoqsijiet li jmissuna fil-laħam il-ħaj. U l-President Metsola għamlet xita, ruxxmata, ta’ mistoqsijiet validissimi illi wieħed b’mod ċar u mingħajr passjoni partiġġjana politika jista’ jpoġġi bilqiegħda u janalizzahom fl-aħjar interess tal-poplu tagħna.

Dawn il-mistoqsijiet li jmissu l-laħam il-ħaj tas-soċjetà tagħna, bħal pereżempju għadniex aħna nħaddnu l-valuri tradizzjonali ta’ dari. U tgħiduli: “Għaliex qed tidħol mill-ewwel fuq il-valuri?” Għax il-valuri nemmen illi huma l-bażi ta’ dak kollu illi nistgħu niżviluppaw bih u li jiggwidawna fejn għandna mmorru. Jekk nitilfu l-valuri tagħna nkunu soċjetà mingħajr valuri.

Bħalma saqsiet hi, nistaqsi jien: Tintilef l-identità Maltija qiegħda jew aħna għadna ngħożżuha?

Jekk il-politika partiġġjana għadhiex tissodisfa l-aspettattivi tagħna.

Inżid ukoll ir-rwol tal-midja soċjali li, bħalma tafu, ħadet rwol importantissimu fis-soċjetà tagħna u nistaqsi jekk dawn hux qed iħarbtuna fil-ħajja tagħna jew inkella hux qegħdin jgħinuna. Għaliex ħafna drabi nisimgħu ħafna complaints, ħafna tgergir, dwar il-ħsara li tista’ tagħmel. Però fl-istess ħin ma nistgħux narmu l-valur enormi tal-midja soċjali li jwasslu u jxerrdu l-aħbarijiet.

Jekk aħna għadniex verament poplu tolleranti jew inkella dan hux biss kliem sabiħ li meta niġu għall-fatti ma jirriflettix il-verità. Bil-fomm ngħidu mod, però meta niġu biex nattwaw l-affarijiet insibu illi għandna valuri differenti, ħafna drabi wkoll tkun riżultat ta’ azzjonijiet ħarxa u anki li ma jagħmlux sens ma’ dak li nistqarru.

Domanda oħra li tiġini f’moħħi, biex inżid ma’ dak li kienet qed titkellem fuqu u naqbel ħafna mal-President Metsola, huwa l-ambjent, li ħafna tafu li jiena għal qalbi ħafna, li nemmen ħafna li għandna nkunu sensittivi għalih, u nistaqsi jekk hux veru kollha ngħidu li rridu nibżgħu għalih.

Però meta dan ikun ta’ ħaddieħor, jew meta jmiss lilna? Għax meta jmiss lilna ħafna drabi niġġieldu, kif jgħidu, tooth and nail, biex dak iċ-ċentimetru art li għandna ntellgħuh ħames sulari, sitt sulari, seba’ sulari fuqu. Jiġifieri din hija xi ħaġa illi rridu nkunu onesti magħna nfusna, nippuntaw subgħajna lejna u ngħidu: “Isma’, aħna hawn fejn qegħdin?”

U meta nitkellmu fuq il-kostruzzjoni – li nieħu gost nara li anki l-midja tagħna irrankaw fuq dan is-suġġett u anki azzjonijiet ċivili, xi ħaġa illi bla ma wieħed jasal biex jgħid li trid tieqaf, imma jgħid li jkun hemm kontroll u kontroll serju u oġġettiv – wieħed irid jara illi hemmhekk nitkellmu mingħajr passjoni.

U dawn, bħalma qed taraw, qed inżidhom mal-mistoqsijiet li għamlet il-President Metsola.

Biex ma ntawwalx, is-sabiħ ta’ din l-inizjattiva huwa r-risposti li qegħdin infittxu. U qegħdin infittxuhom mingħand forsi min diġà huwa espert fil-qasam, uħud li se jindirizzaw din il-konferenza huma esperti; professjonisti li diġà għandhom xi teorija f’moħħhom jew oħra; però anki mir-riżultat tal-poplu għax, wara kollox, il-kelliem prinċipali f’din il-konferenza ħa jkun il-poplu illi sar is-sondaġġ fuqu u li tkellem bla ebda riservi.

Aħna ħriġna mill-parametri ta’ konferenza tradizzjonali u morna, kif qed ngħid, għand il-poplu ħalli jkollna tweġibiet mingħandu.

Jiena nispera illi din il-konferenza titkellem bla xkiel u b’mod oġġettiv u li r-riżultati li joħorġu minnha jkunu ta’ valur biex jiggwidaw lil min se jieħu deċiżjonijiet fil-futur.

Bl-ispontanjetà tagħha din il-Konferenza u bil-mod kif iċ-ċittadin ġie mistoqsi biex jitkellem b’mod anonimu, jiena nemmen illi se tkun is-sustanza tad-diskussjonijiet tal-lum.

Bħalkom ninsab ħerqan li nixtarru flimkien ir-riżultati tal-istħarriġ u nsegwu d-diskussjonijiet li hemm imfassla għal-lum u għalhekk ma ntawwalx u nipprova nagħlaq hawn.

Li rrid ngħid huwa illi ma nistgħux okkażjoni bħal din, fejn veru għandna ħafna sondaġġi għaddejjin, però dan huwa sondaġġ illi, kif għedt fil-bidu, ħa jorbot mat-tnejn ta’ qablu u allura għandna sekwenza, u minn hemmhekk nistgħu naslu biex ikollna ideat ċari dwar x’nixtiequ li naraw jitwettaq. U f’dan il-każ, kif għedt diġà, immorru mill-kliem għall-azzjoni ħalli nkunu nistgħu fl-aħħar tal-konferenza anki nitkellmu fuq forsi riżoluzzjonijiet jew inkella rakkomandazzjonijiet li jagħmlu sens.

Nagħlaq billi nsellem mill-ġdid u nrodd ħajr lis-Sur Bondi, lil Dr Marmarà u lill-kelliema kollha li se jieħdu parti f’din il-konferenza, u nistieden lilkom parteċipanti tal-udjenza biex tieħdu rwol attiv u rispettuż waqt id-dibattitu. U dan se nagħmel enfasi fuqu.

S’issa dejjem kellna diskussjonijiet li kienu rispettużi lejn xulxin, diskussjonijiet kif suppost, li nesprimu dak li nemmnu bla ma noqogħdu nżommu lura milli niddejqu li ngħidu illi dan jogħġobni jew ma jogħġobnix, però ma nkunux personali u ma nattakkaw lil ħadd għaliex dak huwa l-mod kif inżommu l-livell ta’ din il-konferenza.

Jiena, kif għedtilkom, fl-aħħar tal-konferenza nispera li wara li nkun smajt lil kulħadd, nagħmel analiżi ta’ dak li ġara u nipprovaw nagħmlu sommarju ta’ kollox.

Nirringrazzjakom u nawguralkom li tieħdu gost matul din il-konferenza.

Grazzi ħafna.

Skip to content